Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 45

Apprezza l-Privileġġ li Taqdi lil Ġeħova fit-Tempju Spiritwali

Apprezza l-Privileġġ li Taqdi lil Ġeħova fit-Tempju Spiritwali

“Qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art.”—RIV. 14:7.

GĦANJA 93 Bierek il-laqgħat tagħna flimkien

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. X’qed jgħid anġlu, u dan kif jeffettwana?

 KIEKU jiġi jkellmek anġlu, tagħti kas dak li jgħidlek? Illum, anġlu qed ikellem “lil kull ġens u tribù u lsien u poplu.” X’inhu jgħid? “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja . . . Qimu lil Dak li għamel is-sema u l-art.” (Riv. 14:​6, 7) Ġeħova hu l-Alla l-veru, u kulħadd għandu jagħti qima lilu. Kemm għandna napprezzaw il-privileġġ li tana Ġeħova li nistgħu naqduh fit-tempju spiritwali tiegħu!

2. X’inhu t-tempju spiritwali taʼ Ġeħova? (Ara l-kaxxa “ X’Mhuwiex it-Tempju Spiritwali.”)

2 X’inhu t-tempju spiritwali? U fejn nistgħu nsibu d-dettalji li jgħinuna nifhmu x’inhu? It-tempju spiritwali mhuwiex post letterali. Dan hu l-arranġament li għamel Ġeħova biex jaċċetta l-qima tagħna grazzi għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. L-appostlu Pawlu spjega iktar dwar dan fl-ittra tiegħu lill-Kristjani Lhud li kienu jgħixu l-Lhudija. b

3-4. Pawlu għala kien inkwetat dwar il-Kristjani Lhud, u kif għenhom?

3 L-appostlu Pawlu għala kiteb lill-Kristjani Lhud fil-Lhudija? Wisq probabbli għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, biex jinkuraġġihom. Qabel ma saru Kristjani ħafna minnhom kienu fir-reliġjon Lhudija. Jistaʼ jkun li l-mexxejja reliġjużi li kellhom qabel kienu jwaqqgħuhom għaċ-ċajt minħabba li saru Kristjani. Għala? Għax il-Kristjani la kellhom tempju fejn setgħu jmorru jqimu lil Alla, la artal biex joffru s-sagrifiċċji fuqu, u lanqas qassisin. Dan setaʼ skuraġġixxa lid-dixxipli taʼ Kristu u dgħajfilhom il-fidi tagħhom. (Ebr. 2:1; 3:​12, 14) Forsi xi ftit minnhom bdew jaħsbuha biex jerġgħu jmorru fir-reliġjon li kellhom qabel.

4 It-tieni, l-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani Lhud li ma kinux qed jieħdu “l-ikel solidu,” jiġifieri jitgħallmu tagħlim ġdid jew iktar fil-fond li nsibu fil-Kelma t’Alla. (Ebr. 5:​11-14) Milli jidher, xi wħud minnhom kienu għadhom qed jimxu mal-Liġi taʼ Mosè. Pawlu spjega li d-dnubiet ma setgħux jinħafrulhom permezz tas-sagrifiċċji li kienu joffru skont il-Liġi. U kien għalhekk li l-Liġi ġiet imwarrba. Imbagħad, Pawlu għallimhom xi affarijiet li kienu iktar diffiċli biex jifhmuhom. Hu fakkarhom li permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù kien se jkollhom “tama aħjar,” li setgħet tgħinhom jersqu “qrib lejn Alla.”—Ebr. 7:​18, 19.

5. Xi rridu nifhmu mill-ktieb t’​Ebrej, u għala?

5 Pawlu spjega lill-aħwa li l-mod kif kienu qed jaqdu lil Ġeħova kien ħafna aħjar mill-mod kif kienu jaqduh fil-passat. Il-mod kif il-Lhud kienu jaqdu lil Alla skont il-Liġi kien bħal “dell taʼ dak li għandu jiġi, imma r-realtà hi tal-Kristu.” (Kol. 2:17) Id-dell taʼ xi ħaġa mhuwiex l-oġġett reali. B’mod simili, il-mod kif il-Lhud kienu jaqdu lil Alla fil-passat kien qisu dell għax kien se jkun hemm mod aħjar kif iqimu lil Alla. Aħna wkoll irridu nifhmu kif il-Kristjani tal-bidu kienu jqimu lil Ġeħova. Hu importanti li nifhmu x’għamel Ġeħova biex jaħfrilna d-dnubiet ħalli nqimuh b’mod li jogħġob lilu. Allura, ejja nqabblu d-“dell” (il-mod kif il-Lhud kienu jqimu lil Ġeħova) mar-“realtà” (il-mod kif il-Kristjani jqimu lil Ġeħova), kif jispjega l-ktieb t’​Ebrej. Billi nagħmlu hekk, ħa nifhmu aħjar x’inhu t-tempju spiritwali u kif għandu x’jaqsam magħna.

IT-TABERNAKLU

6. X’kien it-tabernaklu?

6 Il-mod kif il-Lhud kienu jqimu lil Ġeħova. Pawlu bbaża dak li qal fuq it-tabernaklu li għamel Mosè fis-sena 1512 QK (qabel Kristu) (Ara ċ-ċart “Il-Mod Kif il-Lhud Kienu Jqimu lil Ġeħova—Il-Mod Kif il-Kristjani Jqimu lil Ġeħova.”) It-tabernaklu kien bħal tinda li l-Iżraelin kienu jġorru minn post għall-ieħor. Huma użawh għal madwar 500 sena, sakemm bnew it-tempju f’Ġerusalemm. (Eżo. 25:​8, 9; Num. 9:22) “It-tinda tal-laqgħa” kienet il-post fejn l-Iżraelin setgħu joffru s-sagrifiċċji u jqimu lil Ġeħova. (Eżo. 29:​43-46) Imma t-tabernaklu kien jirrappreżenta xi ħaġa ħafna aħjar li kien se jkollhom il-Kristjani.

7. It-tempju spiritwali meta beda jeżisti?

7 Il-mod kif il-Kristjani jqimu lil Ġeħova. It-tabernaklu kien “dell taʼ l-affarijiet tas-sema,” u kien jirrappreżenta t-tempju spiritwali taʼ Ġeħova. Pawlu qal li din “it-tinda [jew, tabernaklu] hi tixbiha għaż-żmien stabbilit li hawn issa.” (Ebr. 8:5; 9:9) Għalhekk, meta hu kiteb lil-Lhud, it-tempju spiritwali kien diġà jeżisti. Dan beda jeżisti fis-sena 29. F’dik is-sena, Ġesù tgħammed, intgħażel permezz tal-ispirtu qaddis, u beda jaqdi lil Ġeħova bħala l-“qassis il-kbir grandjuż” fit-tempju spiritwali. cEbr. 4:14; Atti 10:​37, 38.

IL-QASSIS IL-KBIR

8-9. Skont Ebrej 7:​23-27, x’inhi d-differenza bejn il-Qassis il-Kbir grandjuż, Ġesù Kristu, u l-qassisin il-kbar t’Iżrael?

8 Il-mod kif il-Lhud kienu jqimu lil Ġeħova. Il-qassis il-kbir kien jirrappreżenta lin-nies quddiem Ġeħova. Meta ġie inawgurat it-tabernaklu, Ġeħova għażel lil Aron bħala l-qassis il-kbir. Bħalma spjega Pawlu, “ħafna kellhom isiru qassisin, wieħed wara l-ieħor, minħabba li l-mewt ma ħallithomx ikomplu jaqdu bħala qassisin.” d (Aqra Ebrej 7:​23-27.) U minħabba li dawn il-qassisin kienu imperfetti, huma kellhom joffru sagrifiċċji għad-dnubiet tagħhom ukoll. Mela, bejn il-qassisin il-kbar t’Iżrael u l-Qassis il-Kbir grandjuż, Ġesù Kristu, hemm differenza kbira.

9 Il-mod kif il-Kristjani jqimu lil Ġeħova. Il-Qassis il-Kbir tagħna, Ġesù Kristu, hu “l-qaddej . . . tat-tinda vera, li bena Ġeħova, u mhux il-bniedem.” (Ebr. 8:​1, 2) Pawlu spjega: “Peress li [Ġesù] jibqaʼ jgħix għal dejjem, hu għandu saċerdozju mingħajr suċċessuri.” Pawlu qal ukoll li la Ġesù hu “bla tinġis, mifrud mill-midinbin,” ma kellux joffri sagrifiċċji kuljum għal dnubietu stess, bħalma kellhom jagħmlu l-qassisin il-kbar t’Iżrael. Issa ara x’inhi d-differenza bejn l-altari u s-sagrifiċċji li kienu jagħmlu l-Lhud u l-mod kif il-Kristjani jqimu lil Ġeħova.

L-ALTARI U S-SAGRIFIĊĊJI

10. Is-sagrifiċċji fuq l-altar tar-ram x’kienu jirrappreżentaw?

10 Il-mod kif il-Lhud kienu jqimu lil Ġeħova. Qabel id-daħla tat-tabernaklu kien hemm altar tar-ram li fuqu kienu jiġu offruti l-annimali bħala sagrifiċċju għal Ġeħova. (Eżo. 27:​1, 2; 40:29) Imma dawn is-sagrifiċċji ma setgħux jaħfru d-dnubiet tan-nies għalkollox. (Ebr. 10:​1-4) Is-sagrifiċċji tal-annimali kienu jirrappreżentaw is-sagrifiċċju li kien se jeħles għalkollox lin-nies mid-dnubiet tagħhom.

11. X’kien l-altar li fuqu Ġesù offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju? (Ebrej 10:​5-7, 10)

11 Il-mod kif il-Kristjani jqimu lil Ġeħova. Ġesù kien jaf li Ġeħova bagħtu fuq l-art biex jagħti ħajtu bħala sagrifiċċju għall-bnedmin kollha. (Mt. 20:28) Għalhekk, meta tgħammed, wera li hu ried jagħmel dak li riedu Ġeħova. (Ġw. 6:38; Gal. 1:4) L-altar li Ġesù offra lilu nnifsu fuqu m’għamluhx in-nies, imma rrappreżenta ‘r-rieda t’Alla.’ Ġeħova ried li Ġesù joffri l-ħajja perfetta tiegħu bħala sagrifiċċju. Ġesù ta ħajtu “darba għal dejjem” biex jinħafru d-dnubiet taʼ dawk kollha li jkollhom il-fidi fih. (Aqra Ebrej 10:​5-7, 10.) Issa se naraw x’kienu jirrappreżentaw l-affarijiet li kien hemm fit-tabernaklu.

IL-QADDIS U L-IKTAR QADDIS

12. Min setaʼ jidħol fil-Post Qaddis u l-Iktar Qaddis?

12 Il-mod kif il-Lhud kienu jqimu lil Ġeħova. It-tabernaklu u t-tempji li nbnew wara f’Ġerusalemm kienu simili ħafna minn ġewwa. Dawn kellhom żewġt ikmamar—“il-Post Qaddis” u “l-Iktar Qaddis”—li kienet tifridhom purtiera. (Ebr. 9:​2-5; Eżo. 26:​31-33) Fil-Post Qaddis kien hemm gandlier tad-deheb, altar biex joffru l-inċens fuqu, u mejda għall-ħobż. Il-“qassisin magħżulin” biss setgħu jidħlu fil-Post Qaddis biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. (Num. 3:​3, 7, 10) Fl-Iktar Qaddis kien hemm l-arka tal-patt li kienet turi li hemm Ġeħova. (Eżo. 25:​21, 22) Fl-Iktar Qaddis setaʼ jidħol biss il-qassis il-kbir, darba fis-sena, f’Jum it-Tpattija. (Lev. 16:​2, 17) Sena wara sena, kien jidħol bid-demm tal-annimali biex ipatti għad-dnubiet tiegħu u għad-dnubiet tal-Iżraelin kollha. Maż-żmien, permezz tal-ispirtu qaddis, Ġeħova wera x’kienu jfissru l-affarijiet fit-tabernaklu.—Ebr. 9:​6-8. e

13. Il-Post Qaddis u l-Iktar Qaddis xi jfissru llum?

13 Il-mod kif il-Kristjani jqimu lil Ġeħova. Uħud mid-dixxipli taʼ Kristu ġew midlukin bl-ispirtu qaddis, u għandhom ħbiberija speċjali ma’ Ġeħova. Dawn il-144,000 se jaqdu ma’ Ġesù fis-sema bħala qassisin. (Riv. 1:6; 14:1) Il-Post Qaddis fit-tabernaklu jfisser li dawn il-midlukin ġew adottati bħala wlied Alla waqt li għadhom fuq l-art. (Rum. 8:​15-17) L-Iktar Qaddis jirrappreżenta s-sema, il-post fejn hemm Ġeħova. “Il-purtiera” li kienet tifred il-Post Qaddis mill-Iktar Qaddis kienet tirrappreżenta l-ġisem taʼ Ġesù. Sakemm kien għadu ħaj fuq l-art, Ġesù ma setax imur fis-sema biex jidħol fit-tempju spiritwali bħala l-Qassis il-Kbir grandjuż. Billi ta ħajtu bħala sagrifiċċju, Ġesù fetaħ it-triq lill-midlukin biex ikunu jistgħu jmorru fis-sema. Huma wkoll se jkunu fis-sema bħala spirti. (Ebr. 10:​19, 20; 1 Kor. 15:50) Wara li ġie rxoxtat, Ġesù daħal fl-Iktar Qaddis tat-tempju spiritwali, fejn il-midlukin kollha se jingħaqdu miegħu.

14. Skont Ebrej 9:​12, 24-26, x’jagħmel l-arranġament taʼ Ġeħova tat-tempju spiritwali aħjar?

14 Mela, nistgħu naraw kemm hu aħjar l-arranġament li għamel Ġeħova għall-qima pura, li hu mmexxi mill-Qassis il-Kbir, Ġesù Kristu, u bbażat fuq is-sagrifiċċju tal-mewt tiegħu. Il-qassis il-kbir f’Iżrael kien jidħol bid-demm tal-annimali fl-Iktar Qaddis li kien magħmul mill-bniedem, imma Ġesù daħal “fis-sema stess,” fl-iktar post qaddis, biex jidher quddiem Ġeħova. Hemmhekk, hu ppreżenta l-ħajja perfetta tiegħu “biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu stess.” (Aqra Ebrej 9:​12, 24-26.) Is-sagrifiċċju taʼ Ġesù jnaddafna mid-dnubiet għal dejjem. Kif se nkomplu nitgħallmu, sew jekk għandna t-tama għas-sema u sew jekk għandna t-tama li ngħixu fuq l-art, nistgħu nqimu lil Ġeħova fit-tempju spiritwali tiegħu.

IL-BTIEĦI

15. Min kien jaqdi fil-bitħa tat-tabernaklu?

15 Il-mod kif il-Lhud kienu jqimu lil Ġeħova. It-tabernaklu kellu bitħa kbira, fejn il-qassisin kienu jagħmlu x-xogħol tagħhom. Kien hemm ukoll l-altar tar-ram, li fuqu kienu joffru s-sagrifiċċji, u l-vaska tal-ilma, li fiha l-qassisin kien jaħslu jdejhom u saqajhom qabel jaqdu fit-tempju. (Eżo. 30:​17-20; 40:​6-8) It-tempji li nbnew iktar tard kellhom żewġ btieħi. L-ewwel waħda kienet il-bitħa taʼ barra fejn dawk li ma kinux qassisin setgħu joqogħdu fiha biex iqimu lil Ġeħova. It-tieni waħda kienu jidħlu biss il-qassisin biex jagħmlu x-xogħol tagħhom.

16. Min jaqdi fil-btieħi tat-tempju spiritwali?

16 Il-mod kif il-Kristjani jqimu lil Ġeħova. Qabel imorru fis-sema biex jaqdu bħala qassisin ma’ Ġesù, il-midlukin fuq l-art jaqdu lealment fil-bitħa taʼ ġewwa tat-tempju spiritwali. Il-vaska kbira tal-ilma li kien hemm fit-tabernaklu u fit-tempji hija tfakkira importanti għalihom u għall-Kristjani kollha biex jibqgħu nodfa moralment u spiritwalment. Allura, il-“folla kbira,” li jgħinu lil ħut Kristu, il-midlukin, fejn jaqdu lil Ġeħova? L-appostlu Ġwanni rahom “weqfin quddiem it-tron,” bħallikieku qegħdin fil-bitħa taʼ barra fuq l-art ‘jagħtu lil Alla servizz sagru lejl u nhar fit-tempju tiegħu.’ (Riv. 7:​9, 13-15) Xi privileġġ għandna li Ġeħova tana l-opportunità prezzjuża li nistgħu nqimuh fit-tempju spiritwali tiegħu!

IL-PRIVILEĠĠ LI NAQDU LIL ĠEĦOVA

17. Kif inqimu lil Ġeħova?

17 Illum, il-Kristjani kollha għandhom il-privileġġ iqimu lil Ġeħova billi jużaw il-ħin, l-enerġija, u l-affarijiet tagħhom biex jaqduh. Bħalma Pawlu għallem lill-Kristjani Lhud, aħna nistgħu “noffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jistqarru ismu pubblikament.” (Ebr. 13:15) Aħna nuru li napprezzaw il-privileġġ li naqdu lil Ġeħova billi nagħmlu dak kollu li nistgħu għalih.

18. Skont Ebrej 10:​22-25, x’inhuma xi affarijiet li għandna dejjem nagħmlu u x’ma rridux ninsew?

18 Aqra Ebrej 10:​22-25. Fl-aħħar tal-ittra tiegħu lil-Lhud, l-appostlu Pawlu niżżel l-affarijiet li għandna dejjem nagħmlu biex naqdu lil Ġeħova. Dawn jinkludu li nitolbu lil Ġeħova, nippritkaw lil oħrajn, niltaqgħu flimkien għal-laqgħat, u ninkuraġġixxu lil xulxin ‘iktar u iktar hekk kif naraw joqrob il-jum’ taʼ Ġeħova. Fl-aħħar tal-ktieb tar-Rivelazzjoni, l-anġlu taʼ Ġeħova qal: “Qim lil Alla!” (Riv. 19:10; 22:9) L-anġlu qal dan il-kliem darbtejn biex juri kemm hu importanti. Jalla qatt ma ninsew l-affarijiet li tgħallimna dwar it-tempju spiritwali taʼ Ġeħova, u napprezzaw il-privileġġ li naqdu lil Alla tagħna, Ġeħova!

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

a Wieħed mit-tagħlim profond li nsibu fil-Bibbja hu dwar it-tempju spiritwali taʼ Ġeħova. X’inhu dan it-tempju? F’dan l-artiklu se neżaminaw id-dettalji tat-tempju spiritwali li nsibu fil-ktieb t’​Ebrej. Dan se jgħinek tapprezza iktar il-privileġġ li għandek li taqdi lil Ġeħova.

b Biex tkun taf dwar xiex jitkellem il-ktieb t’​Ebrej, ara l-vidjow Introduzzjoni għall-​Ebrej fuq jw.org.

c Il-ktieb t’​Ebrej huwa l-uniku ktieb fl-Iskrittura Griega li jirreferi għal Ġesù bħala l-Qassis il-Kbir.

d Skont referenza jaf kien hemm sa 84 qassis il-kbir f’Iżrael, sakemm it-tempju f’Ġerusalemm ġie meqrud fis-sena 70 WK (wara Kristu.)

e Biex titgħallem x’kien jagħmel il-qassis il-kbir f’Jum it-Tpattija, ara l-vidjow The Tent fuq jw.org.

g Ara l-kaxxa “Kif l-Ispirtu Rrivela t-Tifsir tat-Tempju Spiritwali” f’​It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Lulju 2010, p. 22.