Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 48

Tistaʼ Tkun Ċert li Ġeħova Se Jgħinek fi Żminijiet Diffiċli

Tistaʼ Tkun Ċert li Ġeħova Se Jgħinek fi Żminijiet Diffiċli

“‘Agħmlu l-ħila, . . . għax jien magħkom,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati.”—ĦAG. 2:4.

GĦANJA 118 “Agħtina iktar fidi”

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. Liema sfidi simili bħal tagħna kellhom l-Iżraelin li marru lura Ġerusalemm? (Ara l-kaxxa “ Fi Żmien Ħaggaj, Żakkarija, u Esdra.”)

 ĠIELI tinkwieta minħabba l-futur? Forsi tlift ix-xogħol u tinkwieta kif se tieħu ħsieb il-familja. Forsi tinkwieta għall-familja minħabba problemi politiċi, persekuzzjoni, jew oppożizzjoni għax-xogħol tal-ippritkar. Int qed tiffaċċja xi problema minn dawn? Jekk iva, se tiġi inkuraġġit meta tara kif Ġeħova għen lill-Iżraelin meta ffaċċjaw problemi simili.

2 L-Iżraelin li għamlu ħajjithom sħiħa jgħixu Babilonja kellhom bżonn fidi soda biex jitilqu l-ħajja komda li kellhom u jmorru jgħixu f’pajjiż li ma tantx kienu jafu dwaru. Ftit wara li waslu, sabuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja u jieħdu ħsieb il-familja tagħhom. Kien hemm ukoll il-problemi fl-Imperu Persjan, u kellhom l-oppożizzjoni min-nies taʼ madwarhom. Allura ħafna sabuha diffiċli biex jiffokaw fuq li jerġgħu jibnu t-tempju taʼ Ġeħova. Għalhekk, madwar is-sena 520 QK (qabel Kristu), Ġeħova bagħat żewġ profeti, lil Ħaggaj u Żakkarija, biex jgħinu lin-nies jerġaʼ jkollhom l-entużjażmu għax-xogħol taʼ Ġeħova. (Ħag. 1:1; Żak. 1:1) Kif se naraw, l-inkuraġġiment li taw dawn il-profeti kien t’għajnuna kbira. Imma madwar 50 sena wara, l-Iżraelin li marru lura Ġerusalemm reġaʼ kellhom bżonn l-inkuraġġiment. Esdra, li kien jikkopja l-Iskrittura, mar minn Babilonja għal Ġerusalemm biex jinkuraġġixxi lin-nies t’Alla ħalli jpoġġu lil Ġeħova l-ewwel f’ħajjithom.—Esd. 7:​1, 6.

3. X’mistoqsijiet se nikkunsidraw? (Proverbji 22:19)

3 Il-profeziji taʼ Ħaggaj u Żakkarija għenu lin-nies t’Alla fil-passat biex ikomplu jafdaw f’Ġeħova meta kellhom l-oppożizzjoni. Dawn jistgħu jgħinu lilna wkoll inkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna jkunu xi jkunu l-problemi li niffaċċjaw f’ħajjitna. (Aqra Proverbji 22:19.) Hekk kif naraw dak li qal Ġeħova permezz taʼ Ħaggaj u Żakkarija u niddiskutu l-eżempju t’​Esdra, se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet: L-Iżraelin li marru lura kif ġew affettwati minn dawn il-problemi kollha? Għala rridu nkomplu niffokaw fuq ix-xogħol taʼ Ġeħova meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli? U kif nistgħu nafdaw iżjed lil Ġeħova meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli?

L-IŻRAELIN TILFU L-ENTUŻJAŻMU MINĦABBA L-PROBLEMI

4-5. Għala jistaʼ jkun li l-Iżraelin tilfu l-entużjażmu biex jerġgħu jibnu t-tempju?

4 Meta l-Iżraelin waslu lura Ġerusalemm kellhom ħafna xogħol x’jagħmlu. Huma mill-ewwel reġgħu bnew l-artal taʼ Ġeħova u l-pedament tat-tempju. (Esd. 3:​1-3, 10) Imma tant kellhom problemi, li tilfu l-entużjażmu li kellhom. Apparti li kellhom jerġgħu jibnu t-tempju, kellhom jibnu djar għalihom stess, jaħdmu fl-għelieqi, u jieħdu ħsieb il-familji tagħhom. (Esd. 2:​68, 70) Huma kellhom ukoll oppożizzjoni mill-għedewwa tagħhom li ppjanaw biex iwaqqfuhom milli jerġgħu jibnu t-tempju.—Esd. 4:​1-5.

5 Dawk li marru lura minn Babilonja ġew affettwati wkoll minn problemi ekonomiċi u politiċi fil-pajjiż. Ġerusalemm issa kienet parti mill-Imperu Persjan. Wara li Ċiru, ir-re tal-Persja, miet fil-530 QK, ir-re taʼ warajh Kambise ried jirbaħ lill-Eġittu. Hu u sejjer l-Eġittu, x’aktarx is-suldati tiegħu ġiegħlu lill-Iżraelin ituhom ikel, ilma, u postijiet fejn joqogħdu. Dan probabbli għamlilhom ħajjithom iżjed diffiċli. Meta r-re taʼ warajh, Darju I, beda jmexxi kien għad hemm ħafna problemi, bħal protesti u nies jirribellaw fl-Imperu Persjan. Ħafna li marru lura Ġerusalemm inkwetaw ħafna kif se jieħdu ħsieb il-familji tagħhom b’dawn il-problemi kollha. Minħabba dawn l-affarijiet kollha li kienu qed jiffaċċjaw, ħafna Iżraelin ħasbu li ma kienx iż-żmien li jerġgħu jibnu t-tempju taʼ Ġeħova.—Ħag. 1:2.

6. Skont Żakkarija 4:​6, 7, xi problemi oħra kellhom l-Iżraelin, u Żakkarija fiex fakkarhom?

6 Aqra Żakkarija 4:​6, 7. Apparti problemi ekonomiċi u problemi fil-pajjiż, l-Iżraelin kellhom jissaportu l-persekuzzjoni. Fil-522 QK, l-għedewwa tagħhom irnexxielhom jikkonvinċu lill-gvern Persjan biex iwaqqafhom milli jerġgħu jibnu t-tempju taʼ Ġeħova. Imma Żakkarija fakkar lill-Iżraelin li Ġeħova kien se juża l-ispirtu tiegħu biex jgħinhom ikomplu jaħdmu minkejja l-problemi. Fil-520 QK, ir-Re Darju ħalliehom jerġgħu jkomplu jibnu t-tempju u anke tahom il-flus. Hu qal ukoll lill-gvernaturi t’hemmhekk biex jgħinuhom.—Esd. 6:​1, 6-10.

7. Ġeħova kif bierek lill-Iżraelin li marru lura Ġerusalemm meta ffokaw fuq ix-xogħol tiegħu?

 7 Permezz taʼ Ħaggaj u Żakkarija, Ġeħova wiegħed lin-nies tiegħu li hu kien se jgħinhom jekk jiffokaw fuq li jerġgħu jibnu t-tempju. (Ħag. 1:​8, 13, 14; Żak. 1:​3, 16) Wara li ġew inkuraġġiti mill-profeti, fil-520 QK l-Iżraelin reġgħu bdew jaħdmu fuq it-tempju u lestewh f’inqas minn ħames snin. Peress li l-Iżraelin iffokaw fuq li jagħmlu dak li jrid Alla minkejja l-problemi, Ġeħova ħa ħsiebhom billi tahom dak li kellhom bżonn biex jgħixu, u anki għenhom biex jibqgħu qrib tiegħu. Minħabba f’hekk, kienu ferħanin jaqdu lil Ġeħova.—Esd. 6:​14-16, 22.

IBQAʼ FFOKAT FUQ LI TAGĦMEL IX-XOGĦOL T’ALLA

8. Ħaggaj 2:4 kif jistaʼ jgħinna nibqgħu ffokati fuq ix-xogħol t’Alla? (Ara n-nota taʼ taħt.)

8 Peress li dalwaqt jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, huwa importanti ħafna li niftakru li rridu nobdu l-kmand li nieħdu sehem fix-xogħol tal-ippritkar. (Mk. 13:10) Imma jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli li niffokaw fuq l-ippritkar jekk ikollna problemi taʼ flus jew niffaċċjaw oppożizzjoni għall-ippritkar. X’se jgħinna npoġġu x-xogħol taʼ Ġeħova l-ewwel f’ħajjitna? Irridu nkunu ċerti li “Ġeħova taʼ l-armati” b hu magħna. Hu se jkompli jgħinna sakemm aħna nkomplu npoġġu x-xogħol tiegħu qabel dak li nkunu nixtiequ nagħmlu aħna. Allura m’għandniex minn xiex ninkwetaw.—Aqra Ħaggaj 2:4.

9-10. Koppja miżżewġa kif rat kemm hu veru dak li qal Ġesù f’​Mattew 6:33?

9 Aħseb fuq l-eżempju t’Oleg u Irina, c koppja miżżewġa li jaqdu bħala pijunieri. Wara li marru f’post ieħor biex jgħinu f’kongregazzjoni oħra, huma tilfu x-xogħol tagħhom minħabba problemi ekonomiċi fil-pajjiż. Għalkemm damu madwar sena biex isibu xogħol stabbli, huma dejjem raw l-għajnuna taʼ Ġeħova u xi kultant għenuhom l-aħwa. X’għenhom meta kellhom dawn il-problemi? Oleg, li għall-ewwel ħassu dipress, qal: “Meta qattajna kemm jistaʼ jkun ħin nippritkaw, għenna biex niffokaw fuq x’inhu l-iżjed importanti fil-ħajja.” Waqt li hu u l-mara tiegħu kienu qed ifittxu xogħol, huma għamlu dak kollu li setgħu fix-xogħol tal-ippritkar.

10 Darba meta waslu lura d-dar wara l-ministeru, saru jafu li ħabib kbir tagħhom vjaġġa madwar 160 kilometru biex iġibilhom xirja taʼ żewġ basktijiet. Oleg qal: “Dakinhar erġajna rajna kemm Ġeħova u l-kongregazzjoni jimpurtahom minna. Aħna ċerti li Ġeħova qatt ma jinsa lill-qaddejja tiegħu, anke jekk huma jħossu li s-sitwazzjoni mhux se tmur għall-aħjar.”—Mt. 6:33.

11. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti jekk niffokaw fuq li nagħmlu x-xogħol t’Alla?

11 Ġeħova jridna niffokaw fuq li nsalvaw lin-nies billi nkomplu nagħmlu dixxipli. Bħalma rajna f’ paragrafu 7, Ħaggaj inkuraġġixxa lin-nies t’Alla biex jerġgħu jibdew jaħdmu fuq it-tempju. Jekk jagħmlu hekk, Ġeħova kien wegħedhom li ‘se jberikhom.’ (Ħag. 2:​18, 19) Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti li jekk l-iżjed ħaġa importanti għalina tkun ix-xogħol li tana nagħmlu Ġeħova, hu se jbierek l-isforzi li nagħmlu.

KIF NAFDAW IKTAR F’ĠEĦOVA

12. Esdra u l-Iżraelin għala kellhom bżonn fidi soda?

12 Fis-sena 468 QK, Esdra vvjaġġa minn Babilonja għal Ġerusalemm ma’ grupp ieħor t’Iżraelin. Huma kellhom bżonn fidi b’saħħitha biex jagħmlu dan il-vjaġġ. Magħhom kellhom ħafna deheb u fidda li r-re kien tahom għat-tempju, allura kien faċli biex jattakkawhom il-ħallelin. (Esd. 7:​12-16; 8:31) U meta waslu Ġerusalemm raw li lanqas fil-belt ma kienu protetti. Ma kienx hemm ħafna nies jgħixu fiha u l-bibien u s-swar kellhom bżonn jitranġaw. L-eżempju t’​Esdra kif jgħallimna jkollna iktar fidi f’Ġeħova?

13. Esdra kif fada iktar f’Ġeħova? (Ara n-nota taʼ taħt.)

13 Esdra ra kif Ġeħova kien għen lin-nies tiegħu fil-passat. Snin qabel, fl-484 QK, Esdra probabbli kien joqgħod Babilonja. Dan kien iż-żmien meta r-Re Aħasweru ordna li jinqatlu l-Lhud kollha li joqogħdu fl-Imperu Persjan. (Est. 3:​7, 13-15) Esdra u l-Lhud kollha kienu fil-periklu! Meta semgħu x’se jiġri, tant kienu inkwetati li ma kilux, bkew, u talbu lil Ġeħova għall-għajnuna. (Est. 4:3) Immaġina kif ħassewhom Esdra u l-Lhud, meta minflok, inqatlu dawk li riedu joqtlu lilhom! (Est. 9:​1, 2) Dak li għadda minnu Esdra żgur ippreparah għal żminijiet diffiċli li kien se jkollu fil-futur u għenu jkun iżjed ċert li Ġeħova jistaʼ jipproteġi lin-nies tiegħu. d

14. X’tgħallmet oħt meta rat kif Ġeħova ħa ħsiebha fi żminijiet diffiċli?

14 Meta naraw kif Ġeħova jgħinna fi żminijiet diffiċli, nistgħu nkunu iktar ċerti li hu se jgħinna fil-futur. Ara l-eżempju taʼ Anastasia, li toqgħod l-Ewropa. Hi telqet mix-xogħol tagħha meta dawk li jaħdmu magħha ppruvaw iġegħluha taqbel magħhom fi kwistjoni politika. Hi qalet: “Din kienet l-ewwel darba f’ħajti meta spiċċajt bla flus. Tlabt lil Ġeħova u rajt kemm kien jimpurtah minni. Jekk xi darba nerġaʼ nitlef ix-xogħol, m’għandix għalfejn nibżaʼ. Jekk missieri tas-sema jimpurtah minni llum, se jimpurtah minni għada.”

15. X’għen lil Esdra jibqaʼ jkun ċert li Ġeħova se jgħinu? (Esdra 7:​27, 28)

15 Esdra ra kif Ġeħova kien qed jgħinu. Esdra baqaʼ ċert li Ġeħova se jgħinu għax ħaseb fuq il-ħafna drabi meta Ġeħova kien għenu qabel. Hu qal: “Ġeħova l-Alla tiegħi kien miegħi.” (Aqra Esdra 7:​27, 28.) Fil-ktieb li kiteb fil-Bibbja, Esdra qal xi ħaġa simili diversi drabi oħra.—Esd. 7:​6, 9; 8:​18, 22, 31.

Meta nistgħu naraw iżjed ċar kif Ġeħova qed jgħinna? (Ara paragrafu 16) e

16. Meta nistgħu naraw kemm Ġeħova qed jgħinna? (Ara l-istampa.)

16 Ġeħova jistaʼ jgħinna meta ngħaddu minn sitwazzjoni diffiċli. Pereżempju, nistgħu naraw kemm qed jgħinna meta nsaqsu lill-imgħallem biex nieħdu l-leave ħalli mmorru l-konvenzjoni, jew meta nsaqsu biex inbiddlu l-ħinijiet kemm naħdmu ħalli mmorru l-laqgħat kollha. Ir-riżultati jistgħu jkunu aħjar milli nkunu qed nistennew. Imbagħad, se nkunu iktar ċerti li Ġeħova se jgħinna fil-futur.

Esdra jibki u jitlob fit-tempju għax hu mdejjaq minħabba d-dnubiet tan-nies. In-nies qed jibku wkoll. Imbagħad Sekanija jinkuraġġixxi lil Esdra billi jgħidlu: “Xorta għad hemm tama għal Iżrael. . . . Aħna qegħdin miegħek.”​—⁠Esdra 10:​2, 4 (Ara paragrafu 17)

17. Fi żminijiet diffiċli Esdra kif wera li kien umli? (Ara l-istampa tal-qoxra.)

17 Esdra kien umli u talab lil Ġeħova għall-għajnuna. Hu talab b’umiltà lil Ġeħova kull darba li ħassu inkwetat dwar x’kellu jagħmel. (Esd. 8:​21-23; 9:​3-5) Peress li Esdra straħ fuq Ġeħova, nies oħra kienu lesti li jgħinuh u jimitaw il-fidi tiegħu. (Esd. 10:​1-4) Meta nħossuna inkwetati dwar kif se nieħdu ħsieb il-familja jew nipproteġuha, irridu nitolbu lil Ġeħova u nkunu ċerti li se jgħinna.

18. X’jistaʼ jgħinna nkunu iżjed ċerti li Ġeħova se jgħinna?

18 Jekk b’umiltà nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna u nħallu lill-aħwa jgħinuna, se nafdaw iktar f’Ġeħova. Erika, li għandha tlett itfal, dejjem kienet ċerta li Ġeħova se jieħu ħsiebha, anke fi żminijiet diffiċli. Fi żmien qasir, hi tilfet tarbija li kienet għadha ma twilditx u lir-raġel tagħha. Hi tgħid: “Ma tistax tkun taf minn qabel kif Ġeħova se jgħinek. Imma hu jgħinna b’modi li ma nkunux qed nistennew. Jien rajt li Ġeħova uża l-ħbieb tiegħi biex iwieġeb ħafna mit-talb tiegħi. Jekk nitkellem mal-ħbieb tiegħi dwar dak li nkun għaddejja minnu, se jkun iktar faċli għalihom biex jgħinuni.”

IBQAʼ AFDA F’ĠEĦOVA SAL-AĦĦAR

19-20. X’nistgħu nitgħallmu mil-Lhud li ma setgħux jerġgħu jmorru Ġerusalemm?

19 Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa importanti mil-Lhud li ma setgħux imorru lura Ġerusalemm. Xi wħud minnhom ma setgħux imorru minħabba li kienu kbar wisq, morda, jew kellhom xi sitwazzjoni fil-familja. Imma xorta kienu lesti li jgħinu lil dawk li kienu sejrin lura billi tawhom ħafna affarijiet li kellhom bżonn għat-tempju. (Esd. 1:​5, 6) Milli jidher, xi 19-il sena wara li waslu l-ewwel Iżraelin f’Ġerusalemm, dawk li kienu għadhom f’Babilonja kienu għadhom qed jibagħtu l-kontribuzzjonijiet f’Ġerusalemm.—Żak. 6:10.

20 Anki jekk ma nistgħux nagħmlu dak kollu li nixtiequ għal Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li hu jara kulma nagħmlu mill-qalb biex nogħġbuh. Kif nafu? Fi żmien Żakkarija, Ġeħova qal lill-profeta biex mid-deheb u l-fidda li bagħtu l-Iżraelin minn Babilonja jagħmel kuruna. (Żak. 6:11) Din “il-kuruna grandjuża” kellha tkun bħala tfakkira taʼ kemm kienu ġenerużi. (Żak. 6:14) Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qatt mhu se jinsa l-isforzi li nagħmlu mill-qalb biex naqduh fi żminijiet diffiċli.—Ebr. 6:10.

21. X’se jgħinna nibqgħu nafdaw f’Ġeħova jiġri x’jiġri fil-futur?

21 F’dawn l-aħħar jiem, żgur se nibqgħu ngħaddu minn żminijiet diffiċli, u fil-futur l-affarijiet jistgħu jmorru għall-agħar. (2 Tim. 3:​1, 13) Imma m’għandniex għalfejn ninkwetaw iżżejjed. Ftakar f’dak li qal Ġeħova lin-nies tiegħu fi żmien Ħaggaj: “Jien magħkom . . . Tibżgħux.” (Ħag. 2:​4, 5) Aħna wkoll nistgħu nkunu ċerti li sakemm nipprovaw nagħmlu li nistgħu biex nobduh, Ġeħova se jkun magħna. Jekk napplikaw dak li tgħallimna mill-profeziji taʼ Ħaggaj u Żakkarija, u mill-eżempju t’​Esdra, nistgħu nibqgħu ċerti li Ġeħova se jgħinna jkunu xi jkunu d-diffikultajiet li ngħaddu minnhom fil-futur.

GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!

a Dan l-artiklu qiegħed biex jgħinna nafdaw iktar f’Ġeħova meta jkollna problemi taʼ flus, ikun hemm il-problemi fil-pajjiż, jew ikollna oppożizzjoni fix-xogħol tal-ippritkar.

b Il-kliem “Ġeħova taʼ l-armati” jidher 14-il darba fil-ktieb taʼ Ħaggaj. Dan fakkar lil-Lhud u lilna li Ġeħova għandu qawwa kbira ħafna u taħtu għandu armata kbira t’anġli.—Salm 103:​20, 21.

c Xi ismijiet ġew mibdulin.

d Xogħol Esdra kien li jikkopja l-Liġi taʼ Ġeħova. Minħabba f’hekk, qabel ma vvjaġġa lejn Ġerusalemm, hu kien diġà ċert li l-profeziji li qal Ġeħova kienu se jiġru.—2 Kron. 36:​22, 23; Esd. 7:​6, 9, 10; Ġer. 29:14.

e X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu jsaqsi lill-imgħallem biex jieħu l-leave ħalli jattendi l-konvenzjoni imma l-imgħallem ma jaċċettax. Qabel ma l-ħu jerġaʼ jsaqsi lill-imgħallem, jitlob għall-għajnuna mingħand Ġeħova. Il-ħu juri lill-imgħallem l-invit tal-konvenzjoni u jispjega li l-Bibbja tgħinna nkunu nies aħjar. L-imgħallem jaċċetta li l-ħu jieħu l-leave.