Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 8

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-ordni teokratiku

Ibqaʼ Imxi maʼ Dak li Jgħid Ġeħova

Ibqaʼ Imxi maʼ Dak li Jgħid Ġeħova

“Jien, Ġeħova, . . . li mmexxik fit-triq li għandek timxi.”IS. 48:17.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Dan l-artiklu se jgħinna nifhmu kif Ġeħova qed imexxi lin-nies tiegħu u għala jkun tajjeb li nobduh.

1. Għala għandna bżonn il-gwida taʼ Ġeħova? Agħti eżempju.

 IMMAĠINA li ntlift ġo foresta. Ikun hemm ħafna perikli minħabba annimali slavaġ, pjanti u insetti velenużi, u ħofor fl-art li tistaʼ taqaʼ fihom. Int tieħu pjaċir kieku jkun hemm xi ħadd jgħidlek fejn għandek timxi u jgħinek tevita l-periklu. Id-dinja li ngħixu fiha qisha dik il-foresta. Hemm ħafna perikli li jistgħu jkissru l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Imma Ġeħova hu l-aqwa wieħed biex jiggwidana. Hu jmexxina ’l bogħod mill-periklu u jiggwidana għad-destinazzjoni tagħna, ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida.

2. Ġeħova kif imexxina?

2 Ġeħova kif jiggwidana? L-iżjed permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Imma hu juża wkoll xi nies biex jiggwidana. Pereżempju, hu juża “l-ilsir leali u għaqli” ħalli jagħtina l-ikel spiritwali biex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Mt. 24:45) Ġeħova juża wkoll xi rġiel oħra biex itina gwida. Pereżempju, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u l-anzjani jistgħu jagħtuna inkuraġġiment u jgħallmuna affarijiet li jgħinuna matul żminijiet diffiċli. Kemm napprezzaw li Ġeħova qed imexxina matul dawn iż-żminijiet diffiċli qabel jiġi t-tmiem! Dan jgħinna nibqgħu ħbieb tiegħu u ngawdu l-ħajja issa u għal dejjem.

3. X’ħa naraw f’dan l-artiklu?

3 Imma xi kultant jaf insibuha diffiċli biex nobdu l-gwida taʼ Ġeħova, speċjalment meta tkun ġejja minn irġiel imperfetti. Għala? Forsi ma naqblux maʼ dak li jgħidulna. Jew forsi nħossu li dak li jgħidulna ma jagħmilx sens u allura mhuwiex ġej minn Ġeħova. Meta jiġri hekk, irridu nkunu ċerti li Ġeħova qed imexxi lin-nies tiegħu u meta nobduh, dejjem ħa mmorru tajjeb. Biex inkunu iktar ċerti, f’dan l-artiklu ħa naraw (1) kif Ġeħova mexxa lin-nies tiegħu fil-passat, (2) kif qed imexxi lilna llum, u (3) kif immorru tajjeb meta dejjem nobdu dak li jgħidilna.

Ġeħova dejjem uża lil xi nies biex imexxi lill-poplu tiegħu (Ara paragrafu 3)


KIF ĠEĦOVA MEXXA L-IŻRAELIN

4-5. Ġeħova kif wera li kien qed juża lil Mosè biex imexxi lill-Iżraelin? (Ara l-istampa.)

4 Ġeħova għażel lil Mosè biex joħroġ lill-Iżraelin mill-Eġittu. Lill-Iżraelin uriehom b’mod ċar li hu kien qed jiggwidahom permezz taʼ Mosè. Pereżempju filgħodu, Ġeħova għamlilhom kolonna tas-sħab u filgħaxija kolonna tan-nar. (Eżo. 13:21) Mosè baqaʼ jimxi wara l-kolonna u fl-aħħar wasslet lilu u lill-Iżraelin quddiem il-Baħar l-Aħmar. Imma meta l-Iżraelin raw lill-Eġizzjani jiġru warajhom, huma beżgħu li ħa joqtluhom. Huma ħasbu li Mosè ħa żball li ħadhom ħdejn il-Baħar l-Aħmar. Però dan ma kienx żball. Ġeħova kien uża lil Mosè biex imexxi lin-nies tiegħu hemm. (Eżo. 14:2) Imbagħad Alla salva lill-poplu tiegħu b’mod tal-għaġeb.—Eżo. 14:​26-28.

Mosè kellu bżonn il-kolonna tas-sħab li Ġeħova għamel biex imexxi l-poplu fid-deżert (Ara paragrafi 4-5)


5 Wara, għal 40 sena sħaħ, Mosè baqaʼ jafda f’Ġeħova billi jimxi wara l-kolonna tas-sħab li Ġeħova kien għamel biex imexxi lin-nies tiegħu. a Għal xi żmien, Ġeħova poġġa l-kolonna tas-sħab viċin it-tinda taʼ Mosè u b’hekk l-Iżraelin setgħu jarawha. (Eżo. 33:​7, 9-10) Mill-kolonna, Ġeħova kien ikellem lil Mosè, u Mosè kien jgħid lin-nies dak li Ġeħova jkun qallu. (Salm 99:7) L-Iżraelin setgħu jaraw ċar li Ġeħova kien qed juża lil Mosè biex imexxihom.

Mosè u l-mexxej taʼ warajh, Ġożwè (Ara paragrafi 5, 7)


6. L-Iżraelin kif ħarsu lejn il-gwida taʼ Ġeħova? (Numri 14:​2, 10, 11)

6 B’dispjaċir, ħafna mill-Iżraelin m’aċċettawx lil Mosè bħala l-wieħed li Ġeħova kien qed juża biex imexxihom. (Aqra Numri 14:​2, 10, 11.) Huma kemm-il darba wrew li m’aċċettawx lil Mosè. Minħabba f’hekk, Ġeħova ma ħallihomx jidħlu fl-Art Imwiegħda.—Num. 14:30.

7. Agħti eżempji taʼ nies li obdew il-gwida taʼ Ġeħova. (Numri 14:24) (Ara l-istampa.)

7 Dak iż-żmien, kien hemm xi Iżraelin li obdew lil Ġeħova. Pereżempju, Ġeħova qal: “Kaleb . . . baqaʼ miexi warajja b’qalbu kollha.” (Aqra Numri 14:24.) Ġeħova ppremja lil Kaleb u anki ħallieh jagħżel hu fejn ried jgħix fl-Art Imwiegħda. (Ġoż. 14:​12-14) U l-Iżraelin li daħlu fl-Art Imwiegħda wkoll kienu taʼ eżempju tajjeb f’li jobdu lil Ġeħova. Meta Ġożwè beda jmexxi lill-Iżraelin minflok Mosè, “huma rrispettawh ħafna tul ħajtu kollha.” (Ġoż. 4:14) Minħabba f’hekk, Ġeħova berikhom billi daħħalhom fl-art li kien wegħedhom.—Ġoż. 21:​43, 44.

8. Spjega kif Ġeħova mexxa lin-nies tiegħu matul żmien ir-rejiet. (Ara l-istampa.)

8 Snin wara, Ġeħova inkariga mħallfin biex imexxu lin-nies tiegħu. Wara, meta kien hemm ir-rejiet, Ġeħova inkariga profeti biex jiggwidaw lill-poplu tiegħu. Ir-rejiet leali kienu jaċċettaw il-parir tal-profeti. Pereżempju, ir-Re David kien umli u aċċetta d-dixxiplina mill-profeta Natan. (2 Sam. 12:​7, 13; 1 Kron. 17:​3, 4) Ir-Re Ġeħosafat mexa fuq il-parir tal-profeta Ġaħażijel u inkuraġġixxa lin-nies taʼ Ġuda biex ‘jafdaw il-profeti [t’Alla].’ (2 Kron. 20:​14, 15, 20) U meta kellu l-problemi, ir-Re Ħeżekija staqsa lill-profeta Isaija għall-għajnuna. (Is. 37:​1-6) Kull darba li r-rejiet kienu jobdu lil Ġeħova, kienu jiġu mberkin u n-nies kienu jkunu protetti. (2 Kron. 20:​29, 30; 32:22) Suppost kulħadd setaʼ jara li Ġeħova kien qed juża l-profeti biex imexxi lin-nies tiegħu. Imma, ħafna mir-rejiet Iżraelin ma semgħux mill-pariri tal-profeti.—Ġer. 35:​12-15.

Ir-Re Ħeżekija u l-profeta Isaija (Ara paragrafu 8)


KIF ĠEĦOVA GGWIDA LILL-KRISTJANI TAL-BIDU

9. Ġeħova lil min uża biex imexxi lill-Kristjani tal-bidu? (Ara l-istampa.)

9 Wara li Ġesù ġie rxoxtat, Ġeħova għamel l-ewwel kongregazzjoni. Hu kif iggwida lil dawk il-Kristjani? Hu inkariga lil Ġesù bħala l-kap tal-kongregazzjoni. (Efes. 5:23) Imma Ġesù ma kienx ikellem lil kull dixxiplu u jgħidlu x’għandu jagħmel. Minflok hu uża lill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm. (Atti 15:​1, 2) Barra minn hekk, kien hemm iktar anzjani li ġew inkarigati biex jiggwidaw lill-kongregazzjonijiet.—1 Tess. 5:12; Titu 1:5.

L-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm (Ara paragrafu 9)


10. (a) Il-Kristjani tal-bidu aċċettaw il-gwida taʼ Ġeħova? Spjega. (Atti 15:​30, 31) (b) Xi wħud għala m’aċċettawx lil dawk li Ġeħova uża biex jiggwida lin-nies tiegħu? (Ara l-kaxxa “ Xi Wħud Għala Ma Jaċċettawx li Ġeħova Juża Nies Biex Imexxi lill-Poplu Tiegħu?”)

10 Il-Kristjani fi żmien l-appostli aċċettawha l-gwida taʼ Ġeħova? Ħafna minnhom kienu ferħanin bil-gwida li kien ikollhom u applikawha. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li “huma ġew inkuraġġiti u ferħu” minħabba dawk il-pariri li rċivew. (Aqra Atti 15:​30, 31.) Però Ġeħova kif qed imexxi lin-nies tiegħu llum?

KIF ĠEĦOVA JIGGWIDANA LLUM

11. Agħti eżempju taʼ kif fi żminijiet riċenti Ġeħova uża lil dawk li ħadu t-tmexxija.

11 Ġeħova anki llum għadu jmexxi lin-nies tiegħu. Hu jagħmel dan permezz tal-Bibbja u permezz taʼ Ibnu, il-kap tal-kongregazzjoni. Però għandna xi prova li Ġeħova qed juża lin-nies biex jiggwida lill-poplu tiegħu? Iva. Pereżempju, aħseb x’ġara wara s-sena 1870. Charles Taze Russell u sħabu bdew jifhmu li l-1914 kienet ħa tkun sena importanti għas-Saltna t’Alla. (Dan. 4:​25, 26) Huma saru jafu dan għax fittxew fil-Bibbja u kienu jafdaw li dak li tgħid se jsir. Ġeħova kien qed jiggwidahom meta kienu qegħdin ifittxu? Żgur li iva. Dak li ġara fl-1914 ta prova li s-Saltna t’Alla vera bdiet tmexxi. F’dik is-sena bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija u kien hemm mard li jittieħed, terremoti, u nuqqas taʼ ikel. (Lq. 21:​10, 11) Ġeħova żgur li kien qed juża lil dawk il-Kristjani sinċieri biex jgħin lin-nies tiegħu.

12-13. L-aħwa responsabbli x’għamlu matul it-Tieni Gwerra Dinjija biex isir iktar xogħol tal-ippritkar?

12 Aħseb ukoll dwar x’ġara matul it-Tieni Gwerra Dinjija. L-aħwa responsabbli fil-kwartieri ġenerali fittxew dwar Rivelazzjoni 17:8. Huma fehmu li t-Tieni Gwerra Dinjija ma kinitx ħa twassal biex tibda Armageddon, imma kien ħa jkun hemm żmien taʼ paċi fejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova setgħu jaqsmu l-messaġġ maʼ ħafna iktar nies. Allura, avolja kienet tidher ma tagħmilx sens, l-aħwa responsabbli bdew l-Iskola taʼ Gilegħad biex jittrennjaw lill-missjunarji ħalli jippritkaw mad-dinja kollha. Il-missjunarji ġew mibgħutin f’pajjiżi differenti anki matul il-gwerra. Iktar minn hekk, l-ilsir leali beda skola speċjali b biex jittrennja lill-aħwa fil-kongregazzjoni ħalli jsiru għalliema aħjar. B’hekk, in-nies t’Alla kienu qed jiġu preparati għax-xogħol taʼ ppritkar li kellu jsir.

13 Illum nistgħu naraw ċar kif Ġeħova kien qed imexxi lin-nies tiegħu matul dak iż-żmien diffiċli. Mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, f’ħafna pajjiżi n-nies taʼ Ġeħova kellhom il-libertà biex jippritkaw. Ħafna nies saru jafu lil Ġeħova minħabba dan ix-xogħol tal-ippritkar.

14. Għala nistgħu nafdaw id-direzzjoni tal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u tal-anzjani? (Rivelazzjoni 2:1) (Ara l-istampa.)

14 Illum il-Ġemgħa li Tiggverna għadha toqgħod fuq il-gwida taʼ Ġesù. Huma jridu li dak li jaħsbu Ġeħova u Ġesù jgħadduh lill-aħwa madwar id-dinja. Allura jużaw l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u l-anzjani biex jagħtu d-direzzjoni lill-kongregazzjonijiet. c Il-Bibbja tgħid li l-anzjani midlukin qegħdin fl-‘id il-leminija’ taʼ Kristu. (Aqra Rivelazzjoni 2:1.) Bla dubju, l-anzjani kollha huma imperfetti u jiżbaljaw. Anki Mosè, Ġożwè u l-appostli xi kultant għamlu l-iżbalji. (Num. 20:12; Ġoż. 9:​14, 15; Rum. 3:23) Imma xorta nistgħu naraw li Ġesù qed imexxi lill-ilsir leali u l-anzjani, u ħa jibqaʼ jagħmel hekk “sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.” (Mt. 28:20) Allura nistgħu nafdaw lil dawk li Ġesù għażel biex imexxu u m’għandniex għalfejn ninkwetaw.

Il-Ġemgħa li Tiggverna llum (Ara paragrafu 14)


AĦNA MMORRU TAJJEB META NOBDU L-GWIDA TAʼ ĠEĦOVA

15-16. X’tistaʼ titgħallem mill-esperjenzi ta’ dawk li obdew il-gwida taʼ Ġeħova?

15 Meta aħna nobdu l-gwida taʼ Ġeħova, ħa niġu mberkin minn issa stess. Pereżempju, koppja jisimhom Andy u Robyn applikaw il-parir mill-ilsir leali u għaqli biex iżommu ħajjithom sempliċi. (Mt. 6:​22, ntt.) Minħabba f’hekk, huma setgħu jgħinu biex jinbnew Swali tas-Saltna u bini ieħor tal-organizzazzjoni. Robyn tgħid: “Kien hemm drabi li konna ngħixu f’postijiet vera żgħar, u ġieli lanqas kien ikollna post fejn insajru. U kelli nbigħ ħafna kameras li kont nużahom biex nieħu r-ritratti. Din kienet xi ħaġa li vera kont nieħu pjaċir nagħmel. Bkejt meta begħthom. Imma bħall-mara taʼ Abraham, Sara, jien kont determinata li niffoka fuq ix-xogħol li kellna.” (Ebr. 11:15) Id-deċiżjonijiet li ħadu Andy u Robyn kienu tajbin? Robyn tgħid: “Aħna vera ferħanin għax nafu li qed nagħtu lil Ġeħova l-aħjar li nistgħu. Meta jien u r-raġel tiegħi nagħmlu x-xogħol li jtina Ġeħova, aħna nieħdu idea taʼ kif ħa tkun il-ħajja fid-dinja l-ġdida.” Andy jaqbel u jgħid: “Aħna ferħanin għax qed nagħtu l-ħin u l-enerġija kollha tagħna lil Ġeħova.”

16 B’liema mod ieħor immorru tajjeb meta nobdu l-gwida taʼ Ġeħova? Wara li spiċċat mill-iskola, Marcia, ħadet bis-serjetà l-parir li tawha biex tkun pijuniera. (Mt. 6:33; Rum. 12:11) Hi tgħid: “L-università offrietli biex nistudja hemmhekk għal erbaʼ snin. Imma jien xtaqt nagħti l-aħjar tiegħi lil Ġeħova.” Allura, minflok marret l-università, ħadet kors fi skola biex titgħallem tagħmel xi ħaġa u tkun tistaʼ taqlaʼ biżżejjed flus biex tkun pijuniera. Hi tkompli tgħid: “Din kienet waħda mill-aħjar deċiżjonijiet li qatt ħadt. Jien ferħana naqdi bħala pijuniera regulari, u peress li jien nagħżel kemm naħdem sigħat, nistaʼ ngħin ukoll f’Betel u naqdi lil Ġeħova f’affarijiet oħrajn.”

17. X’barkiet oħra se jkollna meta nibqgħu nobdu l-gwida taʼ Ġeħova? (Isaija 48:​17, 18)

17 Xi kultant, aħna nirċievu pariri mill-organizzazzjoni li jipproteġuna minn affarijiet bħal materjaliżmu u perikli li jistgħu jġegħluna niksru xi liġi t’Alla. Meta nobdu l-gwida taʼ Ġeħova f’dawn l-affarijiet, ħa jkun għall-ġid tagħna. Aħna jkollna kuxjenza nadifa u nevitaw ħafna problemi. (1 Tim. 6:​9, 10) B’hekk inkunu nistgħu naqdu lil Ġeħova b’qalbna kollha. M’hemm xejn li jistaʼ jagħmilna iktar ferħanin u nħossuna fil-paċi.—Aqra Isaija 48:​17, 18.

18. Għala int determinat li tibqaʼ tobdi l-gwida taʼ Ġeħova?

18 Ġeħova ħa jibqaʼ juża lin-nies biex jagħti gwida matul iż-żmien taʼ tbatija kbira u matul l-Elf sena. (Salm 45:16) Ħa nibqgħu nobdu d-direzzjoni li jtina, anki meta nkunu nixtiequ nagħmlu affarijiet oħra? Jekk nobdu d-direzzjoni li jtina issa, ħa jkun iktar faċli biex nobdu fil-futur. Mela ejja dejjem nobdu l-gwida taʼ Ġeħova, inkluż il-gwida li jagħtina permezz tal-irġiel li jagħżel biex jieħdu ħsiebna. (Is. 32:​1, 2; Ebr. 13:17) Aħna nistgħu nafdaw lill-Mexxej tagħna, Ġeħova, għax nafu li dak li jgħidilna jgħinna nibqgħu ħbieb tiegħu u hu jmexxina għall-ħajja taʼ dejjem f’Ġenna tal-art.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Ġeħova kif mexxa l-poplu t’Iżrael?

  • Ġeħova kif mexxa lill-Kristjani tal-bidu?

  • Aħna kif immorru tajjeb meta nobdu l-gwida taʼ Ġeħova?

GĦANJA 48 Kuljum nimxu maʼ Ġeħova

a Ġeħova inkariga anġlu biex “jimxi quddiem l-Iżraelin” ħalli jiggwidahom lejn l-Art Imwiegħda. Dan l-anġlu kien Mikiel, li hu isem Ġesù qabel ma ġie fuq l-art.—Eżo. 14:19; 32:34.

b Iktar tard din l-iskola bdiet tissejjaħ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Illum din hi parti mil-laqgħa taʼ matul il-ġimgħa.

c Ara l-kaxxa “L-Irwol tal-Ġemgħa li Tiggverna” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Frar 2021, p. 18.