Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kun Ferħan Waqt li Tistenna bil-Paċenzja lil Ġeħova

Kun Ferħan Waqt li Tistenna bil-Paċenzja lil Ġeħova

TĦARES ’il quddiem għal meta Ġeħova jneħħi l-ħażen kollu u jagħmel kollox ġdid? (Riv. 21:​1-5) Dażgur! Imma mhux dejjem faċli li nibqgħu nistennew bil-paċenzja lil Ġeħova, speċjalment meta jkollna l-problemi. Meta nibdew nistennew għal xi ħaġa u nħossu li qed iddum biex tiġri, jistaʼ jkun li nibdew naqtgħu qalbna. —Prov. 13:12.

Ġeħova jrid li aħna nkunu paċenzjużi u nistennew lilu biex jirranġa l-affarijiet fil-ħin li jagħżel hu. Għala jixtieqna nagħmlu hekk? U x’jistaʼ jgħinna nkunu ferħanin aħna u nistennew?

ĠEĦOVA GĦALA JRIDNA NISTENNEW?

Il-Bibbja tgħid: “Ġeħova se jibqaʼ jistenna biex jurikom qalb tajba, u għaldaqstant se jqum biex jurikom ħniena. Għax Ġeħova hu Alla taʼ ġudizzju. Henjin dawk kollha li jibqgħu jistennewh.” (Is. 30:18) Isaija kiteb dan il-kliem għal-Lhud li kienu rashom iebsa. (Is. 30:1) Però kien hemm xi Lhud leali, u dan il-kliem tahom tama. Dan il-kliem għadu jagħti tama lill-qaddejja leali taʼ Ġeħova llum.

Mela aħna rridu nkunu paċenzjużi għax Ġeħova stess qed jistenna bil-paċenzja. Ġeħova għażel ġurnata u ħin biex ineħħi din is-sistema ħażina, u hu qed jistenna dak il-ħin biex jasal. (Mt. 24:36) Dak iż-żmien mhux se jkun hemm dubju li l-akkużi taʼ Satana kontra Ġeħova u dawk li jaqduh huma gideb. Imbagħad hu ħa jitfaʼ lil Satana u dawk taʼ miegħu fl-abbiss, u lilna ħa ‘jurina ħniena.’

Sakemm jasal dak iż-żmien, Ġeħova mhux ħa jneħħi l-problemi kollha tagħna. Imma hu jwegħedna li nistgħu nkunu ferħanin aħna u nistennew. Bħalma qal Isaija, aħna nistgħu nkunu ferħanin hekk kif nistennew għal xi ħaġa tajba tiġri. (Is. 30:18) a Però kif nistgħu nħossu dak il-ferħ? Hemm erbaʼ affarijiet li jistgħu jgħinuna.

KIF TKUN FERĦAN INT U TISTENNA

Ara t-tajjeb li għandek f’ħajtek. Fil-ħajja tiegħu, ir-Re David ra ħafna ħażen. (Salm 37:35) Imma hu kiteb: “Stenna bil-paċenzja lil Ġeħova biex jaġixxi. Titfixkilx minħabba r-raġel ħażin li jirnexxi fil-pjanijiet tiegħu.” (Salm 37:7) David applika dak li kiteb meta ħaseb dwar il-wegħdi taʼ Ġeħova biex isalvah. Barra minn hekk, hu apprezza l-affarijiet tajbin li Ġeħova għamel għalih. (Salm 40:5) Jekk aħna wkoll naħsbu fuq l-affarijiet tajbin li għandna u ma niffokawx fuq il-problemi, se nsibuha iżjed faċli biex nistennew lil Ġeħova.

Uża kull opportunità biex tfaħħar lil Ġeħova. David, li milli jidher kiteb Salm 71, qal lil Ġeħova: “Se nistenna lilek biex taġixxi; se nkompli nfaħħrek iktar.” (Salm 71:14) Hu kif faħħar lil Ġeħova? David kien jitkellem m’oħrajn dwar Ġeħova u jfaħħru bil-kant. (Salm 71:​16, 23) Bħal David, aħna wkoll nistgħu nkunu ferħanin waqt li nistennew lil Ġeħova. Aħna nfaħħruh meta nippritkaw, nitkellmu dwaru mal-ħbieb u mal-familja, u nkantaw. Meta tkanta waħda mill-għanjiet tagħna, aħseb sew dwar il-kliem sabiħ u kemm jgħinuk tħossok aħjar.

Aċċetta l-inkuraġġiment tal-aħwa. Meta David kien għaddej mill-problemi, hu qal lil Ġeħova: “Quddiem il-leali tiegħek, jien se nuri li nafda fl-isem mill-isbaħ tiegħek.” (Salm 52:9) Aħna wkoll nistgħu niġu inkuraġġiti meta nkunu mal-aħwa leali fil-laqgħat, fil-ministeru, u fil-get-togethers.—Rum. 1:​11, 12.

Kun konvint mill-wegħdi taʼ Ġeħova. Salm 62:5 jgħid: “Jien se nistenna bil-paċenzja lil Alla biex jaġixxi għax jien fih nittama.” Hu importanti ħafna li nkunu ċerti mit-tama tagħna, speċjalment jekk din is-sistema ddum iktar milli naħsbu. Irridu nkunu konvinti li ndumu kemm indumu nistennew, il-wegħdi taʼ Ġeħova żgur se jiġru. Aħna nistgħu nsiru iktar konvinti billi nistudjaw il-Bibbja. Pereżempju, aħseb dwar il-profeziji kollha li ġraw, kif il-kittieba tal-Bibbja jaqblu flimkien, u d-dettalji li Ġeħova jgħidilna dwaru nnifsu. (Salm 1:​2, 3) Barra minn hekk, aħna rridu nkomplu ‘nitolbu bl-ispirtu qaddis’ biex inżommu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova sakemm ingawdu l-wegħda tiegħu taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġuda 20, 21.

Bħar-Re David, kun ċert li Ġeħova jara lil dawk li qed jistennewh u jurihom l-imħabba u l-lealtà tiegħu. (Salm 33:​18, 22) Ibqaʼ stenna bil-paċenzja lil Ġeħova billi taħseb dwar l-affarijiet tajbin li għandek f’ħajtek, tfaħħru, taċċetta l-inkuraġġiment tal-aħwa, u żżomm it-tama tiegħek b’saħħitha.

a Il-frażi bil-lingwa oriġinali għal ‘jibqgħu jistennew’ tistaʼ tfisser ukoll ‘li jixxennqu jew jittamaw biex xi ħaġa tiġri.’ Dan juri li hu normali għalina li vera nixtiequ li Ġeħova jneħħi t-tbatija kollha tagħna.