Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Il-Bibbja x’tgħid dwar li Ġeħova jkun jaf x’se jiġri fil-futur?

Il-Bibbja tgħidilna b’mod ċar li Ġeħova jaf x’se jiġri fil-futur. (Is. 45:21) Imma ma tgħidilniex eżatt kif u meta jagħmel hekk jew kemm jagħżel li jkun jaf. Allura ma nafux kollox dwar din l-abbiltà li għandu Ġeħova. Imma hemm xi affarijiet li nafu.

Ġeħova jistaʼ jagħmel dak li jixtieq imma kultant jagħżel li ma jagħmilx xi affarijiet. Peress li hu l-iktar wieħed għaref, hu jistaʼ jagħżel li jkun jaf kulma se jiġri. (Rum. 11:33) Imma minħabba li hu jaf jikkontrolla lilu nnifsu b’mod perfett, hu jistaʼ jagħżel ukoll li ma jkunx jaf kulma se jiġri.—Ara l-prinċipju f’​Isaija 42:14.

Ġeħova jġiegħel li jsir l-iskop tiegħu. Dan kif għandu x’jaqsam mal-abbiltà li għandu biex ikun jaf x’se jiġri fil-futur? Isaija 46:10 jgħid: “Jien li mill-bidu ngħid it-tmiem, u minn żmien twil ilu l-affarijiet li ma sarux; li ngħid, ‘L-iskop tiegħi se jreġi, u kulma nitgħaxxaq bih nagħmlu.’”

Raġuni waħda għala Ġeħova jaf x’se jiġri fil-futur hi li hu għandu l-qawwa li jġiegħel l-affarijiet li jsiru. Ġeħova m’għandux għalfejn isir jaf x’se jiġri fil-futur bħal meta aħna nagħmlu fast-forward biex naraw kif se jispiċċa xi film. Minflok, Ġeħova jagħżel iż-żmien meta se tiġri xi ħaġa, imbagħad meta jasal il-ħin iġiegħel li ssir.—Eżo. 9:​5, 6; Mt. 24:36; Atti 17:31.

Minħabba f’hekk, il-Bibbja tuża kliem bħal “ippreparajt,” u “sawwartu,” biex turi x’jagħmel Ġeħova għal xi affarijiet li se jiġru fil-futur. (2 Slat. 19:25; Is. 46:11) Dan il-kliem ġej mill-kelma li fil-lingwa oriġinali tfisser wieħed li jaħdem it-tafal. (Ġer. 18:4) Eżatt bħalma fuħħari jistaʼ jagħmel vażun sabiħ minn biċċa tafal bla forma, Ġeħova jistaʼ jġiegħel li jsiru l-affarijiet biex isir dak li jixtieq hu.—Efes. 1:11.

Ġeħova jħalli n-nies jieħdu deċiżjonijiet huma. Hu ma ppjanax il-ħajja taʼ kull persuna minn qabel. U ma jġegħelx nies tajbin jagħmlu xi ħaġa li twassalhom biex jinqerdu. Hu jħalli lil kulħadd fil-libertà li jagħżel kif jgħix, imma jgħallimhom kif jgħixu ħajja tajba.

Ejja naraw żewġ eżempji. L-ewwel eżempju hu tan-nies li kienu jgħixu Ninwe. Ġeħova kien qal li l-belt se tinqered għax kien hemm ħafna ħażen. Imma meta n-nies ddispjaċiehom, Ġeħova “ddispjaċieh mill-gwaj li kien qal li se jġib fuqhom; u ma ġabux.” (Ġona 3:​1-10) Ġeħova ddeċieda li ma jagħmilx dak li qal peress li n-nies taʼ Ninwe ddeċidew li jinbidlu wara li semgħu l-messaġġ taʼ Ġeħova.

It-tieni eżempju hu tal-profezija dwar Ċiru. Hu kien se jeħles lil-Lhud u jikkmandahom biex jerġgħu jibnu t-tempju taʼ Ġeħova. (Is. 44:​26-28; 45:​1-4) Ir-Re Ċiru tal-Persja wettaq din il-profezija. (Esd. 1:​1-4) Imma hu ma kienx jaqdi lill-Alla l-veru. Ġeħova użah biex iwettaq il-profezija, imma ma ġegħlux jaqdih taʼ bilfors.—Prov. 21:1.

Dawn huma biss ftit mill-affarijiet li Ġeħova jqis qabel ma jiddeċiedi li jkun jaf il-futur. L-ebda bniedem ma jistaʼ jifhem kull ħaġa li jaħseb u jagħmel Ġeħova. (Is. 55:​8, 9) Imma dak li nafu dwar Ġeħova jsaħħilna l-fidi li hu dejjem jagħmel dak li hu l-aħjar, inkluż meta jgħidilna x’se jiġri fil-futur.