Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 17

GĦANJA 111 Ir-raġunijiet tagħna għall-ferħ

Ibqaʼ fil-Ġenna Spiritwali

Ibqaʼ fil-Ġenna Spiritwali

“Ifirħu u thennew għal dejjem b’dak li qed noħloq.”IS. 65:18.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Għala jkun tajjeb li nkunu fil-ġenna spiritwali u kif ngħinu lil oħrajn jidħlu fiha.

1. X’inhi l-ġenna spiritwali, u aħna xi ddeċidejna li nagħmlu?

 FID-DINJA hemm ġenna spiritwali. a Fiha hemm miljuni taʼ nies li qed jagħmlu ħafna affarijiet tajbin u qed jgħixu fil-paċi. Huma ddeċidew li jibqgħu f’din il-ġenna spiritwali għal dejjem. Jixtiequ wkoll li jidħlu fiha kemm jistaʼ jkun nies.

2. Il-ġenna spiritwali għala hi tal-għaġeb?

2 Aħna qed ngħixu fid-dinja taʼ Satana li hi mimlija ħażen. (1 Ġw. 5:19; Riv. 12:12) Imma Ġeħova għamel bħal post fejn in-nies tiegħu jistgħu jkunu magħqudin u jgħixu fil-paċi. Hu qed jara kemm hawn problemi f’din is-sistema ħażina. Imma Ġeħova jħobbna u jtina dak li għandna bżonn biex nibqgħu leali lejh. Il-Bibbja tqabbel il-ġenna spiritwali maʼ “refuġju” u “ġnien imsoqqi tajjeb.” (Is. 4:6; 58:11) Mela bl-għajnuna taʼ Ġeħova, dawk li qegħdin fil-ġenna spiritwali jistgħu jkunu ferħanin f’dawn l-aħħar jiem diffiċli.—Is. 54:14; 2 Tim. 3:1.

3. Il-profezija f’​Isaija kapitlu 65 kif ġrat l-ewwel darba?

3 Ġeħova uża lill-profeta Isaija biex jikteb kif ħa jħossuhom in-nies meta jkunu qed jgħixu fil-ġenna spiritwali. Din il-profezija qiegħda f’​Isaija kapitlu 65, u ġrat darbtejn. L-ewwel darba ġrat fis-sena 537 qabel Kristu (QK) meta l-Lhud ħarġu minn Babilonja u reġgħu marru Ġerusalemm. Ġeħova berikhom billi għenhom jirranġaw il-belt u jerġgħu jibnu t-tempju ħalli jkunu jistgħu jaqduh fih.—Is. 51:11; Żak. 8:3.

4. Il-profezija f’​Isaija 65 kif qed tiġri llum?

4 Il-profezija taʼ Isaija bdiet tiġri għat-tieni darba fl-1919. Dak iż-żmien, in-nies taʼ Ġeħova ħarġu minn Babilonja l-Kbira. Huma bdew jippritkaw u madwar id-dinja bdew jiżdiedu ħafna kongregazzjonijiet. B’hekk il-ġenna spiritwali bdiet tikber. Dawn l-aħwa kienu vjolenti u immorali imma ma baqgħux juru dawn il-kwalitajiet. Minflok, bdew juru kwalitajiet Kristjani u ‘libsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla.’ (Efes. 4:24) Ħafna mill-affarijiet sbieħ li qal Isaija fil-profezija se jiġru b’mod litterali fid-dinja l-ġdida. Imma anki llum qed ingawdu affarijiet sbieħ fil-ġenna spiritwali. F’dan l-artiklu se naraw ftit minnhom u għala għandna nibqgħu fil-ġenna spiritwali għal dejjem.

KIF IĦOSSUHOM DAWK LI QEGĦDIN FIL-ĠENNA SPIRITWALI?

5. Skont Isaija 65:​13, dawk li qegħdin fil-ġenna spiritwali x’għandhom?

5 Għandhom ħafna ikel spiritwali. Il-profezija taʼ Isaija turi d-differenza bejn dawk li qegħdin fil-ġenna spiritwali u dawk li mhumiex. (Aqra Isaija 65:13.) Ġeħova jagħti lill-qaddejja tiegħu dak kollu li għandhom bżonn biex jibqgħu qrib tiegħu. Pereżempju, hu jtihom l-ispirtu qaddis, il-Bibbja, u ħafna pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha. B’hekk, il-qaddejja tiegħu jistgħu “jieklu, . . . jixorbu, . . . [u] jifirħu.” (Ara l-prinċipju f’​Rivelazzjoni 22:17.) Imma dawk li mhumiex fil-ġenna spiritwali huma differenti ħafna. Huma m’għandhomx ħbiberija maʼ Ġeħova, allura jkunu “bil-ġuħ . . . , bil-għatx . . . , [u] isofru l-mistħija.”—Għam. 8:11.

6. Skont Ġoel 2:​21-24, Ġeħova liema affarijiet itina, u kif nistgħu nibbenefikaw minnhom?

6 Fil-profezija tiegħu, Ġoel qalilna li Ġeħova jipprovdi ikel bżonjuż, bħal qamħ, inbid, u żejt. Illum ukoll, Ġeħova hu ġeneruż u jtina kulma għandna bżonn biex inkunu nistgħu nibqgħu l-ħbieb tiegħu. (Ġoel 2:​21-24) Pereżempju, hu jtina l-Bibbja, il-pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha, il-website, il-laqgħat, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet. Aħna nistgħu nibbenefikaw minn dawn l-affarijiet kuljum, u meta nagħmlu hekk inħossu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova tikber.

7. X’jistaʼ jgħinna nkunu ferħanin? (Isaija 65:14)

7 Ferħanin. In-nies taʼ Ġeħova “jgħajtu bil-ferħ minħabba l-kundizzjoni tajba taʼ qalbhom” għax japprezzaw ħafna dak li jtihom Ġeħova. (Aqra Isaija 65:14.) Huma ferħanin minħabba dak li jitgħallmu mill-Bibbja, il-wegħdi li għandhom għall-futur, u t-tama grazzi għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Meta nitkellmu dwar dawn l-affarijiet maʼ ħutna, se nkunu vera ferħanin!—Salm 34:8; 133:​1-3.

8. X’inhuma żewġ affarijiet importanti li hemm fil-ġenna spiritwali?

8 Żewġ affarijiet importanti li hemm fil-ġenna spiritwali huma l-imħabba u l-unità. Din ‘ir-rabta li tgħaqqad’ turi kif ħa tkun il-ħajja fid-dinja l-ġdida. F’dak iż-żmien, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ħa jkunu jħobbu ħafna iktar lil xulxin u jkunu magħqudin iktar. (Kol. 3:14) Oħt qalet kif ħassitha meta ltaqgħet l-ewwel darba max-Xhieda taʼ Ġeħova: “Jien dejjem kont inkun imdejqa, anki mal-familja. Imma l-ewwel darba li rajt in-nies juru mħabba vera kienet meta ltqajt max-Xhieda taʼ Ġeħova.” Kull min irid ikun vera ferħan, irid ikun fil-ġenna spiritwali. In-nies jaħsbu ħafna affarijiet fuqna, imma l-importanti hu li l-qaddejja taʼ Ġeħova għandhom isem tajjeb miegħu u mal-familja kollha tiegħu.—Is. 65:15.

9. Isaija 65:​16, 17 xi jwegħedna dwar il-problemi?

9 Fil-paċi. Isaija 65:14 jgħid li dawk li ma jidħlux fil-ġenna spiritwali ‘jgħajtu bl-uġigħ taʼ qalb u jnewħu minħabba spirtu mkisser.’ Imma anki dawk li qegħdin fil-ġenna spiritwali jbatu u jkollhom il-problemi. Ġeħova jgħid li fil-futur, dawn l-affarijiet ‘se jintesew.’ (Aqra Isaija 65:​16, 17.) Ġeħova ħa jneħħilna l-problemi kollha, u maż-żmien lanqas biss se niftakru fihom.

10. Għala taħseb li hi barka li tkun mal-aħwa? (Ara l-istampa.)

10 Meta mmorru l-laqgħat nistgħu nħossuna kalmi, għax hemm ma niffokawx fuq il-problemi li għandna. Fl-istess ħin, aħna wkoll nistgħu ngħinu lill-aħwa jkunu kalmi. Dan nagħmluh billi nuru kwalitajiet bħall-imħabba, il-ferħ, il-paċi, il-qalb tajba, u l-ħlewwa li huma parti mill-frott tal-ispirtu. (Gal. 5:​22, 23) X’barka għandna li aħna parti mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova! Dawk li jibqgħu f’din il-ġenna spiritwali se jaraw lil Ġeħova jżomm il-wegħda tiegħu meta jagħmel “smewwiet ġodda u art ġdida.”

Hija barka li tkun fil-ġenna spiritwali mal-familja taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 10) c


11. Skont Isaija 65:​18, 19, aħna kif inħossuna li qegħdin fil-ġenna spiritwali?

11 Napprezzaw u nixtiequ ngħidu lill-oħrajn dwar il-verità. Isaija jkompli jispjega għala nistgħu nkunu ferħanin f’din il-ġenna spiritwali. Dan għax kien Ġeħova li ħalaq din il-ġenna. (Aqra Isaija 65:​18, 19.) Allura Ġeħova qed juża lilna biex jgħin lin-nies joħorġu mill-organizzazzjonijiet taʼ din id-dinja għax ma jgħallmuhomx il-verità, u jgħinhom jidħlu fil-ġenna spiritwali! Aħna ferħanin ħafna bil-barkiet li ngawdu, u nixtiequ ngħidu lill-oħrajn dwarhom.—Ġer. 31:12.

12. Kif tħossok dwar il-wegħdi li hemm f’​Isaija 65:​20-24, u għala?

12 Peress li qegħdin fil-ġenna spiritwali, aħna għandna tama sabiħa ħafna u nħarsu ’l quddiem għaliha. Aħseb ftit dwar kemm ħa naraw affarijiet sbieħ fid-dinja l-ġdida! Il-Bibbja twegħedna: “Qatt iktar ma jkun hemm tarbija . . . li tgħix ftit jiem, lanqas xiħ li ma jwettaqx jiemu.” Aħna ħa ‘nibnu djar u ngħixu fihom, inħawlu għelieqi bid-dwieli u nieklu frotthom.’ Aħna ‘m’aħniex ħa nitħabtu għalxejn’ għax ‘Ġeħova ħa jberikna.’ Hu jwegħedna li mhux ħa ngħixu ħajja bla skop, u ħa nkunu ferħanin. Hu se jkun jaf x’għandu bżonn kull wieħed minna u ħa ‘jaqtaʼ x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’—Is. 65:​20-24; Salm 145:16.

13. Skont Isaija 65:​25, x’bidliet jagħmlu n-nies meta jibdew jaqdu lil Ġeħova?

13 Fil-paċi u protetti. Bl-għajnuna tal-ispirtu taʼ Ġeħova, ħafna nies li qabel kienu vjolenti u immorali għamlu bidliet kbar f’ħajjithom. (Aqra Isaija 65:25.) Huma ħadmu iebes biex jinżgħu l-personalità l-qadima. (Rum. 12:2; Efes. 4:​22-24) In-nies t’Alla xorta jiżbaljaw għax huma għadhom imperfetti. Imma permezz tal-organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova għen biex “kull xorta taʼ bnedmin” ikollhom imħabba u paċi taʼ vera bejniethom. (Titu 2:11) Din hi xi ħaġa li jistaʼ jagħmilha biss Alla li Jistaʼ Kollox!

14. Ħu kif irnexxielu jbiddel ħajtu bħalma juri Isaija 65:25?

14 Imma n-nies vera jistgħu jbiddlu l-karattru tagħhom? Aħseb dwar din l-esperjenza. Raġel żagħżugħ kien diġà daħal il-ħabs ħafna drabi qabel ma kellu 20 sena. Hu kien jgħix ħajja immorali u kien vjolenti ħafna. Kien daħal il-ħabs minħabba li seraq minn xi djar, seraq il-karozzi, u minħabba affarijiet oħrajn. Dak iż-żmien ma kienx jiddejjaq jidħol f’xi ġlieda. Imma meta sar jaf il-verità mill-Bibbja u beda jattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova, hu kien ċert li sab xi ħaġa vera worth it, jiġifieri l-ġenna spiritwali. Wara li tgħammed kien jaħseb dwar kif Isaija 65:25 kien qisu qed jitkellem dwaru, għax hu kien inbidel minn persuna vjolenti qisha ljun għal persuna mimlija paċi qisha ħaruf.

15. Għala nixtiequ li oħrajn jidħlu fil-ġenna spiritwali magħna, u kif nistgħu ngħinuhom jagħmlu dan?

15 Isaija 65:13 jibda bil-kliem: “Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova.” Vers 25 jispiċċa bil-kliem: “Qal Ġeħova.” Dan il-kliem jurina li dak li jgħid Ġeħova dejjem isir. (Is. 55:​10, 11) Il-ġenna spiritwali diġà teżisti, u n-nies li jgħixu fiha jħossuhom fil-paċi, avolja qegħdin f’dinja vjolenti. Din hi xi ħaġa vera speċjali. (Salm 72:7) Minħabba f’hekk, aħna rridu ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies jidħlu f’din il-ġenna. Dan nistgħu nagħmluh billi nippritkaw u nagħmlu dixxipli.—Mt. 28:​19, 20.

KIF TISTAʼ TGĦIN LIL OĦRAJN JIDĦLU FIL-ĠENNA SPIRITWALI?

16. X’se jgħin lin-nies ikunu jixtiequ jidħlu fil-ġenna spiritwali?

16 Kollha kemm aħna nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu lil oħrajn jidħlu fil-ġenna spiritwali. Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova. Hu ma jġegħelx lin-nies jidħlu fl-organizzazzjoni taʼ bilfors. Minflok ‘jiġbidhom bil-qalb tajba bl-imħabba.’ (Ġw. 6:44; Ġer. 31:3) In-nies sinċieri li jitgħallmu dwar Ġeħova u l-kwalitajiet tiegħu jinġibdu lejh. Imma aħna kif nistgħu nħajru lin-nies lejn il-ġenna spiritwali bil-kwalitajiet tajbin li nuru?

17. Kif nistgħu nħajru lil oħrajn biex jidħlu fil-ġenna spiritwali?

17 Mod kif inħajru lil oħrajn biex jidħlu fil-ġenna spiritwali hu billi nuru qalb tajba u mħabba mal-aħwa. L-uħud ġodda li marru l-laqgħat f’Korintu qalu: “Alla tassew qiegħed fostkom.” (1 Kor. 14:​24, 25; Żak. 8:23) Aħna nixtiequ li n-nies li jattendu għall-ewwel darba l-laqgħat tagħna jħossuhom l-istess. Għalhekk, aħna rridu nkomplu ‘nżommu l-paċi bejnietna.’—1 Tess. 5:13.

18. X’inhi ħaġa oħra li tistaʼ tiġbed lin-nies lejn l-organizzazzjoni?

18 Aħna rridu dejjem naħsbu fuq il-kwalitajiet tajbin li għandhom l-aħwa, eżatt bħalma jagħmel Ġeħova. Irridu nżommu f’moħħna li l-affarijiet li jdejquna fihom mhumiex ħa jibqgħu għal dejjem. U rridu nsolvu l-problemi taʼ bejnietna billi ‘nkunu qalbna tajba maʼ xulxin, nagħdru b’tenerezza, u naħfru lil xulxin mill-qalb.’ (Efes. 4:32) Meta n-nies fid-dinja jarawna nittrattaw lil xulxin b’dan il-mod, ħa jkunu jixtiequ jsiru parti minn din il-ġenna spiritwali. b

IBQAʼ FIL-ĠENNA SPIRITWALI

19. (a) X’qalu xi nies wara li reġgħu ġew fil-ġenna spiritwali? (Ara l-kaxxa “ Huma Reġgħu Ġew.”) (b) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu? (Ara l-istampa.)

19 Kemm hi xi ħaġa sabiħa li aħna parti mill-ġenna spiritwali! Aħna nieħdu pjaċir meta naraw li n-numru taʼ nies f’din il-ġenna spiritwali dejjem qed jikber. Importanti li dejjem nibqgħu napprezzaw din il-ġenna li Ġeħova għamel għalina. Kull min jixtieq li jkollu l-ikel spiritwali, ikun ferħan, fil-paċi, u jħossu protett irid jidħol fil-ġenna spiritwali u jibqaʼ fiha! Imma rridu noqogħdu attenti ħafna għax Satana qed jipprova kemm jistaʼ jbegħedna minnha. (1 Pt. 5:8; Riv. 12:9) Aħna ma rridu qatt li nħalluh jirbaħ. Allura ejja naħdmu iebes biex il-ġenna spiritwali tibqaʼ sabiħa, nadifa, u protetta.

Dawk li jibqgħu fil-ġenna spiritwali fil-futur se jgħixu fil-ġenna tal-art (Ara paragrafu 19)


INT KIF TWIEĠEB?

  • X’inhi l-ġenna spiritwali?

  • X’barkiet għandna f’din il-ġenna spiritwali?

  • Kif nistgħu nħajru n-nies biex jidħlu fiha?

GĦANJA 144 Ibqaʼ ffokat fuq it-tama!

a ESPRESSJONI SPJEGATA: Il-frażi “ġenna spiritwali” tiddeskrivi l-ħajja taʼ dawk li jaqdu lil Ġeħova. Minħabba din il-ġenna spiritwali, aħna għandna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova u maʼ ħutna.

b Biex tara x’barkiet għandha oħt minħabba li hi fil-ġenna spiritwali, ara l-vidjow Fejn Huma Issa? Alena Žitníková: Kif il-Ħolma Tiegħi Saret Realtà fuq jw.org.

c X’TURINA L-ISTAMPA: Ħafna aħwa qegħdin jitkellmu flimkien fi gruppi ġewwa s-Sala, imma ħu għażel li joqgħod waħdu.