Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

L-Imperfezzjonijiet Tiegħi Wrew Kemm Hu b’Saħħtu Ġeħova

L-Imperfezzjonijiet Tiegħi Wrew Kemm Hu b’Saħħtu Ġeħova

META jien u l-mara wasalna l-Kolombja fl-1985, fil-pajjiż kien hemm ħafna vjolenza. Fil-bliet, il-pulizija kienu jiġġieldu kontra gruppi kbar li jmexxu d-droga u fil-muntanji kienu jiġġieldu kontra suldati ribelli. F’Medellín kien ikun hemm gruppi taʼ żgħażagħ armati jduru fit-toroq. Huma kienu jbigħu d-drogi, iġiegħlu n-nies iħallsuhom biex ma jweġġgħuhomx, u jitħallsu biex joqtlu n-nies. Imma dawn iż-żgħażagħ ma kellhomx ħajja twila. Konna nħossuna qisna qed ngħixu f’dinja oħra.

Tnejn min-nies mill-Finlandja kif spiċċaw l-Amerika t’Isfel? U jien x’tgħallimt matul is-snin?

META KONT ŻAGĦŻUGĦ FIL-FINLANDJA

Jien twilidt fl-1955 u għandi żewġ aħwa ikbar minni. Konna ngħixu fin-naħa t’isfel tal-Finlandja fil-belt taʼ Vantaa.

Ommi saret waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova ftit snin qabel twilidt. Imma missieri kien kontra l-verità u ma kienx iħalliha tistudja magħna jew toħodna l-laqgħat. Allura kienet tkellimna fuq il-verità meta missieri ma kienx ikun id-dar.

Jien ridt nobdi lil Ġeħova minn mindu kelli sebaʼ snin

Jien minn meta kont żgħir ridt nobdi lil Ġeħova. Pereżempju meta kelli sebaʼ snin, l-għalliema rrabjat miegħi għax ma ridtx niekol pancakes magħmulin mid-demm jgħidulhom verilättyjä. Hi ppruvat tiftaħli ħalqi biex iġġegħelni nikolhom. Imma jien tajjart il-furketta minn idha.

Meta kelli 12-il sena, bdejt immur il-laqgħat wara li miet missieri. L-aħwa kienu qalbhom tajba miegħi u dan għenni biex insir iktar ħabib taʼ Ġeħova. Jien bdejt naqra l-Bibbja kuljum u nistudja l-pubblikazzjonijiet tagħna. Minħabba f’hekk, fit-8 t’Awwissu 1969 meta kelli 14-il sena, tgħammidt.

Wara li spiċċajt l-iskola bdejt naqdi bħala pijunier regolari. Wara ftit ġimgħat mort naqdi fejn kien hemm iżjed bżonn f’post ieħor jismu Pielavesi.

Hemmhekk iltqajt maʼ Sirkka. Jien ħadt grazzja magħha għax kienet umli u tħobb ħafna lil Ġeħova. Hi ma xtaqitx issir sinjura imma aħna xtaqna nagħtu l-aħjar tagħna lil Ġeħova u konna lesti li nagħmlu dak li jgħidilna. Aħna żżewwiġna fit-23 taʼ Marzu 1974 u minflok il-honeymoon morna Karttula għax kien hemm iżjed bżonn taʼ nies biex jippritkaw.

Id-dar li krejna f’Karttula, il-Finlandja

ĠEĦOVA ĦA ĦSIEBNA

Il-karozza li tana ħija

Ġeħova dejjem uriena li jekk inpoġġu s-Saltna l-ewwel f’ħajjitna, hu kien ħa jagħtina l-affarijiet li jkollna bżonn. (Mt. 6:33) Pereżempju meta konna Karttula, konna nużaw ir-rota għax ma kellniex karozza. Imma fix-xitwa kienet tkun wisq kesħa biex nużaw ir-rota u t-territorju biex nippritkaw kien kbir wisq. Allura kellna bżonn karozza imma ma kellniex flus biżżejjed biex nixtru waħda.

Darba ġie ħija l-kbir jarana u offra li jtina l-karozza tiegħu. Kulma kellna nagħmlu kien li ntuha l-petrol għax l-insurance ħallasha hu. B’hekk kellna l-karozza li kellna bżonn.

Ġeħova wriena li hu kien se jieħu ħsieb l-affarijiet materjali li kellna bżonn. Kulma kellna nagħmlu kien li npoġġu s-Saltna l-ewwel.

L-ISKOLA TAʼ GILEGĦAD

Il-klassi tal-Iskola tal-Pijunieri fl-1978

Meta konna l-Iskola tal-Pijunieri fl-1978, wieħed mill-għalliema, Raimo Kuokkanen, a inkuraġġiena biex napplikaw għall-Iskola taʼ Gilegħad. Imma biex immorru kellna nitgħallmu l-Ingliż. Però fl-1980 ġejna mistidnin biex naqdu fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Finlandja u dak iż-żmien, il-Beteliti ma setgħux japplikaw għal Gilegħad. Imma aħna ridna naqdu lil Ġeħova fejn jixtieq hu mhux fejn xtaqna aħna. Allura aċċettajna li mmorru Betel. Imma xorta bqajna nistudjaw l-Ingliż ħalli jekk xi darba nkunu nistgħu, napplikaw għal Gilegħad.

Xi snin wara, il-Ġemgħa li Tiggverna qalet li anki l-Beteliti jistgħu jmorru Gilegħad. Allura aħna mlejna l-formola mill-ewwel, mhux għax ma konniex ferħanin Betel, imma għax xtaqna naqdu lil Ġeħova fejn kien hemm iżjed bżonn. Morna d-79 klassi taʼ Gilegħad u f’Settembru tal-1985 gradwajna u ġejna mibgħutin il-Kolombja.

L-EWWEL INKARIGU BĦALA MISSJUNARJI

L-ewwel inkarigu li kellna l-Kolombja kien f’Betel. Jien pruvajt nagħmel li stajt fix-xogħol li kelli, imma wara sena ħassejt li kelli bżonn nagħmel bidla. Allura saqsejt għal inkarigu differenti. Din kienet l-unika darba li għamilt hekk. Wara ġejna inkarigati bħala missjunarji fil-belt taʼ Neiva.

Jien dejjem kont nieħu pjaċir fuq is-service. Meta kont single u pijunier fil-Finlandja, ġieli kont nibda minn filgħodu kmieni sa tard filgħaxija. Bħala koppja miżżewġa, jien u Sirkka wkoll konna nagħmlu ġranet sħaħ nippritkaw. Meta konna nippritkaw f’postijiet li kienu ’l bogħod mid-dar, ġieli konna norqdu fil-karozza. B’hekk konna niffrankaw ħafna sewqan u l-għada nkunu nistgħu nibdew kmieni.

Bħala missjunarji reġaʼ beda jkollna l-istess ferħ fuq is-service bħal qabel. Il-kongregazzjoni kibret u l-aħwa kienu jirrispettawna, iħobbuna, u japprezzaw ix-xogħol tagħna.

NARAW KEMM HU B’SAĦĦTU T-TALB

Mhux ’il bogħod minn fejn konna aħna kien hemm irħula mingħajr aħwa. Kont inkwetat ħafna kif in-nies hemm se jisimgħu bil-verità għax minħabba r-ribelli ma kienx faċli biex jidħlu nies li ma kinux joqogħdu hemm. Jien tlabt lil Ġeħova biex xi ħadd minn dawn il-postijiet isir Xhud. Ħsibt li biex xi ħadd jitgħallem il-verità jrid ikun joqgħod Neiva. Allura tlabt ukoll biex wara li din il-persuna titgħammed u timmatura, tmur lura f’dawn l-irħula u tibda tipprietka. Imma missni kont naf li Ġeħova kellu idea aħjar minn tiegħi.

Ftit wara bdejt nistudja maʼ żagħżugħ jismu Fernando González. Hu kien jgħix Algeciras li kien wieħed mill-irħula fejn ma kienx hemm aħwa. Fernando kien jivvjaġġa iżjed minn 50 kilometru biex jasal Neiva għax-xogħol. Hu kien jipprepara sew għal kull studju u mill-ewwel beda jiġi l-laqgħat. Mill-ewwel ġimgħa li beda jistudja, kien jgħid lin-nies fir-raħal tiegħu x’kien qed jitgħallem mill-Bibbja.

Maʼ Fernando fl-1993

Fernando tgħammed f’Jannar 1990, sitt xhur wara li beda jistudja, u ftit wara beda jaqdi bħala pijunier regolari. Peress li f’Algeciras kien hemm Xhud wieħed biss, l-uffiċċju tal-fergħa setaʼ jibgħat xi pijunieri speċjali hemmhekk. B’hekk fi Frar 1992 bdiet l-ewwel kongregazzjoni.

Imma Fernando ma ppritkax biss fir-raħal minn fejn kien hu. Wara li żżewweġ, hu u l-mara tiegħu marru jgħixu San Vicente del Caguán. Hemmhekk ukoll ma kienx hemm Xhieda imma huma għenu biex tibda l-ewwel kongregazzjoni. Imbagħad fl-2002, Fernando beda jaqdi bħala indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Illum għadu jagħmel dan ix-xogħol mal-mara tiegħu Olga.

Minn dan tgħallimt kemm hu importanti li nitlob lil Ġeħova dwar affarijiet speċifiċi, speċjalment fejn jidħol ix-xogħol li nagħmlu għalih. Ġeħova jistaʼ jagħmel dak li aħna ma nistgħux. Wara kollox, hu tana dan ix-xogħol x’nagħmlu.—Mt. 9:38.

ĠEĦOVA JTINA X-XEWQA U S-SAĦĦA

Fl-1990 bdejna nagħmlu x-xogħol tas-circuit f’Bogotá, il-belt kapitali. Konna nibżgħu li mhux ħa nagħmlu l-inkarigu sew għax jien u l-mara tiegħi mhux imdorrijin ngħixu f’belt mimlija nies. Imma Ġeħova għamel dak li jwiegħed f’​Filippin 2:13: “Għax Alla hu dak li, għax hekk għoġbu, qed jaħdem fikom kemm biex ikollkom ir-rieda u kemm biex taġixxu.”

Iżjed tard morna f’circuit ieħor viċin Medellín, il-belt li semmejt fil-bidu. In-nies t’hemm tant kienu drawha l-vjolenza li ma baqgħux jagħtu kasha. Pereżempju darba kont qed nagħmel studju tal-Bibbja u bdew jisparaw barra d-dar fejn konna. Jien kont se nintefaʼ mal-art imma l-istudent baqaʼ jaqra l-paragrafu qisu ma ġara xejn. Meta lesta l-paragrafu, qalli biex nagħtih ftit ċans u ħareġ barra. Wara ftit reġaʼ daħal maż-żewġt itfal tiegħu u bil-kalma qalli, “Skużani, mort inġib it-tfal minn barra.”

Kien hemm iżjed drabi meta konna fil-periklu. Darba meta konna service, il-mara ġiet tiġri lejja mbeżżgħa. Hi qaltli li xi ħadd prova jisparalha. Jien vera bżajt. Imma wara sirna nafu li min spara ma kienx qed jimmira lejn Sirkka imma lejn ir-raġel li kien għaddej minn ħdejha.

Maż-żmien ma bqajniex nibżgħu daqshekk mill-vjolenza. L-aħwa t’hemm kienu vera jinkuraġġuna bil-kuraġġ tagħhom għax kienu jgħaddu minn ħafna affarijiet agħar. Aħna konna nirraġunaw li jekk Ġeħova qed jgħin lilhom, ħa jgħin lilna wkoll. Dejjem konna nieħdu l-pariri tal-anzjani, noqogħdu attenti, u nħallu kollox f’idejn Ġeħova.

Xi sitwazzjonijiet ma kinux gravi bħalma ħsibna. Darba konna ġo dar u smajna żewġ nisa jgħajru lil xulxin. Jien ma ridtx inkun naf x’inhu jiġri barra imma l-mara li kont qed inkellem qaltli biex noħorġu fit-terrazzin. Imbagħad indunajt li l-argument kien bejn żewġ pappagalli li kienu qed jimitaw lill-ġirien.

RESPONSABBILTAJIET U DIFFIKULTAJIET ĠODDA

Fl-1997 tawni l-inkarigu li nkun għalliem fl-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali. b Jien kont nieħu pjaċir ħafna meta kont nattendi skola mill-organizzazzjoni. Imma qatt ma immaġinajt li se ngħallem f’waħda.

Iktar tard jien qdejt bħala indokratur tad-distrett. Meta l-Ġemgħa li Tiggverna waqqfet dan l-arranġament, reġgħu bagħtuni fix-xogħol tas-circuit. Għal 30 sena jien ħadt pjaċir naqdi bħala għalliem u fix-xogħol tas-circuit. Dawn ġabuli ħafna barkiet imma mhux dejjem kien kollox faċli. Ħa nispjega.

Jien għandi karattru sod u dan għenni meta kelli ċerti sitwazzjonijiet fil-ħajja. Imma ġieli kont inkun wisq iffokat biex nirranġa l-affarijiet fil-kongregazzjonijiet. Pereżempju darba tajt parir lil xi wħud biex juru iktar imħabba u jkunu iktar raġunevoli mal-aħwa. Imma meta nħares lura ninduna li jien stess ma kontx qed nuri dawk il-kwalitajiet.—Rum. 7:​21-23.

Ġieli nħossni skuraġġit minħabba li stajt għamilt xi affarijiet aħjar. (Rum. 7:24) Darba tlabt lil Ġeħova u għedtlu li jkun aħjar jekk ma nibqax missjunarju u nerġaʼ mmur il-Finlandja. Imma filgħaxija kellna l-laqgħa u l-inkuraġġiment li rċivejt ikkonvinċieni biex nibqaʼ fl-inkarigu li kelli u nibqaʼ naħdem fuq l-imperfezzjonijiet. Sal-lum għadni naħseb fuq kif Ġeħova wiġibli dik it-talba u sirt napprezza iktar kemm għenni biex nirranġa l-imperfezzjonijiet.

ĊERT LI ĠEĦOVA SE JIEĦU ĦSIEBI FIL-FUTUR

Jien u Sirkka vera nirringrazzjaw lil Ġeħova li stajna naqduh fis-servizz full-time kważi għal ħajjitna kollha. Jien napprezza ħafna li għal das-snin kollha Ġeħova tani mara leali u li tħobbni.

Daqt nagħlaq 70 sena u b’hekk ikolli nħalli l-inkarigi tiegħi bħala għalliem u indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet. Imma m’iniex imdejjaq għax ċert li Ġeħova se jkun l-iżjed ferħan meta naqduh b’mod umli u nfaħħruh għax inħobbuh u napprezzaw dak li għamel magħna. (Mik. 6:8; Mk. 12:​32-34) Biex infaħħru lil Ġeħova m’hemmx għalfejn ikollna privileġġi kbar.

Naf li l-inkarigi li kelli ma kinux għax jien aħjar minn ħaddieħor jew għax kapaċi iktar minnhom. Imma naf li Ġeħova tani dawn l-inkarigi għax hu qalbu tajba. Hu tahomli avolja imperfett u nagħmel l-iżbalji. U ċert li rnexxieli nagħmel dawn l-inkarigi għax għenni Ġeħova. B’hekk l-imperfezzjonijiet tiegħi wrew kemm hu b’saħħtu Ġeħova.—2 Kor. 12:9.

a Il-bijografija taʼ Raimo Kuokkanen, “Determinat li Naqdi lil Ġeħova,” tistaʼ ssibha f’​It-Torri tal-Għassa tal-1 tʼApril 2006.

b Minflokha llum hemm l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna.