Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 19

GĦANJA 22 Bil-lest is-Saltna hi —Ħa tiġi!

X’Nafu Dwar Kif Ġeħova Ħa Jiġġudika lin-Nies fil-Futur?

X’Nafu Dwar Kif Ġeħova Ħa Jiġġudika lin-Nies fil-Futur?

“Ġeħova . . . ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.”2 PT. 3:9.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Nistgħu nkunu ċerti li meta Ġeħova jiġġudika lin-nies fil-futur, se jagħmel dak li hu sewwa u ġust.

1. Għala nistgħu ngħidu li qed ngħixu fi żmien eċċitanti?

 ILLUM qed ngħixu fi żmien eċċitanti ħafna, għax kuljum naraw ħafna profeziji jitwettqu. Pereżempju, naraw li hemm ġlieda kontinwa bejn “is-sultan tat-tramuntana” u “s-sultan tan-nofsinhar” biex imexxu d-dinja. (Dan. 11:40) Naraw li l-aħbar tajba qed tiġi ppritkata mad-dinja kollha, u miljuni taʼ nies qed jibdew jaqdu lil Ġeħova. (Is. 60:22; Mt. 24:14) Barra minn hekk, aħna għandna ħafna ikel spiritwali “fiż-żmien xieraq.”—Mt. 24:​45-47.

2. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti, u x’għandna niftakru?

2 Ġeħova ħa jkompli jgħinna nifhmu iktar ċar l-affarijiet importanti li se jiġru dalwaqt. (Prov. 4:18; Dan. 2:28) U aħna nistgħu nkunu ċerti li qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira ħa nifhmu dak li jkollna bżonn biex inkunu nistgħu nibqgħu leali u magħqudin. Imma hemm xi affarijiet dwar il-futur li għadna ma nafuhomx. F’dan l-artiklu se niddiskutu għala rranġajna dak li konna ngħidu fil-passat. Imbagħad se naraw xi affarijiet li nafu dwar il-futur u dwar x’se jagħmel Ġeħova.

DAK LI MA NAFUX

3. X’konna naħsbu fil-passat, u għala?

3 Qabel konna naħsbu li meta jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, dawk li ma jemmnux f’Ġeħova mhux se jkollhom iċ-ċans jitgħallmu dwaru u jsalvaw f’Armageddon. Aħna konna ngħidu hekk għax konna naħsbu li kull ħaġa li ġrat fid-Dulluvju tirrappreżenta xi ħaġa li se tiġri fil-futur. Pereżempju, wara li Ġeħova għalaq il-bieb tal-arka, ħadd ma setaʼ jidħol fiha. Allura konna naħsbu li b’mod simili, meta jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, ħadd mhu se jkun jistaʼ jidħol fil-verità u jsalva.—Mt. 24:​37-39.

4. Għala m’għadniex naħsbu li kull ħaġa li ġrat fid-Dulluvju tirrappreżenta xi ħaġa fi żmienna?

4 Għandna naħsbu li kull ħaġa li ġrat fid-Dulluvju tirrappreżenta xi ħaġa li ħa tiġri fil-futur? Le. Għala? Għax il-Bibbja ma tgħid xejn dwar dan. a Hu veru li Ġesù qabbel “żmien Noè” ma’ żmienna, imma ma qalx li kull ħaġa li ġrat tirrappreżenta xi ħaġa, bħal meta Ġeħova għalaq il-bieb tal-arka. Imma aħna llum xorta waħda nistgħu nitgħallmu ħafna mir-rakkont taʼ Noè u d-Dulluvju.

5. (a) Noè x’għamel qabel id-Dulluvju? (Ebrej 11:7; 1 Pietru 3:20) (b) L-ippritkar tagħna llum kif jixbah lil taʼ Noè?

5 Noè wera li kellu fidi kbira f’Ġeħova, għax meta Ġeħova qallu x’se jagħmel, hu bena l-arka. (Aqra Ebrej 11:7; 1 Pietru 3:20.) Biex in-nies isalvaw illum il-ġurnata, iridu jitgħallmu l-verità u juru li għandhom il-fidi billi jagħmlu dak li jitgħallmu. (Atti 3:​17-20) Pietru qal li Noè kien “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Però, bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, ma nafux jekk hu laħaqx ipprietka lil kulħadd fid-dinja qabel ma ġie d-Dulluvju. Illum, aħna nipprovaw nippritkaw lin-nies mad-dinja kollha. Però, nipprovaw kemm nipprovaw, ma nistgħux inkellmu lil kulħadd qabel Armageddon. Għala?

6-7. Għala nistgħu ngħidu li mhux ħa jirnexxilna ngħidu l-aħbar tajba lil kulħadd qabel ma jiġi t-tmiem?

6 Aħseb fuq x’qal Ġesù dwar l-ippritkar. Hu qal li l-aħbar tajba se tiġi ppritkata “mad-dinja kollha biex tingħata xhieda lill-popli kollha.” (Mt. 24:14) Illum din il-profezija qed tiġri iktar minn qatt qabel. Il-messaġġ li ngħidu lin-nies qiegħed f’iktar minn 1,000 lingwa. U l-biċċa l-kbira min-nies fid-dinja jistgħu jsiru jafu dwar il-messaġġ tagħna minn fuq il-website jw.org.

7 Imma Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li sakemm jiġi, ma kinux ħa jilħqu ‘jduru l-bliet kollha,’ jiġifieri jippritkaw lil kull persuna fid-dinja. (Mt. 10:23; 25:​31-33) Illum, nistgħu nifhmu x’ried jgħid Ġesù. Miljuni taʼ nies qegħdin jgħixu f’postijiet fejn ma nistgħux nippritkaw. U apparti minn hekk, jitwieldu ħafna trabi kull minuta. Ovvjament, aħna nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nippritkaw lil “kull ġens u tribù u lsien.” (Riv. 14:6) Imma l-verità hi li mhux se nkellmu lil kulħadd qabel jiġi t-tmiem.

8. X’mistoqsija jaf insaqsu dwar kif Ġeħova ħa jiġġudika lin-nies fil-futur? (Ara l-istampi.)

8 Allura x’ħa jiġri minn dawk li ma jkollhomx iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba qabel ma jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira? Ġeħova u Ġesù kif ħa jiġġudikawhom? (Ġw. 5:​19, 22, 27; Atti 17:31) L-iskrittura li hu bbażat fuqha dan l-artiklu tgħid li Ġeħova “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pt. 3:9; 1 Tim. 2:4) Avolja nafu dawn l-affarijiet dwar Ġeħova, ma nafux kif ħa jiġġudika lil dawk in-nies li ma kellhomx iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba. Ovvjament, hu m’għandux għalfejn jgħidilna x’għamel fil-passat jew x’se jagħmel fil-futur.

Ġeħova kif ħa jiġġudika lil dawk li ma kellhomx iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira? (Ara paragrafu 8) c


9. Ġeħova x’qalilna permezz tal-Bibbja?

9 Ġeħova permezz tal-Bibbja qalilna xi affarijiet li ħa jagħmel fil-futur. Pereżempju, hu ħa jirxoxta lil nies “li mhumiex sewwa” u li ma kellhomx iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba u jbiddlu ħajjithom. (Atti 24:15; Lq. 23:​42, 43) Imma minħabba f’hekk jaf insaqsu xi mistoqsijiet.

10. Liema mistoqsijiet iqumu?

10 Dawk kollha li jmutu fiż-żmien taʼ tbatija kbira se jinqerdu għal dejjem mingħajr tama li jerġgħu jgħixu? Il-Bibbja tgħid li n-nies li huma kontra Ġeħova u li ħa jinqerdu minnu u mill-armata tiegħu matul Armageddon mhux se jiġu rxoxtati. (2 Tess. 1:​6-10) Imma xi ngħidu dwar nies li jmutu b’affarijiet oħra, bħall-mard jew jinqatlu min-nies oħrajn matul iż-żmien taʼ tbatija kbira? (Ekk. 9:11; Żak. 14:13) Jistaʼ jkun li dawn ħa jiġu rxoxtati man-nies “li mhumiex sewwa” fid-dinja l-ġdida? Aħna ma nafux.

DAK LI NAFU

11. Ġeħova fuq xiex ħa jiġġudika lin-nies f’Armageddon?

11 Aħna nafu xi affarijiet dwar il-futur. Pereżempju, nafu li f’Armageddon in-nies ħa jiġu ġġudikati skont kif imxew ma’ ħut Kristu, jiġifieri, il-magħżulin. (Mt. 25:40) Dawk li jkunu ssapportjaw lill-magħżulin u lil Kristu ħa jiġu ġġudikati bħala nagħaġ. Aħna nafu wkoll li ftit minn dawn il-magħżulin se jkunu għadhom fid-dinja wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira. Ftit qabel tibda Armageddon huma se jitilgħu fis-sema. Allura, sakemm ikunu għadhom fid-dinja, hemm iċ-ċans għal xi nies biex jissapportjaw il-magħżulin. (Mt. 25:​31, 32; Riv. 12:17) Dan għala hu importanti?

12-13. X’jistgħu jagħmlu xi nies wara li jaraw lil “Babilonja l-Kbira” tinqered? (Ara l-istampi.)

12 Wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, jaf ikun hemm xi nies li meta jaraw lil “Babilonja l-Kbira” tinqered, jiftakru li x-Xhieda taʼ Ġeħova għal ħafna snin qalu li se jiġri hekk. Jistaʼ jkun li ftit minnhom jibdew jafdaw f’Ġeħova?—Riv. 17:5; Eżek. 33:33.

13 Jekk jiġri hekk, ħa jkun simili għal żmien Mosè. Ftakar, f’dak iż-żmien “ħafna barranin” ħarġu mill-Eġittu mal-Iżraelin. (Eżo. 12:38) Xi ftit minnhom jaf bdew jafdaw f’Ġeħova meta raw l-Għaxar Kastigi. Bl-istess mod, aħna m’għandniex nirrabjaw jekk wara li tinqered Babilonja l-Kbira, jiġu xi nies magħna u b’hekk huma wkoll ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem. Aħna rridu nimitaw lil Ġeħova, li hu ‘Alla ħanin u qalbu tajba, ma jirrabjax malajr, juri ħafna mħabba u lealtà, u dejjem iżomm kelmtu.’ bEżo. 34:6.

Wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, jaf ikun hemm xi nies li meta jaraw lil “Babilonja l-Kbira” tinqered, jiftakru li x-Xhieda taʼ Ġeħova għal ħafna snin qalu li se jiġri hekk (Ara paragrafi 12-13) d


14-15. Li xi ħadd jgħix għal dejjem jiddependi fuq meta jmut jew fejn jgħix? Spjega. (Salm 33:​4, 5)

14 Xi kultant jaf nisimgħu xi aħwa jitkellmu dwar xi wħud tal-familja li mhumiex fil-verità u jgħidu, “Aħjar kieku jmutu qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, għax hekk ikollhom iċ-ċans jiġu rxoxtati.” Dawn l-aħwa żgur jgħidu hekk għax jixtiqulhom il-ġid. Imma li dawn in-nies jgħixux għal dejjem fil-futur ma jiddependix fuq meta jmutu. Ġeħova hu Mħallef perfett. Dak li jiddeċiedi dejjem ikun tajjeb u ġust. (Aqra Salm 33:​4, 5.) Allura, aħna nistgħu nkunu żguri li “l-Imħallef tal-art kollha” dejjem ħa jagħmel dak li hu tajjeb.—Ġen. 18:25.

15 Nistgħu ngħidu wkoll li jekk persuna tgħixx għal dejjem jew le ma jiddependix minn fejn toqgħod. Ġeħova żgur li mhux se jiġġudika lin-nies li qatt ma kellhom iċ-ċans li jitgħallmu l-aħbar tajba bħala “mogħoż” u jeqridhom għal dejjem. (Mt. 25:46) L-Imħallef ġust tal-art kollha jħobbhom ħafna lil dawn in-nies iżjed milli nistgħu nħobbuhom aħna. Aħna ma nafux kif Ġeħova ħa jmexxi l-affarijiet matul iż-żmien taʼ tbatija kbira. Jistaʼ jkun li xi ftit minn dawn in-nies ikollhom iċ-ċans li jibdew jafdaw fih meta kulħadd isir jaf min hu Ġeħova.—Eżek. 38:16.

Jistaʼ jkun li wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, . . . xi nies jibdew jafdaw f’Ġeħova?

16. Aħna x’tgħallimna dwar Ġeħova? (Ara l-istampa.)

16 Mill-Bibbja aħna tgħallimna kemm Ġeħova jħobb lin-nies. Hu ta l-ħajja taʼ Ibnu Ġesù biex aħna jkollna ċ-ċans li ngħixu għal dejjem. (Ġw. 3:16) Kollha kemm aħna nafu li hu jħobbna ħafna. (Is. 49:15) Hu jafna b’isimna. Tant jafna sew, li jekk immutu, jistaʼ jerġaʼ jirxoxtana għax jiftakar id-dettalji u l-memorji kollha tagħna! (Mt. 10:​29-31) Allura, aħna ċerti li hu ħa jiġġudika b’mod perfett lil kull persuna għax hu għaref, ġust, u mimli ħniena.—Ġak. 2:13.

Aħna ċerti li Ġeħova se jiġġudika b’mod perfett lil kull persuna għax hu għaref, ġust, u mimli ħniena (Ara paragrafu 16)


17. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

17 Issa li fhimna aħjar dawn l-affarijiet nistgħu naraw kemm hu iżjed importanti x-xogħol tal-ippritkar. Għala? U kif nistgħu nibqgħu nagħmlu l-aħjar tagħna meta nkunu qed nippritkaw? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.

GĦANJA 76 Kif tħossok int dwar dan?

a Biex issir taf għala saret din il-bidla, ara l-artiklu “Hekk għoġbok tagħmel” f’​It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 2015, pp. 3-8.

b Wara li tiġi meqruda Babilonja l-Kbira, in-nies taʼ Ġeħova kollha ħa jiġu ttestjati fl-attakk minn Gog taʼ Magog. Dawk kollha li jibdew jaqdu lil Ġeħova dak iż-żmien ħa jiġu ttestjati wkoll.

c X’JURUNA L-ISTAMPI: Tliet stampi li juru għala xi nies mhumiex jisimgħu l-aħbar tajba: (1) Mara tgħix f’post li minħabba r-reliġjon tal-pajjiż hu perikoluż biex l-aħwa jippritkaw, (2) koppja jgħixu f’pajjiż fejn hu kontra l-liġi li l-aħwa jippritkaw minħabba s-sistema politika, u (3) raġel jgħix f’post imwarrab ħafna fejn hu diffiċli biex imorru l-aħwa.

d X’TURINA L-ISTAMPA: Mara li m’għadhiex fil-verità tiftakar x’kienet tgħallmet meta kienet żgħira dwar il-qerda taʼ “Babilonja l-Kbira.” Hi tiddeċiedi li terġaʼ lura għand Ġeħova u tmur lura għand ommha u missierha li huma Xhieda. Jekk dan jiġri, aħna rridu nimitaw lil Ġeħova, li hu mimli ħniena, u nifirħu ma’ dak li ġie lura.