Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 25

GĦANJA 7 Ġeħova, is-saħħa tagħna

Tinsiex li Ġeħova “Hu l-Alla l-Ħaj”

Tinsiex li Ġeħova “Hu l-Alla l-Ħaj”

“Ġeħova hu ħaj!”SALM 18:46.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Il-fatt li niftakru li Ġeħova hu “l-Alla l-ħaj” se jgħinna ħafna f’ħajjitna.

1. X’jgħinna nibqgħu leali lejn Ġeħova minkejja l-problemi?

 IL-BIBBJA tgħid li ż-żminijiet li qed ngħixu fihom huma diffiċli ħafna. (2 Tim. 3:1) Kulħadd jgħaddi mill-problemi, anki x-Xhieda taʼ Ġeħova. Imma aħna jkollna problemi oħra, bħall-persekuzzjoni minħabba li nemmnu f’Ġeħova. Allura x’jgħinna nibqgħu leali? Ħaġa waħda hi li rajna lil Ġeħova jgħinna. Allura nafu li “hu l-Alla l-ħaj.”—Ġer. 10:10; 2 Tim. 1:12.

2. X’nafu dwar Ġeħova li se jgħinna nissaportu?

2 Ġeħova jara l-problemi kollha tagħna u dejjem jixtieq jgħinna. (2 Kron. 16:9; Salm 23:4) Jekk niftakru li Ġeħova dejjem irid jieħu ħsiebna u jgħinna, se jirnexxilna nissaportu. Ejja naraw kif dan ġara fil-każ tar-Re David.

3. David x’ried ifisser meta qal “Ġeħova hu ħaj”?

3 David kien jafu lil Ġeħova u straħ fuqu. Pereżempju, meta Sawl u oħrajn ipprovaw joqtluh, David talab lil Ġeħova għall-għajnuna. (Salm 18:6) Wara li Ġeħova wieġeb it-talb tiegħu, David qal: “Ġeħova hu ħaj!” (Salm 18:46) Hu kien qed ifisser li Ġeħova mhuwiex biss Alla li jeżisti imma hu Alla ħaj. Referenza turi li David kien qed jgħid li Ġeħova hu l-Alla l-veru, u li hu dejjem lest li jgħin lill-qaddejja tiegħu. Minn dak li ġralu f’ħajtu, David kien ċert li l-Alla tiegħu hu l-Alla l-ħaj. U dan inkuraġġixxa lil David biex ikompli jaqdih bil-ferħ.—Salm 18:​28, 29, 49.

4. Kif se jgħinna jekk niftakru li Ġeħova hu ħaj?

4 Jekk inkunu konvinti li Ġeħova hu l-Alla l-ħaj se nkunu rridu nagħtuh l-aħjar tagħna. Meta ngħaddu mill-problemi, se nkunu nistgħu nissaportu u nkomplu naqdu lil Ġeħova. Se nkunu determinati wkoll li nibqgħu naqduh għal dejjem.

L-ALLA L-ĦAJ SE JGĦINNA NISSAPORTU

5. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti meta ngħaddu mill-problemi? (Filippin 4:13)

5 Aħna nistgħu nibqgħu nissaportu jekk niftakru li Ġeħova dejjem se jgħinna. Ġeħova hu l-Alla li Jistaʼ Kollox. Allura jistaʼ jgħinna kemm jekk ngħaddu minn problemi żgħar u anki minn problemi kbar. Hu jistaʼ jtina s-saħħa biex nissaportu għax m’hemmx problema li hi kbira wisq għalih. (Aqra Filippin 4:13.) B’hekk, nistgħu nkunu ċerti li ngħaddu minn xiex ngħaddu se jirnexxilna nissaportu. Għalhekk, meta naraw li Ġeħova jgħinna fi problemi żgħar inkunu ċerti li se jgħinna meta ngħaddu minn problemi ikbar.

6. X’għen lil David jafda iżjed f’Ġeħova?

6 Dak li għadda minnu David meta kien żgħir għenu biex jafda iżjed f’Ġeħova. Darbtejn kellu jsalva n-nagħaġ taʼ missieru, darba minn ors u darba minn iljun. Hu wera l-kuraġġ, imma kien jaf li rnexxielu jsalvahom bis-saħħa taʼ Ġeħova u mhux b’tiegħu. (1 Sam. 17:​34-37) Żgur li David qatt ma nesa minn xiex għadda. Imma meta kien jaħseb sew minn xiex għadda, hu kien isir iktar ċert li fil-futur Ġeħova se jtih is-saħħa biex jissaporti problemi oħra.

7. David fuqiex iffoka, u dan kif għenu biex jiġġieled kontra Gulija?

7 Meta David kellu inqas minn għoxrin sena, hu mar jara lil ħutu li kienu suldati fl-armata. Is-suldati kienu qed jibżgħu ħafna minn Filisti jismu Gulija, għax kien qed ‘jisfida lis-suldati t’Iżrael.’ (1 Sam. 17:​10, 11) Huma kienu qed jibżgħu għax bdew jiffokaw fuq kemm kien kbir Gulija u x’kien qed jgħidilhom. (1 Sam. 17:​24, 25) Imma David kien qed jaħseb u jiffoka fuq xi ħaġa oħra. Hu kien jaf li Gulija ma kienx qed jisfida lill-Iżraelin biss imma anki lill-“Alla l-ħaj.” (1 Sam. 17:26) Mela, l-iktar ħaġa importanti għal David kienet Ġeħova. Hu kien ċert li bħalma Ġeħova għenu meta kien għadu ragħaj kien se jerġaʼ jgħinu dakinhar. Allura, hu ġġieled kontra Gulija għax straħ kompletament fuq Ġeħova, u rebaħ!—1 Sam. 17:​45-51.

8. Meta ngħaddu mill-problemi, kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna? (Ara l-istampa.)

8 Bħal David, jekk niftakru li Ġeħova se jgħinna, aħna wkoll nistgħu nissaportu l-provi. (Salm 118:6) Biex inkunu iżjed ċerti li Ġeħova se jgħinna, nistgħu naraw x’għamel fil-passat. Pereżempju, aqra rakkonti mill-Bibbja taʼ kif Ġeħova salva u għen lill-qaddejja tiegħu. (Is. 37:​17, 33-37) Ara rapporti fuq jw.org taʼ kif Ġeħova qed jgħin lill-aħwa llum. U ftakar ukoll fi żminijiet meta Ġeħova għen lilek personalment. Forsi taħseb li m’għenekx b’xi mod tal-għaġeb bħalma għen lil David, imma Ġeħova jgħinna kuljum. Pereżempju, hu stidinna biex inkunu l-ħbieb tiegħu. (Ġw. 6:44) Inti għadek fil-verità grazzi għall-għajnuna tiegħu. Allura, itolbu biex jgħinek tiftakar fi drabi meta wieġeb it-talb tiegħek, għenek eżatt fil-ħin, u ħa ħsiebek meta kont għaddej minn żmien diffiċli. Meta taħseb sew fuq kif għenek, int se tkun iżjed ċert li Ġeħova se jkompli jgħinek.

B’dak li nagħmlu nistgħu nferrħu lil Ġeħova jew inweġġgħuh (Ara paragrafi 8-9)


9. Xi rridu niftakru meta jkollna l-problemi? (Proverbji 27:11)

9 Meta jkollna l-problemi rridu niffokaw fuq l-iktar ħaġa importanti. Satana jrid li meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli aħna nitilqu lil Ġeħova. Allura b’dak li nagħmlu nistgħu nferrħu lil Ġeħova jew inweġġgħuh. (Ġob 1:​10, 11; aqra Proverbji 27:11.) Meta nibqgħu leali, inkunu qed nuru lil Ġeħova kemm inħobbuh u nuru li Satana hu giddieb. Forsi bħalissa għaddej minn problemi bħal persekuzzjoni, problemi taʼ flus, in-nies fit-territorju ma jinteressahomx mill-aħbar tajba, jew xi problemi oħrajn. Jekk għaddej minn xi waħda minn dawn l-affarijiet, ħudha bħala opportunità biex tferraħ lil Ġeħova. Ftakar, hu dejjem se jgħinek u jtik is-saħħa biex tkun tistaʼ tissaporti.—1 Kor. 10:13.

L-ALLA L-ĦAJ SE JIPPREMJAK

10. L-Alla l-ħaj kif ħa jippremja lil dawk li jaqduh?

10 Ġeħova dejjem jippremja lil dawk li jaqduh. (Ebr. 11:6) Hu jtina l-paċi u l-ferħ issa, u fil-futur se jtina ħajja taʼ dejjem. Aħna nemmnu li Ġeħova jixtieq jippremjana u għandu s-saħħa biex jagħmel dan. Għalhekk, nibqgħu nagħmlu l-aħjar tagħna biex naqdu lil Ġeħova, eżatt bħalma kienu jagħmlu l-qaddejja tiegħu fil-passat. Eżempju tajjeb taʼ dan huwa Timotju, li għex fi żmien il-Kristjani tal-bidu.—Ebr. 6:​10-12.

11. Timotju għala ħadem iebes fil-kongregazzjoni? (1 Timotju 4:10)

11 Aqra l​-1 Timotju 4:10. Timotju kien ċert li Ġeħova żgur se jippremjah. Allura, hu ħadem iebes għal Ġeħova u għal oħrajn ukoll. X’għamel? Pawlu inkuraġġieh biex isir għalliem aħjar, kemm meta jipprietka u kemm fil-kongregazzjoni. Barra minn hekk, Pawlu qallu wkoll biex ikun t’eżempju tajjeb kemm għaż-żgħażagħ u anki għall-kbar. Hu kellu xi xogħol diffiċli wkoll. Pereżempju, xi drabi kellu jagħti pariri bi mħabba imma sodi mill-Bibbja. (1 Tim. 4:​11-16; 2 Tim. 4:​1-5) Xi kultant, xi aħwa ma kinux japprezzaw ix-xogħol li kien jagħmel għal Ġeħova. Però Timotju kien ċert li Ġeħova xorta waħda kien se jippremjah.—Rum. 2:​6, 7.

12. L-anzjani għala jaħdmu iebes fil-kongregazzjoni? (Ara l-istampa.)

12 L-anzjani llum jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova jara x-xogħol li jagħmlu u japprezzah. Apparti li jieħdu ħsieb l-aħwa, jagħmlu t-taħditiet, u jmorru s-service, ħafna anzjani jgħinu fi proġetti taʼ kostruzzjoni u meta jkun hemm xi diżastru. Xi anzjani oħra jaqdu fil-Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet (HLC) jew fil-Gruppi li Jżuru lill-Pazjenti. Dawn l-anzjani jafu li l-kongregazzjoni hi taʼ Ġeħova. Għalhekk, huma jaħdmu iebes u jafu li Ġeħova se jippremjahom.—Kol. 3:​23, 24.

L-Alla l-ħaj se jippremjak meta taħdem iebes fil-kongregazzjoni (Ara paragrafi 12-13)


13. Ġeħova kif iħossu dwar dak li nagħmlu għalih?

13 Mhux kulħadd jistaʼ jkun anzjan, imma kollha kemm aħna nistgħu nagħtu xi ħaġa lil Ġeħova. Hu japprezza meta ntuh l-aħjar tagħna. Pereżempju, Ġeħova jara d-donazzjonijiet li nagħtu, anki jekk ma nistgħux nagħtu ħafna. Hu jieħu pjaċir meta ngħollu jdejna biex nikkummentaw, avolja nkunu nistħu. U nagħmluh ferħan meta naħfru lil xi ħadd li jkun weġġagħna. Jekk ma tistax tagħmel daqs kemm tixtieq għal Ġeħova, kun ċert li hu xorta japprezza ħafna dak li tagħmel u jħobbok.—Lq. 21:​1-4.

IBQAʼ ĦABIB TAL-ALLA L-ĦAJ

14. Li nkunu ħbieb taʼ Ġeħova kif se jgħinna nibqgħu leali? (Ara l-istampa.)

14 Jekk inkunu ħbieb taʼ Ġeħova se jkun iżjed faċli biex nibqgħu leali. Dan nistgħu narawh mill-eżempju taʼ Ġużeppi. Meta ttantatu l-mara taʼ Potifar, hu ma ċediex għax ma riedx iweġġaʼ lil Ġeħova. Dan setaʼ jagħmlu biss għax kien il-ħabib tiegħu. (Ġen. 39:9) Allura, xi rridu nagħmlu biex ikollna ħbiberija tajba ma’ Ġeħova? Irridu nsibu l-ħin biex nistudjaw il-Bibbja u nitolbu. B’hekk, il-ħbiberija tagħna miegħu se tikber u ma nkunu rridu nagħmlu xejn biex inweġġgħuh.—Ġak. 4:8.

Li ssir iktar ħabib taʼ Ġeħova, ħa jgħinek biex tibqaʼ leali (Ara paragrafi 14-15)


15. X’nistgħu nitgħallmu mill-Iżraelin? (Ebrej 3:12)

15 Jekk ninsew li Ġeħova hu l-Alla l-ħaj u nieqfu nafdawh, se jkun faċli biex ma nibqgħux leali lejh. Meta kienu fid-deżert l-Iżraelin hekk ġralhom. Huma kienu jafu li Ġeħova jeżisti, imma bdew jiddubitaw jekk kienx se jieħu ħsiebhom. Huma qalu: “Ġeħova qiegħed magħna jew le?” (Eżo. 17:​2, 7) Peress li ma bdewx jafdawh spiċċaw ħaduha kontrih. Aħna żgur li ma rridux nagħmlu bħalhom.—Aqra Ebrej 3:12.

16. X’jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex inżommu l-fidi b’saħħitha?

16 In-nies illum jagħmluhielna diffiċli biex nibqgħu leali lejn Ġeħova. Ħafna jgħidu li Alla ma jeżistix. Forsi nibdew naħsbu li min mhux qed jobdi lil Ġeħova xorta qed jgħix ħajja tajba u sabiħa. Allura, il-fidi tagħna tistaʼ ma tibqax b’saħħitha. U forsi nibdew naħsbu li Ġeħova mhux se jgħinna avolja nemmnu li jeżisti. Xi ħadd li ħassu hekk kien il-kittieb taʼ Salm 73. Hu beda jara li n-nies li ma kinux qed jobdu l-Liġi taʼ Ġeħova xorta kienu qed igawdu l-ħajja. Allura, beda jiddubita jekk għandux jibqaʼ jaqdi lil Alla.—Salm 73:​11-13.

17. X’se jgħinna nibqgħu naqdu lil Ġeħova?

17 X’għen lis-salmista biex ma jibqax jaħseb b’dak il-mod? Hu ħaseb sew x’kien ħa jiġri lil dawk li ma kinux jobdu lil Ġeħova. (Salm 73:​18, 19, 27) Barra minn hekk, ħaseb dwar kemm kien se jkollu affarijiet tajbin jekk jibqaʼ leali lejn Ġeħova. (Salm 73:24) Aħna wkoll irridu naħsbu dwar kemm dejjem ħa ħsiebna Ġeħova u nimmaġinaw kemm kienet tkun differenti ħajjitna li kieku ma sibniex il-verità. Meta nżommu dawn l-affarijiet f’moħħna u naraw kemm hu tajjeb li nibqgħu naqdu lil Ġeħova, se nkunu nistgħu nibqgħu leali. Imbagħad se nkunu nistgħu ngħidu l-kliem tas-salmista: “Ngħid għalija, li nersaq qrib tiegħek hu taʼ benefiċċju.”—Salm 73:28.

18. Għala m’għandniex nibżgħu mill-futur?

18 Peress li aħna ‘nitjassru għal Alla ħaj u veru’ nistgħu nissaportu l-problemi kollha li jkollna. (1 Tess. 1:9) Ġeħova jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna u jrid jgħinna, eżatt bħalma għamel mal-qaddejja leali tiegħu fil-passat. Dalwaqt ġej l-iktar żmien diffiċli li qatt għaddejna minnu. Però aħna mhux se nkunu waħedna. Ġeħova se jkun magħna. (Is. 41:10) Imbagħad ħa nkunu nistgħu ngħidu: “Ġeħova hu dak li jgħinni; m’iniex se nibżaʼ.”—Ebr. 13:​5, 6.

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama