Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 26

GĦANJA 8 Ġeħova hu l-kenn tagħna

Ġeħova Hu l-Blata Tiegħek

Ġeħova Hu l-Blata Tiegħek

“M’hemm ebda blata bħall-Alla tagħna.”1 SAM. 2:2.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se nitgħallmu għala Ġeħova hu mqabbel maʼ blata u kif nistgħu nimitawh.

1. F’​Salm 18:​46, David maʼ xiex qabblu lil Ġeħova?

 IL-ĦAJJA llum saret diffiċli għax id-dinja hi mimlija problemi. Però fl-artiklu taʼ qabel dan aħna tgħallimna li Ġeħova hu l-Alla l-ħaj u napprezzaw ħafna li hu dejjem lest biex jgħinna. Meta naraw kif jgħinna, aħna niftakru f’dak li qal David, li “Ġeħova hu ħaj.” (Aqra Salm 18:46.) Imma wara, David qabbel lil Ġeħova maʼ blata, xi ħaġa li m’għandhiex ħajja. Għala?

2. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?

2 F’dan l-artiklu ħa naraw għala Ġeħova hu mqabbel maʼ blata u dan x’jgħallimna dwaru. Se naraw ukoll kif aħna nistgħu nafdawh iżjed. U fl-aħħar, se niddiskutu kif nistgħu nimitaw il-kwalitajiet li għandu.

ĠEĦOVA GĦALA HU MQABBEL MAʼ BLATA?

3. Il-Bibbja għala tuża l-kelma “blata”? (Ara l-istampa.)

3 Biex nifhmu l-kwalitajiet li għandu Ġeħova, ħafna drabi l-Bibbja tqabblu maʼ blata. Fil-passat kien hemm ħafna qaddejja taʼ Ġeħova li użaw din il-kelma biex ifaħħruh. L-ewwel darba li Ġeħova kien imqabbel maʼ blata kien f’​Dewteronomju 32:4. Ħanna qalet li “m’hemm ebda blata bħall-Alla tagħna.” (1 Sam. 2:2) Ħabakkuk ukoll qal li Ġeħova hu blata. (Ħab. 1:12) U l-kittieb taʼ Salm 73 qal li Ġeħova “hu l-blata li nistaʼ niddependi minnu b’qalbi kollha.” (Salm 73:26) Fl-aħħar, Ġeħova stess qal li hu l-blata. (Is. 44:8) Issa se naraw tliet kwalitajiet li jagħmlu lil Ġeħova bħal blata u kif aħna nistgħu nafdaw iktar fih.—Dt. 32:31.

Dawk li jaqdu lil Ġeħova jarawh bħala blata b’saħħitha (Ara paragrafu 3)


4. Ġeħova kif jipproteġina? (Salm 94:22)

4 Ġeħova jipproteġina. Immaġina li tkun qiegħed barra u tinqabad f’maltempata kbira. Però fil-bogħod tara għar u tidħol tistkenn fih. Ġeħova qisu dak l-għar kbir li jipproteġik meta tgħaddi minn żmien diffiċli. (Aqra Salm 94:22.) Hu jgħinna biex nibqgħu leali lejh u jwegħedna li ebda diffikultà li jkollna mhi se tibqaʼ għal dejjem. Hu jwegħedna wkoll li fil-futur l-affarijiet li jagħmlulna l-istress u t-tbatija ħa jispiċċaw għal dejjem.—Eżek. 34:​25, 26.

5. Xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jipproteġina?

5 Mod wieħed kif Ġeħova jipproteġina hu meta nitolbu. Meta nagħmlu hekk, Ġeħova jtina “l-paċi t’Alla” li tipproteġilna qalbna u l-ħsibijiet tagħna. (Flp. 4:​6, 7) Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Artem, ħu li kien fil-ħabs minħabba li hu Xhud taʼ Ġeħova. Waqt li kienu jinterrogawh kienu jittrattawh ħażin u jipprovaw ibeżżgħuh. Minħabba f’hekk, kull darba li Artem kien jiġi interrogat kien jaqbdu stress kbir. Imma hu dejjem kien jitlob lil Ġeħova għall-għajnuna. Hu kien jitlob biex jibqaʼ kalm u jkun jaf kif għandu jwieġeb. Artem jgħid: “Ġeħova għenni ħafna u minkejja l-persekuzzjoni jien bqajt kalm. Hu kien qisu ħajt taʼ protezzjoni għalija.”

6. Għala nistgħu dejjem nafdaw lil Ġeħova? (Isaija 26:​3, 4)

6 Ġeħova hu leali u qatt mhu se jitlaqna. Lil Ġeħova nistgħu nqabbluh maʼ muntanja li qatt mhu se tiċċaqlaq. Aħna nistgħu nafdawh għax hu “l-Blata taʼ dejjem.” (Aqra Isaija 26:​3, 4.) Hu dejjem ħa jżomm il-wegħdi tiegħu, jismaʼ t-talb tagħna, u jkun dejjem lest biex jissapportjana. Ġeħova hu Alla leali maʼ dawk li jaqduh u qatt mhu ħa jinsa dak li nagħmlu għalih. Hu żgur se jipproteġina.—2 Sam. 22:26; Ebr. 6:10; 11:6.

7. X’se jiġri meta nafdaw f’Ġeħova? (Ara l-istampa.)

7 Meta nafdaw lil Ġeħova, aħna nkunu qed nagħmluh il-Blata tagħna. Aħna ċerti li meta nobdu, ħa mmorru tajjeb avolja jistaʼ jkun ngħaddu minn żmien diffiċli. (Is. 48:​17, 18) Kull meta naraw kif Ġeħova għenna, nafdawh iżjed u nsiru ċerti li hu biss jistaʼ jgħinna. Aħna naraw kemm Ġeħova hu Alla leali meta nkunu f’sitwazzjoni li ħadd ma jistaʼ jgħinna ħlief hu. Aħseb dwar l-esperjenza taʼ Vladimir. Hu kien fil-ħabs, però qal: “L-iżjed żmien meta kelli ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova kien meta kont il-ħabs. Jien tgħallimt nafdah iktar għax kont inkun waħdi u hu biss setaʼ jgħinni.”

Ġeħova jsir Blata għalina meta nafdawh kompletament (Ara paragrafu 7)


8. (a) Ġeħova f’liema sens ma jinbidilx? (b) Aħna kif immorru tajjeb peress li Ġeħova hu l-Blata tagħna? (Salm 62:​6, 7)

8 Ġeħova ma jinbidilx. Bħalma diġà rajna, Ġeħova hu bħal muntanja u allura m’hemmx ċans li jiċċaqlaq u jinbidel. L-iskop u l-karattru tiegħu ma jinbidlu qatt. (Mal. 3:6) Dan nistgħu narawh minn dak li għamel meta Adam u Eva rribellaw kontrih. Fil-fatt Pawlu kiteb li hu “ma jistax jiċħad lilu nnifsu.” (2 Tim. 2:13) Dan juri li jiġri x’jiġri, hu qatt mhu se jbiddel il-karattru, l-iskop jew il-livelli tiegħu. Allura meta jkollna l-problemi, dejjem nistgħu nfittxu l-għajnuna tiegħu u nkunu ċerti li hu se jżomm il-wegħdi tiegħu.—Aqra Salm 62:​6, 7.

9. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Tatyana?

9 Meta naħsbu dwar l-iskop li Ġeħova għandu għalina u l-kwalitajiet tiegħu, inkunu nistgħu narawh bħala blata. Allura meta jkollna l-problemi, inkunu nistgħu nibqgħu kalmi. (Salm 16:8) Tatyana, li għamlet żmien arrestata d-dar minħabba li hi Xhud taʼ Ġeħova, tgħid: “Kont inħossni vera mdejqa peress li kont dejjem waħdi. Kienet sitwazzjoni vera diffiċli.” Imma meta bdiet taħseb dwar Ġeħova u l-iskop tiegħu, bdiet tara għala hu importanti li tibqaʼ leali. Dan għenha biex tibqaʼ kalma. Hi tkompli tgħid: “Li fhimt għala kont qed inbati għenni niftakar li dak li kont qed nagħmel kien għal Ġeħova.”

10. Ġeħova kif jistaʼ jsir il-Blata tiegħek?

10 Dalwaqt se ngħaddu minn żmien diffiċli ħafna u se jkollna bżonn nafdaw f’Ġeħova. Allura hu importanti li minn issa nsaħħu l-fidi tagħna fih u nkunu konvinti li se jgħinna. Kif jistaʼ jkollna din il-fidi b’saħħitha? Aqra rakkonti mill-Bibbja u esperjenzi tal-aħwa, u aħseb sew dwar kif Ġeħova għenhom. Jekk tagħmel hekk, meta jasal dak iż-żmien, se tkun konvint li Ġeħova hu l-blata tiegħek.

IMITA L-KWALITAJIET TAʼ ĠEĦOVA

11. Għala hemm bżonn nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova? (Ara l-kaxxa “ Mira li Jistgħu Jagħmlu ż-Żgħażagħ.”)

11 S’issa tgħallimna dwar xi kwalitajiet li jagħmlu lil Ġeħova bħal blata għalina. Imma aħna kif nistgħu nimitawh? Jekk nagħmlu l-aħjar tagħna biex nimitawh, ħa nkunu nistgħu ngħinu lill-aħwa. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Pietru. Ġesù tah l-isem Kefa (Pietru), li jfisser “Biċċa Blata.” (Ġw. 1:42) Dan l-isem juri li hu kellu jinkuraġġixxi lill-aħwa u jgħinhom jibnu fidi b’saħħitha. Fil-Bibbja, l-anzjani wkoll huma mqabblin maʼ “dell taʼ blata kbira.” Dan juri li l-anzjani jistgħu jkunu taʼ protezzjoni għall-aħwa. (Is. 32:2) Imma ovvjament, kollha kemm aħna nistgħu ninkuraġġixxu lill-aħwa jekk nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova.—Efes. 5:1.

12. Kif nistgħu ngħinu lill-aħwa meta jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli?

12 Ipproteġi lill-aħwa. Minħabba li l-affarijiet koroh fid-dinja, bħad-diżastri u l-gwerer, dejjem qed jiżdiedu, jistaʼ jkun li l-aħwa jkollhom jaħarbu mid-dar tagħhom jew jitilfuha. Din tkun opportunità tajba kif aħna nistgħu nkunu post taʼ protezzjoni għalihom, billi jekk ikun hemm bżonn forsi nżommuhom magħna d-dar. Barra minn hekk, peress li qed ngħixu fl-aħħar jiem se jkollna iżjed opportunitajiet biex nuruhom kemm inħobbuhom u ninkuraġġuhom. (2 Tim. 3:1) Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan huwa billi tgħin lill-aħwa jħossuhom komdi meta jattendu l-laqgħat. Dan nistgħu nagħmluh billi nitkellmu magħhom. Meta nagħmlu hekk il-kongregazzjoni se ssir post taʼ protezzjoni għalihom. Id-dinja llum qed issir iktar u iktar diffiċli. Allura ħutna jaf iħossuhom stressati jew li ħadd ma jħobbhom. Mela importanti li aħna nħobbuhom u ninkuraġġuhom meta jiġu l-laqgħat.

13. L-anzjani kif jistgħu jgħinu lill-aħwa li għaddejjin minn żminijiet diffiċli? (Ara l-istampa.)

13 L-anzjani jgħinu lill-aħwa meta jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli. Pereżempju, meta jkun hemm xi diżastru naturali jew emerġenza medika, huma malajr jorganizzaw biex jgħinu lill-aħwa. Huma jgħinu lill-aħwa wkoll billi jinkuraġġuhom mill-Bibbja. Jekk l-anzjani juru lill-aħwa li huma jipprovaw jifhmuhom, jisimgħuhom u jkunu qalbhom tajba, l-aħwa se jkunu iżjed komdi biex jitkellmu magħhom. U meta jkollhom dawn il-kwalitajiet, juru lill-aħwa li jħobbuhom u għalhekk se jkun iżjed faċli biex l-aħwa japplikaw il-pariri li jtuhom mill-Bibbja.—1 Tess. 2:​7, 8, 11.

L-anzjani jgħinu lill-aħwa li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli (Ara paragrafu 13) a


14. Kif tistaʼ turi li inti taʼ min jafdak?

14 Kun taʼ min jafdak. Aħna rridu li oħrajn ikunu ċerti li meta jkollhom bżonn, se ngħinuhom, speċjalment fi żminijiet diffiċli. (Prov. 17:17) Allura x’tistaʼ tagħmel minn issa? Ipprova imita lil Ġeħova kemm tistaʼ billi żżomm il-wegħdi tiegħek, u meta tiftiehem iżżomm il-ħin. (Mt. 5:37) Tistaʼ tgħin ukoll lill-aħwa li taf li jkollhom bżonn. U fil-kongregazzjoni, tistaʼ tieħu ħsieb ir-responsabbiltajiet li jkollok billi tobdi d-direzzjoni.

15. Il-kongregazzjoni kif se tmur sew meta l-anzjani jkunu taʼ min jafdahom?

15 Il-kongregazzjoni kif se tmur sew meta l-anzjani jkunu taʼ min jafdahom? L-aħwa se jħossuhom inqas stressjati meta jkunu jafu li jistgħu jċemplu lill-anzjani kull meta jkollhom bżonn. Huma se jħossu li l-anzjani jħobbuhom u meta l-anzjani jagħtu pariri mill-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet tagħna, l-aħwa se jkunu jistgħu jafdawhom. Barra minn hekk, meta l-anzjani jżommu kelmithom u ma jitkellmux fuq affarijiet kunfidenzjali, l-aħwa wkoll se jkunu jistgħu jafdawhom iktar.

16. Meta nobdu lil Ġeħova kif se jgħin lilna u lil oħrajn?

16 Dejjem obdi lil Ġeħova. Aħna se nkunu taʼ eżempju tajjeb jekk dejjem nobdu lil Ġeħova u nieħdu deċiżjonijiet mill-Bibbja. Iktar ma jkollna fidi b’saħħitha u nitgħallmu dwar Ġeħova, iktar ħa nkunu leali lejh u nżommu mal-livelli tiegħu. Mhux se niġu mħajrin nemmnu jew naċċettaw tagħlim falz. (Efes. 4:14; Ġak. 1:​6-8) Il-fidi tagħna f’Ġeħova u fil-wegħdi tiegħu ħa tgħinna nibqgħu kalmi meta nirċievu xi aħbar kerha. (Salm 112:​7, 8) Barra minn hekk, se nkunu nistgħu ngħinu lil dawk li jkollhom il-problemi.—1 Tess. 3:​2, 3.

17. X’se jgħin lill-anzjani jkunu t’eżempju tajjeb għall-aħwa?

17 Anzjan għandu jkun moderat fi drawwietu, b’moħħu f’loku, jimxi bl-ordni, u raġonevoli. Dawn l-anzjani jgħinu lil oħrajn biex jibqgħu kalmi u jżommu fidi soda f’Ġeħova. (Titu 1:9; 1 Tim. 3:​1-3) Bl-eżempju tagħhom u meta jinkuraġġixxu lill-aħwa, huma jgħinuhom jattendu l-laqgħat, jagħmlu l-istudju personali, u joħorġu fuq is-service. U meta l-aħwa jkunu stressjati minħabba xi problemi, l-anzjani jfakkruhom biex ifittxu lil Ġeħova għall-għajnuna u jiftakru fil-wegħdi tiegħu.

18. Aħna għala rridu nfaħħru lil Ġeħova u nibqgħu l-ħbieb tiegħu? (Ara l-kaxxa “ Mod Kif Insiru Ħbieb taʼ Ġeħova.”)

18 Wara li rajna xi kwalitajiet li għandu Ġeħova, żgur li nħossuna bħal David. Hu qal: “Jalla jiġi mfaħħar Ġeħova, il-Blata tiegħi.” (Salm 144:1) Aħna dejjem se nsibu lil Ġeħova lest biex jgħinna. Anki meta nikbru fl-età, aħna nistgħu nkunu ċerti li hu dejjem se jgħinna biex nibqgħu leali u nkunu nistgħu ngħidu: “Hu l-Blata tiegħi.”Salm 92:​14, 15.

GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek

a X’TURINA L-ISTAMPA: Oħt tħossha komda titkellem mal-anzjani fis-Sala tas-Saltna.