Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 24

GĦANJA 24 Ejjew lejn il-muntanja taʼ Ġeħova

Ibqaʼ fit-Tinda taʼ Ġeħova għal Dejjem!

Ibqaʼ fit-Tinda taʼ Ġeħova għal Dejjem!

“Ġeħova, min jistaʼ jkun mistieden fit-tinda tiegħek?”SALM 15:1.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se naraw xi rridu nagħmlu biex nibqgħu ħbieb taʼ Ġeħova u kif għandna nittrattaw lill-aħwa.

1. Salm 15:​1-5 kif jistaʼ jgħinna?

 FL-ARTIKLU taʼ qabel dan rajna li biex inkunu mistednin fit-tinda taʼ Ġeħova rridu nkunu dedikati lejh u jkollna ħbiberija b’saħħitha miegħu. Xi rridu nagħmlu biex ikollna din it-tip taʼ ħbiberija maʼ Ġeħova? Salm 15 jagħtina r-risposta.—Aqra Salm 15:​1-5.

2. David fuq xiex setaʼ ħaseb meta tkellem dwar it-tinda taʼ Ġeħova?

2 L-ewwel vers taʼ Salm 15 jgħid: “Ġeħova, min jistaʼ jkun mistieden fit-tinda tiegħek? Min jistaʼ jgħix fuq il-muntanja qaddisa tiegħek?” (Salm 15:1) Meta David kiteb dan il-vers setaʼ kien qed jaħseb dwar żewġ affarijiet, “it-tinda” taʼ Ġeħova u “l-muntanja qaddisa.” David setaʼ qal hekk għax f’Gibegħon għal xi żmien kien hemm tinda li kien fiha t-tabernaklu. “Il-muntanja qaddisa” setgħet kienet il-muntanja Sijon li kienet ftit ’il bogħod minn Gibegħon. Fuqha David għamel tinda biex iżommu l-arka tal-patt sakemm jibnu t-tempju.—2 Sam. 6:17.

3. Għala jkun tajjeb li nifhmu Salm 15? (Ara l-istampa.)

3 Fi żmien l-Iżraelin, ftit kienu dawk li setgħu jaħdmu fit-tabernaklu. Imma llum kull min ikollu ħbiberija tajba maʼ Ġeħova jistaʼ jkun mistieden fit-tinda tiegħu. Żgur li kollha kemm aħna nixtiequ li jkollna dan il-privileġġ. Salm 15 isemmi xi kwalitajiet li hemm bżonn ikollna biex nibqgħu ħbieb taʼ Ġeħova.

L-Iżraelin li għexu fi żmien David setgħu jimmaġinaw xi jfisser li tkun mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova (Ara paragrafu 3)


KUN BLA ĦTIJA U AGĦMEL DAK LI HU TAJJEB

4. Kif nafu li hemm bżonn nagħmlu iktar milli nitgħammdu? (Isaija 48:1)

4 Salm 15:2 juri li biex xi ħadd ikun ħabib t’Alla jrid ikun “bla ħtija, u jagħmel dak li hu tajjeb.” Din hi xi ħaġa li dejjem irridu nibqgħu naħdmu fuqha. Imma peress li aħna imperfetti, kif nistgħu ‘nkunu bla ħtija’? Jekk aħna nagħmlu l-aħjar tagħna biex nobduh, għal Ġeħova ħa nkunu qisna “bla ħtija.” Allura mhuwiex biżżejjed li niddedikaw lilna nfusna u nitgħammdu. Pereżempju, fi żmien l-Iżraelin ma kienx biżżejjed li xi ħadd jitwieled f’dak il-poplu biex ikun mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li kien hemm xi wħud minnhom li bdew jitolbu lil Alla “mhux bil-verità u mhux bis-sewwa.” (Aqra Isaija 48:1.) Xi ħadd li vera ried jaqdi lil Ġeħova kellu jitgħallem x’inhuma l-livelli taʼ Ġeħova u jobdihom. U l-istess illum, mhuwiex biżżejjed li nitgħammdu u jkollna t-titlu taʼ Xhud taʼ Ġeħova. Aħna rridu nibqgħu ‘nagħmlu dak li hu tajjeb.’ Kif?

5. Xi jfisser li nobdu lil Ġeħova f’kollox?

5 Għal Ġeħova li tkun “bla ħtija” jfisser iktar milli sempliċiment tmur il-laqgħat. (1 Sam. 15:22) Ifisser li tgħix ħajtek b’mod li tipprova tobdi lil Ġeħova, anke meta ma jkun hemm ħadd qiegħed jarak. (Prov. 3:6; Ekk. 12:​13, 14) Hemm bżonn tobdih ukoll anke f’affarijiet li għalik ma jidhrux importanti. Jekk nagħmlu dan kollu, aħna nkunu qed nuru li vera nħobbu lil Ġeħova u hu se jħobbna wkoll.—Ġw. 14:23; 1 Ġw. 5:3.

6. Skont Ebrej 6:​10-12, liema ħaġa importanti rridu nibqgħu nagħmlu?

6 Ġeħova jkun ferħan ħafna meta jiftakar f’dak li għamilna għalih fil-passat. Imma Ebrej 6:​10-12 (Aqra.) juri li biex nibqgħu mistednin fit-tinda taʼ Ġeħova rridu nibqgħu naħdmu. Ġeħova jixtieq li aħna nibqgħu nagħtuh l-aħjar tagħna sat-tmiem. “Jekk ma negħjewx” hu jwegħedna li se jibqaʼ ħabib tagħna għal dejjem.—Gal. 6:9.

GĦID IL-VERITÀ F’QALBEK

7. Xi jfisser li ngħidu l-verità f’qalbna?

7 Jekk xi ħadd jixtieq jidħol fit-tinda taʼ Ġeħova, hemm bżonn li “jgħid il-verità f’qalbu.” (Salm 15:2) Dan ma jfissirx li ma jigdibx, imma li f’kull ħaġa li jgħid u jagħmel ikun onest. (Ebr. 13:18) Din hi xi ħaġa vera importanti għal Ġeħova għax il-Bibbja tgħid li hu “jobgħod lil min hu qarrieq, imma Hu ħabib kbir taʼ min hu ġust.”—Prov. 3:32.

8. Xi rridu nevitaw li nagħmlu?

8 Dawk li ‘jgħidu l-verità f’qalbhom’ jobdu lil Ġeħova kemm meta jkunu man-nies u mal-aħwa, u anke meta jkunu waħedhom. (Is. 29:13) Xi ħadd li ma jagħmilx hekk jistaʼ jibda jaħseb li l-liġijiet taʼ Ġeħova mhumiex dejjem tajbin. (Ġak. 1:​5-8) Hu jistaʼ jibda ma jobdix lil Ġeħova f’affarijiet li għalih ma jkunux importanti. Imbagħad, jekk jidher li ma jkunx hemm konsegwenzi għall-ħażin li jkun qed jagħmel, bil-mod il-mod jistaʼ jibda jagħmel affarijiet iktar gravi. Imma avolja jkun qed jaħseb li qed jaqdi lil Ġeħova, fil-verità, Ġeħova ma jkunx qed jaċċetta dak li qed jagħmel għalih. (Ekk. 8:11) Allura, aħna dejjem għandna nkunu onesti.

9. X’nitgħallmu minn meta Ġesù ltaqaʼ maʼ Natanjel? (Ara l-istampa.)

9 Importanti ħafna li dejjem ngħidu l-verità f’qalbna. Nistgħu naraw dan mill-eżempju taʼ Natanjel. Meta Ġesù ltaqaʼ maʼ Natanjel l-ewwel darba, hu qal: ‘Ara, Iżraeli li m’hemm ebda qerq fih.’ (Ġw. 1:47) Ġesù kien jaf li d-dixxipli l-oħra kienu onesti. Imma hu ra xi ħaġa speċjali f’Natanjel għax avolja kien imperfett bħalna, kien onest f’kollox. Ġesù nnota dan u faħħru. Kemm tkun xi ħaġa sabiħa li kieku Ġesù jħossu l-istess dwarna!

Meta Ġesù ltaqaʼ maʼ Natanjel, il-ħabib taʼ Filippu, hu qal li ma kien hemm ebda qerq fih. Ġesù jistaʼ jgħid l-istess dwarna? (Ara paragrafu 9)


10. Għala rridu noqogħdu attenti x’ngħidu? (Ġakbu 1:26)

10 Ħafna mill-affarijiet li hemm imniżżlin f’​Salm 15 għandhom x’jaqsmu mal-mod kif aħna nittrattaw lil ħaddieħor. Salm 15:3 jgħid li xi ħadd li hu mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova “ma jimmalafamax, ma jagħmilx ħsara lil ħaddieħor, u ma jaqlax qlajjaʼ fuq sħabu.” Jekk aħna nitkellmu b’mod ħażin kontra ħaddieħor nistgħu nweġġgħuh u ma nibqgħux mistidnin fit-tinda taʼ Ġeħova.—Aqra Ġakbu 1:26.

11. X’inhi malafama, u x’jiġrilu xi ħadd li jagħmel hekk u ma jiddispjaċihx?

11 David semma l-kelma malafama. X’inhi malafama? Dan hu meta xi ħadd jigdeb biex jagħmel ħsara jew iweġġaʼ lil xi ħadd apposta. Jekk xi ħadd jagħmel dan u ma jiddispjaċihx, ma jistax jibqaʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova.—Ġer. 17:10.

12-13. Meta nistgħu naqilgħu qlajjiet fuq sħabna mingħajr ma rridu? (Ara l-istampa.)

12 Salm 15:3 jgħid ukoll li xi ħadd mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova ma jagħmilx ħsara lil ħaddieħor u ma jaqlax qlajjaʼ fuq sħabu. X’jiġifieri?

13 Mingħajr ma rridu nistgħu naqilgħu xi qlajjaʼ fuq xi ħadd. Pereżempju: (1) oħt ma tibqax pijuniera, (2) koppja ma jibqgħux jaqdu f’Betel, jew (3) ħu ma jibqax jaqdi bħala anzjan jew qaddej ministerjali. Ma jkunx tajjeb li ngħidu lill-aħwa li naħsbu li waqfu għax għamlu xi ħaġa ħażina, għax jistaʼ jkun hemm raġunijiet oħra li aħna ma nafux bihom. Irridu niftakru li xi ħadd mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova “ma jagħmilx ħsara lil ħaddieħor, u ma jaqlax qlajjaʼ fuq sħabu.”

Jekk ma noqogħdux attenti nistgħu nibdew ngħidu affarijiet ħżiena fuq ħaddieħor, u dan jistaʼ jwassal għal malafama (Ara paragrafi 12-13)


ONORA LIL DAWK LI JIRRISPETTAW ĦAFNA LIL ĠEĦOVA

14. Xi jfisser li ma tagħmilhiex “maʼ min hu kattiv”?

14 Salm 15:4 jgħid li xi ħadd li hu mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova “ma jagħmilhiex maʼ min hu kattiv.” Kif inkunu nafu jekk xi ħadd hux kattiv? Peress li aħna nies imperfetti, xi kultant nagħmlu ħbieb maʼ dawk li jogħġobna l-karattru tagħhom, imma nwarrbu lil dawk li jdejquna. Però aħna rridu nimitaw lil Ġeħova u nwarrbu biss lil dawk in-nies li hu jarahom “kattivi.” (1 Kor. 5:11) Dawn in-nies huma dawk li jagħmlu l-ħażin apposta mingħajr ma jiddispjaċihom, dawk li ma jirrispettawx dak li nemmnu aħna, u dawk li jippruvaw ikissru l-ispiritwalità tagħna.—Prov. 13:20.

15. Kif nistgħu nonoraw lil “dawk li jirrispettaw ħafna lil Ġeħova”?

15 Salm 15:4 juri li aħna rridu nonoraw lil “dawk li jirrispettaw ħafna lil Ġeħova” billi nfittxu modi kif nistgħu nuru qalb tajba u rispett lejn l-aħwa. (Rum. 12:10) Salm 15:4 jurina mod wieħed, billi ‘nżommu kelmitna anki meta ma jkunx jaqblilna.’ Jekk aħna niksru xi wegħda li nkunu għamilna, ħa nweġġgħu lil oħrajn. (Mt. 5:37) Ġeħova jistenna min-nies tiegħu li jżommu l-wegħda tagħhom taż-żwieġ, u jibqgħu jħobbu u jirrispettaw lil min iżżewġu għal dejjem. Barra minn hekk, jistenna li l-ġenituri jekk iwiegħdu xi ħaġa lit-tfal tagħhom, jagħmlu l-aħjar tagħhom biex iżommu dik il-wegħda. Jekk inħobbu lil Ġeħova u lil oħrajn, se nipprovaw nagħmlu l-aħjar tagħna biex inżommu l-wegħdi.

16. X’inhu mod ieħor kif nistgħu nonoraw lill-ħbieb taʼ Ġeħova?

16 Mod ieħor kif nistgħu nonoraw lill-ħbieb taʼ Ġeħova huwa billi nkunu ġenerużi u ospitabbli. (Rum. 12:13) Jekk inqattgħu l-ħin mal-aħwa, ħa jgħinna biex insiru iktar ħbieb tagħhom u iżjed ħbieb taʼ Ġeħova. Barra minn hekk, jekk nuru l-ospitalità ħa nkunu qegħdin nimitaw lil Ġeħova.

TĦOBBX IL-FLUS

17. Salm 15 għala jsemmi l-flus?

17 Fl-istess salm, David qal li xi ħadd li hu mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova “ma jsellifx flus bl-imgħax u ma jaċċettax tixħim kontra l-innoċenti.” (Salm 15:5) David għala semma l-flus? Għax jekk xi ħadd jibda jħobb il-flus jistaʼ jispiċċa jweġġaʼ lil Ġeħova u lin-nies. (1 Tim. 6:10) Fi żmien il-Bibbja kien hemm xi Iżraelin li kienu jġiegħlu lil ħuthom li kienu fqar iħallsuhom lura iktar milli sellfuhom. F’każijiet oħrajn, l-imħallfin ġieli kienu jaċċettaw it-tixħim u ma jkunux ġusti meta jiġġudikaw. Dawn huma affarijiet li Ġeħova jobgħodhom.—Eżek. 22:12.

18. Xi rridu nsaqsu biex naraw kif inħossuna dwar il-flus? (Ebrej 13:5)

18 Minn żmien għal ieħor ikun tajjeb li naħsbu kif inħossuna dwar il-flus. Biex tagħmel dan, staqsi dawn il-ħames mistoqsijiet: ‘Jien naħseb taʼ spiss dwar il-flus u x’nistaʼ nixtri? Jekk nissellef xi ħaġa tal-flus, inħoss li m’għandix nagħtihom lura malajr, għax forsi naħseb li min sellifhomli m’għandux bżonnhom? Meta jkolli l-flus inħossni aħjar minn ħaddieħor u ma nkunx ġeneruż? Xi kultant naħseb li dawk l-aħwa li għandhom il-flus huma materjalistiċi? Nagħmel ħbieb biss maʼ dawk li għandhom il-flus?’ Peress li aħna mistednin taʼ Ġeħova importanti li nistaqsu dawn l-affarijiet lilna nfusna. Aħna ħa nibqgħu l-mistednin taʼ Ġeħova jekk ma nibdewx inħobbu l-flus. Imbagħad, jekk nagħmlu hekk Ġeħova qatt mhu se jitlaqna!—Aqra Ebrej 13:5.

ĠEĦOVA JĦOBB LILL-ĦBIEB TIEGĦU

19. Ġeħova għala jixtieqna nobduh?

19 Fl-aħħar taʼ Salm 15 insibu din il-wegħda: “Bniedem bħal dan qatt mhu se jitfixkel.” (Salm 15:5) David kiteb dan is-salm biex jispjega li Ġeħova jridna nobduh biex inkunu ferħanin. Meta nagħmlu dak li jgħidilna se jkollna ħajja tajba u l-protezzjoni tiegħu.—Is. 48:17.

20. Il-mistednin taʼ Ġeħova lejn xiex iħarsu ’l quddiem?

20 Il-mistednin taʼ Ġeħova jħarsu ’l quddiem għal futur sabiħ. Il-midlukin għandhom post preparat minn Ġesù biex jgħixu miegħu fis-sema. (Ġw. 14:2) U dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art iħarsu ’l quddiem għall-wegħda li hemm f’​Rivelazzjoni 21:3. Kemm għandna għaliex inkunu ferħanin li Ġeħova stidinna biex inkunu fit-tinda tiegħu għal dejjem!

GĦANJA 39 Nagħmlu isem tajjeb m’Alla