Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jitħejjew il-ġnus għat-“tagħlim ta’ Ġeħova”

Jitħejjew il-ġnus għat-“tagħlim ta’ Ġeħova”

“Il-prokonslu emmen, għax baqaʼ mgħaġġeb bit-tagħlim taʼ Ġeħova.”—ATTI 13:12.

1-3. Għala ma kienx faċli għad-dixxipli taʼ Ġesù biex jippritkaw l-aħbar tajba “lill-ġnus kollha”?

ĠESÙ KRISTU ta lis-segwaċi tiegħu ħafna xogħol x’jagħmlu. Hu kkmandahom biex ‘jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha.’ Kellhom jippritkaw “l-aħbar tajba tas-saltna” lin-nies “fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha.”—Mattew 24:14; 28:19.

2 Id-dixxipli kienu jħobbu lil Ġesù u l-aħbar tajba. Imma abbli ħasbu, ‘Kif nistgħu nagħmlu dak li kkmandana Ġesù?’ L-ewwel nett, kienu verament ftit fl-għadd. Ukoll, kienu qed jgħallmu lin-nies li Ġesù hu l-Iben t’Alla, imma n-nies kienu jafu li Ġesù kien ġie maqtul. Iktar minn hekk, bosta wħud ħasbu li d-dixxipli kienu nies “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Il-mexxejja reliġjużi Lhud kienu studjaw fi skejjel reliġjużi, imma d-dixxipli le. U l-messaġġ li ppritkaw ma kienx jaqbel mat-tradizzjonijiet Lhud li l-mexxejja reliġjużi kienu għallmu għal mijiet taʼ snin. Ladarba d-dixxipli ma ntwerewx rispett f’pajjiżhom stess, jiġifieri f’Iżrael, għandhom mnejn ħasbu li wisq inqas kienu se jsibu nies li jagħtuhom widen fil-bqija tal-Imperu Ruman qawwi.

3 Ġesù kien wissa lid-dixxipli tiegħu li kienu se jkunu mibgħudin u persegwitati u li xi wħud minnhom kienu se jiġu maqtulin. (Luqa 21:16, 17) Il-ħbieb u l-familji tagħhom kienu se jittraduhom. Minbarra dan, xi nies li kienu se jgħidu li huma dixxipli taʼ Kristu kienu se jgħallmu l-gideb. U d-dixxipli kellhom jippritkaw fi nħawi mimlijin kriminalità u vjolenza. (Mattew 24:10-12) Allura kif setgħu jippritkaw “sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art”? (Atti 1:8) Id-dixxipli żgur li ħasbu dwar kif kien se jirnexxilhom jagħmlu dan ix-xogħol minkejja dawn id-diffikultajiet kollha.

4. X’kien ir-riżultat tal-ippritkar?

4 Għalkemm id-dixxipli kienu jafu li x-xogħol ma kienx se jkun faċli, huma xorta obdew il-kmand taʼ Ġesù u ppritkaw f’Ġerusalemm, fis-Samarija, u anke f’pajjiżi oħra. Wara xi 30 sena, tant kienu marru postijiet li l-appostlu Pawlu setaʼ jgħid li kienu ppritkaw “fil-ħolqien kollu.” U nies minn ħafna ġnus differenti kienu saru dixxipli. (Kolossin 1:6, 23) Pereżempju, meta Pawlu pprietka fuq il-gżira taʼ Ċipru, anke l-ħakkiem Ruman, jew il-prokonslu, sar dixxiplu għax “baqaʼ mgħaġġeb bit-tagħlim taʼ Ġeħova.”—Aqra Atti 13:6-12.

Ġesù kien wiegħed li se jkun mad-dixxipli tiegħu u li l-ispirtu qaddis kien se jgħinhom jippritkaw

5. (a) Ġesù x’wiegħed lid-dixxipli tiegħu? (b) Ktieb tal-istorja x’jgħid dwar l-ewwel seklu?

5 Id-dixxipli kienu jafu li ma setgħux jippritkaw mal-art kollha bis-saħħa tagħhom biss. Imma kienu jafu wkoll li Ġesù kien wiegħed li se jkun magħhom u li l-ispirtu qaddis kien se jgħinhom. (Mattew 28:20) Ukoll, ċirkustanzi oħra f’dak iż-żmien setgħu għenu lid-dixxipli. Infatti, ktieb tal-istorja jispjega li l-ewwel seklu probabbli kien l-aħjar żmien biex il-Kristjani jibdew jippritkaw. Jispjega wkoll li l-Kristjani iktar tard ħassew li Alla kien ħejja t-triq għalihom.

6. (a) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

6 Biddel Ġeħova l-ġrajjiet fid-dinja fl-ewwel seklu ħalli l-Kristjani jkunu jistgħu jippritkaw? Il-Bibbja ma tgħidilniex. Imma nafu li Ġeħova ried li n-nies tiegħu jippritkaw l-aħbar tajba u li Satana ma kellux ħila jwaqqafhom. F’dan l-artiklu, se niddiskutu ftit affarijiet li kien hemm fl-ewwel seklu li setgħu għamluha eħfef għad-dixxipli biex jippritkaw. Fl-artiklu li jmiss, se niddiskutu xi affarijiet li għenuna fiż-żminijiet reċenti biex nippritkaw l-aħbar tajba madwar id-dinja.

IL-PAĊI RUMANA

7. X’kienet il-Paċi Rumana, u x’għamilha tispikka?

7 Fl-ewwel seklu, perijodu taʼ paċi fl-Imperu Ruman għamilha eħfef biex id-dixxipli jippritkaw. Dan il-perijodu kien jissejjaħ il-Paċi Rumana, jew il-Pax Romana bil-Latin. Matul dak iż-żmien, il-gvern Ruman waqqaf kwalunkwe rvell, żgħir kemm kien żgħir. Huwa minnu li kien hemm xi gwerer, sewwasew bħalma kien ipprofetizza Ġesù. (Mattew 24:6) Ir-Rumani qerdu lil Ġerusalemm fis-sena 70 WK (wara Kristu), u ġġieldu battalji żgħar ħdejn il-fruntieri tal-imperu. Imma fil-biċċa l-kbira tal-imperu kien hemm il-paċi, u d-dixxipli faċilment setgħu jivvjaġġaw u jippritkaw. Dan il-perijodu taʼ paċi dam għal xi 200 sena. Ktieb taʼ referenza jgħid li tul l-istorja umana qatt ma kien hemm perijodu tant twil taʼ paċi li effettwa lil tant nies.

8. Il-Paċi Rumana kif għenet lid-dixxipli?

8 Xi 250 sena wara Kristu, studjuż jismu Oriġene kiteb dwar dan iż-żmien taʼ paċi. Qal li peress li ħafna pajjiżi kienu maħkumin mir-Rumani, kien eħfef għad-dixxipli biex jippritkaw f’dawn il-pajjiżi kollha. In-nies ma kinux qed jiġġieldu biex jiddefendu pajjiżhom, imma kienu qed jgħixu fil-paċi fl-irħula tagħhom. Għaldaqstant, Oriġene ħass li għal din ir-raġuni ħafna nies setgħu jagħtu widen lid-dixxipli meta dawn ippritkaw dwar l-imħabba u l-paċi. Għalkemm id-dixxipli kienu persegwitati, huma użaw dak iż-żmien taʼ paċi bl-aħjar mod possibbli u ppritkaw l-aħbar tajba kullimkien.—Aqra Rumani 12:18-21.

L-IVVJAĠĠAR SAR IKTAR FAĊLI

9, 10. X’kienu xi affarijiet li għamlu l-ivvjaġġar iktar faċli għad-dixxipli?

9 Ir-Rumani għamlu iktar minn 80,000 kilometru taʼ toroq li għaqqdu kważi kull parti tal-imperu. Is-suldati fl-armata Rumana setgħana setgħu jivvjaġġaw malajr fi kwalunkwe post permezz taʼ dawn it-toroq biex jiddefendu t-territorju tagħhom u jwaqqfu kwalunkwe rvell. Dawn it-toroq kienu jgħaddu minn foresti, deżerti, u muntanji, u l-Kristjani użawhom biex ikunu jistgħu jippritkaw f’ħafna postijiet.

It-toroq li għamlu r-Rumani għamluha iktar faċli biex id-dixxipli jkunu jistgħu jippritkaw f’ħafna postijiet

10 Minbarra t-toroq, ir-Rumani vvjaġġaw ukoll permezz tad-dgħajjes. Kienu jsalpaw tul ix-xmajjar u l-kanali jew ibaħħru lejn mijiet taʼ portijiet madwar l-imperu kollu. Infatti, ir-Rumani użaw iktar minn 900 rotta tal-baħar. B’hekk, il-Kristjani wkoll setgħu jivvjaġġaw bid-dgħajsa lejn ħafna postijiet. Ma kellhomx bżonn dokumenti legali, bħal pereżempju passaporti, biex jidħlu f’pajjiżi differenti. Ukoll, ftit li xejn kien hemm ħallelin fit-toroq għax kienu jafu li r-Rumani kienu jikkastigaw bl-aħrax lill-kriminali. U peress li kien hemm ħafna vapuri tal-armata Rumana fir-rotot tal-baħar, dawk li kienu jivvjaġġaw ma kinux jibżgħu li qatt jistgħu jiġu attakkati mill-pirati. Għalkemm il-Bibbja tgħid li Pawlu vvjaġġa b’vapuri li mbagħad ġarrbu nawfraġju u li kien f’periklu fil-baħar drabi oħra, ma tgħidx li ġie attakkat minn pirati. Għalhekk, l-ivvjaġġar permezz tat-toroq u bid-dgħajsa ġeneralment kien mezz sigur taʼ vvjaġġar.—2 Korintin 11:25, 26.

IL-LINGWA GRIEGA

Kien ħafna iktar faċli biex issib Skrittura ġo ktieb (Ara paragrafu 12)

11. Id-dixxipli għala użaw il-lingwa Griega?

11 Ħafna postijiet li kienu maħkumin mir-Rumani kienu ntrebħu ħafna snin qabel mill-ħakkiem Grieg Alessandru l-Kbir. Għalhekk, in-nies f’dawk il-postijiet kienu tgħallmu jitkellmu tip taʼ Grieg magħruf bħala l-Grieg Koine. Minħabba dan, id-dixxipli setgħu jippritkawlhom b’dik il-lingwa. U saħansitra setgħu jikkwotawlhom mill-Iskrittura Ebrajka għax din kienet ġiet maqluba għall-Grieg. Ħafna nies kienu jafu dwar din it-traduzzjoni, imsejħa s-Settanta, li ġiet tradotta minn Lhud li kienu jgħixu l-Eġittu. Il-kittieba tal-Bibbja wkoll użaw il-Grieg biex jiktbu l-bqija tal-Bibbja. Il-Grieg għandu vokabolarju kbir, u allura hu lingwa tajba biex jispjega l-veritajiet profondi tal-Bibbja. U l-lingwa Griega għenet lill-kongregazzjonijiet jikkomunikaw maʼ xulxin u jkunu magħqudin.

12. (a) X’inhu kodiċi, u għala kien iktar faċli biex tużah minn skroll? (b) Il-maġġuranza tal-Kristjani meta bdew jużaw il-kotba?

12 Il-Kristjani fl-ewwel seklu x’użaw biex jgħallmu l-Bibbja? Għall-ewwel użaw ir-rombli, jew l-iskrolli. Imma ma kienx faċli biex wieħed juża u jġorr l-iskrolli. Kull darba li Kristjan ried isib skrittura minn skroll, kellu joqgħod jirromblah biex jiftħu u mbagħad jerġaʼ jirromblah biex jagħlqu. Is-soltu kienu jiktbu biss fuq naħa waħda tal-iskroll. L-Evanġelju taʼ Mattew jimla skroll wieħed kollu. Imbagħad, in-nies bdew jużaw il-kodiċi, l-ewwel tip taʼ ktieb. Qarrej setaʼ jiftaħ ktieb u faċilment idawwar il-paġni biex isib skrittura. L-istorjografi jgħidu li l-Kristjani ma damux ma bdew jużaw il-kotba u li wara s-sena 100, il-maġġuranza minnhom kienu qed jużaw il-kotba.

IL-LIĠI RUMANA

13, 14. (a) Pawlu liema protezzjoni kellu peress li kien ċittadin Ruman? (b) Il-Kristjani kif ibbenefikaw mil-liġi Rumana?

13 Il-Kristjani fl-ewwel seklu bbenefikaw mil-liġi Rumana. Pereżempju, Pawlu kien ċittadin Ruman, u l-liġi spiss ipproteġietu meta vvjaġġa. Meta suldati Rumani arrestaw lil Pawlu f’Ġerusalemm u kienu se jsawtuh bil-frosta, hu qalilhom li kien ċittadin Ruman. Hu fakkar lill-kmandant li ċittadin Ruman ma setax jiġi msawwat bil-frosta mingħajr ma l-ewwel jgħaddi ġuri kif suppost. Għalhekk, “l-irġiel li kienu se jinterrogawh bit-tortura warrbu minn ħdejh minnufih; u l-kmandant militari beżaʼ malli sar jaf li [Pawlu] kien Ruman peress li kien rabtu.”—Atti 22:25-29.

Il-Kristjani użaw il-liġi Rumana biex ‘jiddefendu u jistabbilixxu legalment’ id-dritt tagħhom li jippritkaw

14 Il-fatt li Pawlu kien ċittadin Ruman effettwa l-mod kif ġie ttrattat f’Filippi. (Atti 16:35-40) U meta folla rrabjata pprovat tattakka xi Kristjani f’Efesu, uffiċjal tal-gvern ikkalma l-folla u wissa lin-nies li kienu qed jiksru l-liġi Rumana. (Atti 19:35-41) Iktar tard, meta kien Ċesarija, Pawlu insista fuq id-dritt tiegħu li jidher quddiem l-imperatur f’Ruma. Hemmhekk, iddefenda l-aħbar tajba. (Atti 25:8-12) Għalhekk, il-Kristjani użaw il-liġi Rumana biex ‘jiddefendu u jistabbilixxu legalment’ id-dritt tagħhom li jippritkaw.—Filippin 1:7.

IL-LHUD GĦEXU F’ĦAFNA PAJJIŻI

15. Ħafna Lhud fejn għexu fl-ewwel seklu?

15 Kien hemm xi ħaġ’oħra li setgħet għenet lill-Kristjani fl-ewwel seklu biex jippritkaw fl-art kollha. F’dak iż-żmien, il-Lhud kienu qed jgħixu f’ħafna pajjiżi, u mhux biss f’Iżrael. Għala? Mijiet taʼ snin qabel, il-Lhud ittieħdu fil-jasar fl-Assirja, u snin wara, Lhud oħra ttieħdu f’Babilonja. Iktar tard, meta Babilonja kienet taħt idejn il-Persjani, kien hemm bosta Lhud imferrxin fl-Imperu Persjan. (Ester 9:30) Sal-ewwel seklu, meta Ġesù kien fuq l-art, il-Lhud kienu qed jgħixu f’ħafna postijiet fl-Imperu Ruman, bħall-Eġittu u postijiet oħra fl-Afrika taʼ Fuq kif ukoll l-Asja Minuri (it-Turkija), il-Greċja, u l-Mesopotamja (l-Iraq). Fl-imperu kien hemm 60 miljun abitant, u hu maħsub li iktar minn 4 miljuni minnhom kienu Lhud, jiġifieri madwar wieħed minn kull erbatax. Għalkemm kienu mferrxin f’ħafna postijiet, il-Lhud żammew ir-reliġjon tagħhom.—Mattew 23:15.

16, 17. (a) Peress li kien hemm bosta Lhud f’tant pajjiżi, in-nies li ma kinux Lhud kif ibbenefikaw? (b) Il-Kristjani b’liema modi segwew l-eżempju tal-Lhud?

16 Peress li kien hemm bosta Lhud f’tant pajjiżi, ħafna nies li ma kinux Lhud kienu jafu dwar l-Iskrittura Ebrajka u tgħallmu dwar x’kienu jemmnu l-Lhud. Pereżempju, tgħallmu li hemm Alla veru wieħed u li dawk li jaqduh għandhom jobdu l-liġijiet tiegħu. Tgħallmu li l-Iskrittura Ebrajka kienet ġejja mingħand Alla u li fiha ħafna profeziji dwar il-Messija. (Luqa 24:44) Għalhekk, meta l-Kristjani ppritkaw l-aħbar tajba, kemm dawk Lhud u kemm dawk mhux Lhud diġà kienu jafu dwar ftit mill-affarijiet li kienu qed jippritkaw il-Kristjani. Pawlu ried isib nies li kienu se jagħtu widen għall-aħbar tajba. Spiss mar fis-sinagogi, fejn il-Lhud kienu jqimu lil Alla, u uża l-Iskrittura biex jirraġuna magħhom.—Aqra Atti 17:1, 2.

17 Il-Lhud iltaqgħu flimkien regolarment biex iqimu f’sinagogi jew xi mkien ieħor. Kienu jkantaw għanjiet, jitolbu, u jiddiskutu l-Iskrittura. Il-Kristjani segwew l-eżempju tagħhom, u llum nagħmlu l-istess ħaġa fil-kongregazzjonijiet tagħna.

ĠEĦOVA GĦENHOM JIPPRITKAW

18, 19. (a) Iċ-ċirkustanzi li kien hemm fl-ewwel seklu, x’għenu lill-Kristjani jagħmlu? (b) Wara li qrajt dan l-artiklu kif tħossok dwar Ġeħova?

18 L-ewwel seklu kien perijodu uniku fl-istorja. Fl-Imperu Ruman kien hemm il-paċi, ħafna nies setgħu jitkellmu l-istess lingwa, u l-liġi pproteġiet lin-nies. Kien eħfef biex in-nies jivvjaġġaw, u n-nies f’ħafna pajjiżi kienu jafu dwar il-Lhud u l-Iskrittura Ebrajka. Dawn l-affarijiet kollha għenu lill-Kristjani biex ikomplu jagħmlu x-xogħol li Alla kien tahom.

19 Xi 400 sena qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, il-filosfu Grieg Platun kiteb li hu diffiċli ferm biex in-nies isiru jafu lill-Ħallieq u li hu impossibbli biex jgħidu lil kulħadd fid-dinja dwaru. Imma Ġesù qal: “Dak li hu impossibbli għall-bnedmin, hu possibbli għal Alla.” (Luqa 18:27) Jidher ċar li l-ippritkar sar possibbli grazzi għall-għajnuna taʼ Ġeħova. Hu jrid li “n-nies tal-ġnus kollha” jisimgħu l-aħbar tajba u jsiru jafuh. (Mattew 28:19) L-artiklu li jmiss se jispjega kif l-aħbar tajba qed tiġi ppritkata madwar id-dinja llum.