Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

L-arkeoloġi x’sabu li juri li Ġeriko ġiet mirbuħa fi żmien qasir?

Ġożwè 6:10-15, 20 jgħid li s-suldati Iżraelin immarċjaw madwar il-belt taʼ Ġeriko darba kuljum għal sitt ijiem. Fis-sebaʼ jum, daru mal-belt sebaʼ darbiet. Imbagħad Alla waqqaʼ s-swar b’saħħithom taʼ Ġeriko, u l-Iżraelin ħadu lill-belt taħt idejhom. Sabu l-arkeoloġi xi ħaġa li turi li l-assedju taʼ Ġeriko sar fi żmien qasir, eżatt bħalma tgħid il-Bibbja?

Fi żmien il-qedem, belt kienet tkun qed tiġi assedjata meta armata ddawwar is-swar u tkun lesta biex tattakka. Jekk assedju kien idum għaddej, in-nies fil-belt kienu jieklu l-maġġorparti tal-ikel li jkunu ħażnu. Meta s-suldati fl-aħħar kien jirnexxilhom jirbħu l-belt, huma kienu jkaxkru kulma kienu jsibu, inkluż kull ikel li jitħalla. Huwa għalhekk li l-arkeoloġi ma sabux ħafna ikel jew xejn affattu fil-fdalijiet tal-bliet tal-Palestina li ġew attakkati b’dan il-mod. Imma l-fdalijiet taʼ Ġeriko kienu differenti. Ġurnal jgħid: “L-iktar ħaġa li sabu mill-fdalijiet, apparti affarijiet tal-fuħħar, kien il-qamħ.” Ikompli jgħid: “Ma kienx normali li ssib dak l-ammont kbir taʼ qamħ.”—Biblical Archaeology Review.

Il-Bibbja tgħid li l-Iżraelin ma ħadu xejn mill-ikel taʼ Ġeriko għax Ġeħova kien ikkmandahom biex ma jiħdux. (Ġożwè 6:17, 18) Tgħid ukoll li l-Iżraelin attakkaw lil Ġeriko fir-Rebbiegħa, eżatt wara l-ħsad, meta kien hemm ħafna qamħ maħżun fil-belt. (Ġożwè 3:15-17; 5:10) Allura l-fatt li kien għad hemm ħafna qamħ f’Ġeriko wara l-assedju jikkonferma li l-assedju ma damx għaddej, eżatt bħalma tgħid il-Bibbja.