Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-qarrejja

Mistoqsijiet mill-qarrejja

In-​nies t’Alla meta kienu lsiera, jew priġunieri, taʼ Babilonja l-​Kbira?

Dan beda f’xi żmien wara s-​sena 100 u spiċċa fis-​sena 1919. Dan l-​aġġustament fil-​fehma tagħna għala hu neċessarju?

L-​evidenza kollha turi li fl-​1919, il-​Kristjani midlukin ġew meħlusin minn Babilonja l-​Kbira u ngħaqdu f’kongregazzjoni nadifa. Aħseb dwar dan: Eżatt wara li bdiet issaltan is-​Saltna t’Alla fl-​1914, in-​nies t’Alla ġew ittestjati u bil-​mod il-​mod tnaddfu mill-​qima falza. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) (Malakija 3:1-​4) Imbagħad fl-​1919, Ġesù ħatar “l-​ilsir leali u għaqli” biex jagħti “l-​ikel fiż-​żmien xieraq” lin-​nies imnaddfa t’Alla. (Mattew 24:45-​47) Fl-​istess sena, in-​nies t’Alla ġew meħlusin mill-​jasar simboliku taʼ Babilonja l-​Kbira. (Rivelazzjoni 18:4) Imma n-​nies t’Alla meta saru lsiera?

Fil-​passat, spjegajna li n-​nies t’Alla kienu saru lsiera taʼ Babilonja l-​Kbira għal żmien qasir li beda mill-​1918. It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju 1992, qal li bħalma l-​Iżraelin kienu ttieħdu lsiera f’Babilonja l-​Kbira, hekk ukoll fl-​1918, il-​qaddejja taʼ Ġeħova saru lsiera taʼ Babilonja l-​Kbira. Imma iktar riċerka turi li n-​nies t’Alla saru lsiera ħafna snin qabel l-​1918.

Il-​profezija f’​Eżekjel 37:1-​14 bassret li n-​nies t’Alla kienu se jsiru lsiera u li iktar tard kellhom jiġu meħlusa. Eżekjel kellu viżjoni taʼ wied mimli għadam. Ġeħova qal: “L-​għadam hu d-​dar kollha taʼ Israel.” (Vers 11) Dan applika għall-​ġens tal-​Iżrael u iktar tard kellu japplika għall-​“Israel t’Alla,” li huma l-​midlukin. (Galatin 6:16; Atti 3:21) Fil-​viżjoni, l-​għadam ħa l-​ħajja u sar armata kbira. Dan iddeskriva l-​mod kif in-​nies t’Alla ġew meħlusin minn Babilonja l-​Kbira fl-​1919. Imma din il-​profezija kif turi li kienu lsiera għal żmien twil?

L-​ewwel, Eżekjel innota li l-​għadam tan-​nies mejta kien “niexef qoxqox.” (Eżekjel 37:2, 11) Dan kien ifisser li n-​nies kienu ilhom mejtin. It-​tieni, Eżekjel ra li l-​mejtin reġgħu ħadu l-​ħajja bil-​mod il-​mod, mhux f’daqqa. Hu semaʼ “ħoss, u kien hemm ċekċik, u l-​għadam beda jersaq, għadma maʼ l-​oħra.” Wara, ra “n-​nervituri u trabba l-​laħam.” Imbagħad, il-​ġilda ksiet il-​laħam. Iktar tard, “in-​nifs daħal fihom, u ħadu l-​ħajja.” Fl-​aħħar, wara li n-​nies reġgħu ħadu l-​ħajja, Ġeħova tahom l-​art tagħhom biex jgħixu fiha. Dan kollu kien jieħu ż-​żmien.—Eżekjel 37:7-​10, 14.

Sewwasew bħalma l-​profezija bassret, l-​Iżraelin kienu fil-​jasar għal żmien twil. Il-​jasar tagħhom beda fis-​sena 740 qabel Kristu (QK) meta l-​għaxar tribujiet tal-​Iżrael, is-​saltna tat-​Tramuntana, ġew sforzati biex iħallu l-​art tagħhom. Imbagħad, fis-​sena 607 QK, Ġerusalemm ġiet meqruda mill-​Babiloniżi, u ż-​żewġ tribujiet l-​oħra, is-​saltna taʼ Ġuda fin-​Nofsinhar, ukoll ġew sforzati biex iħallu l-​art tagħhom. Imbagħad, fis-​sena 537 QK, spiċċa l-​jasar meta ftit Lhud irritornaw biex jibnu mill-​ġdid it-​tempju u biex iqimu lil Ġeħova mill-​ġdid f’Ġerusalemm.

Allura, dawn id-​dettalji kollha juru li l-​Kristjani midlukin żgur li saru lsiera taʼ Babilonja l-​Kbira għal żmien twil, jiġifieri mhux biss mill-​1918 sal-​1919. Ġesù wkoll irrefera għal dan iż-​żmien twil meta qal li l-​Kristjani foloz, jiġifieri s-​sikrana, kien se jkollhom jikbru flimkien maʼ “wlied is-​saltna,” jiġifieri l-​qamħ. (Mattew 13:36-​43) Matul dan iż-​żmien, kien hemm biss ftit Kristjani veri. Il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk li qalu li kienu Kristjani aċċettaw tagħlim falz u saru apostati. Huwa għalhekk li nistgħu ngħidu li l-​kongregazzjoni Kristjana nżammet fil-​jasar minn Babilonja l-​Kbira. Dan il-​jasar beda f’xi żmien wara s-​sena 100 u kompla sakemm it-​tempju spiritwali t’Alla tnaddaf fiż-​żmien tal-​aħħar.—Atti 20:29, 30; 2 Tessalonikin 2:3, 6; 1 Ġwanni 2:18, 19.

Matul dawk il-​mijiet taʼ snin, il-​mexxejja tal-​knisja u l-​mexxejja politiċi riedu jżommu n-​nies taħt il-​kontroll tagħhom. Pereżempju, in-​nies ma tħallewx ikollhom Bibbja jew jaqraw il-​Bibbja b’lingwa li setgħu jifhmu. Xi wħud li qraw il-​Bibbja saħansitra ġew maħruqin maʼ zokk. U dawk li tkellmu kontra dak li l-​mexxejja tal-​knisja għallmu kienu jiġu kkastigati bl-​aħrax. Kien kważi impossibbli għal xi ħadd li jitgħallem il-​verità jew li jgħallimha lil nies oħrajn.

Mill-​viżjoni t’Eżekjel nitgħallmu wkoll li n-​nies t’Alla reġgħu ħadu l-​ħajja u ġew meħlusin mir-​reliġjon falza bil-​mod il-​mod. Allura, dan meta beda, u kif? Il-​viżjoni ssemmi li “kien hemm ċekċik.” Dan beda jiġri fl-​aħħar mijiet taʼ snin qabel iż-​żmien tal-​aħħar. Matul dawk is-​snin, kien hemm individwi leali li riedu jsibu l-​verità u riedu jaqdu ’l Alla avolja kienu mdawrin b’tagħlim falz. Huma studjaw il-​Bibbja u għamlu kulma setgħu biex jgħidu lin-​nies dak li tgħallmu. Oħrajn ħadmu iebes biex jittraduċu l-​Bibbja f’lingwi li n-​nies kienu jifhmu.

Imbagħad, madwar l-​1870, kien bħallikieku l-​laħam u l-​ġilda bdew jgħattu l-​għadam. Charles Taze Russell u sħabu ħadmu iebes biex isibu l-​verità tal-​Bibbja u biex jaqdu lil Ġeħova. Huma għenu wkoll lil oħrajn biex jifhmu l-​verità billi użaw Zion’s Watch Tower u pubblikazzjonijiet oħra. Iktar tard, il-​“Photo-​Drama of Creation” fl-​1914 u l-​ktieb The Finished Mystery fl-​1917 għenu lin-​nies taʼ Ġeħova biex isaħħu l-​fidi tagħhom. Fl-​aħħar, fl-​1919, kien bħallikieku n-​nies tiegħu ngħataw art ġdida u l-​ħajja. Minn dakinhar ’l hawn, dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art għal dejjem ingħaqdu mal-​midlukin. Ilkoll iqimu lil Ġeħova, u flimkien saru “qawwa militari kbira ferm.”—Eżekjel 37:10; Żakkarija 8:20-​23. *—Ara n-​nota taʼ taħt.

Allura, huwa ċar li n-​nies t’Alla saru lsiera taʼ Babilonja l-​Kbira wara s-​sena 100. Dan hu ż-​żmien meta ħafna nies saru apostati minħabba li aċċettaw tagħlim reliġjuż falz u rrifjutaw il-​verità. Għal ħafna snin kien diffiċli biex dak li jkun jaqdi lil Ġeħova bħalma kien diffiċli għall-​Iżraelin meta kienu priġunieri. Imma llum il-​verità qed tiġi ppritkata lil kulħadd. Kemm aħna ferħanin li qed ngħixu fiż-​żmien meta “dawk li għandhom id-​dehen [se] jiddu bħad-​dija”! Ħafna issa jistgħu ‘jnaddfu lilhom infushom,’ “jiġu rfinuti,” u jaċċettaw il-​qima vera!—Danjel 12:3, 10.

Meta Satana pprova jittanta lil Ġesù, Satana ħadu letteralment it-​tempju, jew wera t-​tempju lil Ġesù f’viżjoni?

Ma nafux fiċ-​ċert kif Satana wera t-​tempju lil Ġesù.

Mattew u Luqa, żewġ kittieba tal-​Bibbja, kitbu dwar x’ġara. Mattew qal li “x-​Xitan ħadu [lil Ġesù]” lejn Ġerusalemm u “tellgħu fuq l-​ogħla ħajt tat-​tempju.” (Mattew 4:5) Luqa qal li x-​Xitan “ħadu Ġerusalemm u tellgħu fuq l-​ogħla ħajt tat-​tempju.”—Luqa 4:9.

Fil-​passat, il-​pubblikazzjonijiet tagħna qalu li Satana mhux bilfors ħa b’mod fiżiku lil Ġesù t-​tempju meta pprova jittantah. It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Marzu 1961, qabbel dan maʼ meta Satana pprova jittanta lil Ġesù billi wrieh is-​saltniet kollha tad-​dinja minn fuq muntanja għolja. Qal li m’hemm ebda muntanja li hi għolja biżżejjed biex wieħed ikun jistaʼ jara s-​saltniet kollha tad-​dinja. It-​Torri tal-​Għassa mbagħad qal li bl-​istess mod, Satana probabbilment ma ħax b’mod fiżiku lil Ġesù fit-​tempju letterali. Madankollu, artikli li ħarġu wara fit-​Torri tal-​Għassa qalu li Ġesù setaʼ jmut li kieku qabeż minn fuq it-​tempju.

Xi wħud jgħidu li ladarba Ġesù ma kienx Levita, ma kienx jistaʼ jitħalla joqgħod fuq is-​santwarju tat-​tempju. Allura, jgħidu li Satana żgur li pprova jittanta lil Ġesù b’viżjoni. Mijiet taʼ snin qabel, Eżekjel ukoll ittieħed ġo tempju f’viżjoni.—Eżekjel 8:3, 7-​10; 11:1, 24; 37:1, 2.

Imma li kieku Ġesù ttieħed it-​tempju f’viżjoni, xi wħud forsi jaħsbu:

  • Ġesù verament kien se jħossu mħajjar biex jaqbeż minn fuq it-​tempju?

  • Id-​drabi l-​oħra li Satana pprova jittanta lil Ġesù, Satana talbu biex ibiddel b’mod letterali l-​ġebel f’ħobż u ried li Ġesù jagħmel att taʼ qima vera lilu. Allura, huwa possibbli li Satana ried ukoll li Ġesù jaqbeż minn fuq it-​tempju b’mod letterali?

Imma kieku Satana m’użax viżjoni u ħa lil Ġesù t-​tempju letterali, xi wħud forsi jaħsbu:

  • Ġesù kiser il-​Liġi billi qagħad fuq is-​santwarju tat-​tempju?

  • Ġesù kif setaʼ jasal it-​tempju f’Ġerusalemm mill-​art xagħrija?

Ejja nikkunsidraw xi informazzjoni oħra li se tgħinna nwieġbu dawn l-​aħħar żewġ mistoqsijiet.

Il-​Professur D. A. Carson kiteb li l-​kelma Griega għal “tempju” li ntużat f’​Mattew u Luqa probabbilment tirreferi għal kull parti tat-​tempju u mhux biss għas-​santwarju, parti fejn kienu jitħallew jidħlu l-​Leviti biss. Il-​kantuniera tat-​tempju li qiegħda fin-​naħa tax-​Xlokk kellha bejt ċatt li kien l-​iktar post għoli fit-​tempju. Jistaʼ jkun li Ġesù tpoġġa fuq dan il-​bejt. Id-​distanza minn hemm fuq s’isfel tal-​Wied taʼ Kidron kienet madwar 140 metru. L-​istorjografu Ġużeppi Flavju qal li din il-​parti tant kienet fl-​għoli li kieku individwu qagħad hemm u ħares ’l isfel, “kien jistordi.” Għalkemm Ġesù ma kienx Levita, setaʼ baqaʼ hemm u ħadd ma kien joġġezzjona.

Imma Ġesù kif setaʼ jasal it-​tempju f’Ġerusalemm mill-​art xagħrija? Ma nafux fiċ-​ċert. Il-​Bibbja sempliċiment tgħidilna li Ġesù ttieħed Ġerusalemm. Ma tgħidilniex kemm Ġesù kien ’il bogħod minn Ġerusalemm jew kemm dam jiġi ttantat minn Satana. Allura, hu possibbli li Ġesù mexa lejn Ġerusalemm, anki jekk dan setaʼ ħa ħin twil.

Meta Satana wera lil Ġesù “s-​saltniet kollha tad-​dinja,” probabbilment uża viżjoni, għax mhux possibbli li tara dawn is-​saltniet kollha minn xi muntanja fuq l-​art. Dan jistaʼ jkun simili għal kif nużaw apparat elettroniku biex nuru lil xi ħadd stampi taʼ partijiet oħra tad-​dinja. Għandu mnejn li Satana uża viżjoni, imma fir-​realtà ried li Ġesù jmil u jqimu. (Mattew 4:8, 9) Allura, meta Satana ħa lil Ġesù t-​tempju, huwa possibbli li letteralment ried lil Ġesù jissogra ħajtu billi jaqbeż minn fuq it-​tempju. Imma Ġesù rrifjuta. Żgur li setgħet tkun taʼ tentazzjoni ikbar minħabba li ma kinitx biss viżjoni.

Allura, huwa possibbli li Ġesù fir-​realtà mar Ġerusalemm u qagħad fuq l-​għola post fit-​tempju. Ovvjament, bħalma ntqal fil-​bidu tal-​artiklu, ma nafux fiċ-​ċert kif eżattament Satana wera t-​tempju lil Ġesù. Imma nistgħu nkunu ċerti li Satana baqaʼ jipprova jġiegħel lil Ġesù jagħmel xi ħaġa ħażina u li kull darba, Ġesù rrifjuta b’mod sod.

^ par. 2 Kemm Eżekjel 37:1-​14 u kemm Rivelazzjoni 11:7-​12 jitkellmu dwar xi ħaġa li ġrat fl-​1919. Il-​profezija f’​Eżekjel 37:1-​14 tirreferi għan-​nies kollha t’Alla li ġew lura lejn il-​qima vera fl-​1919 wara żmien twil fil-​jasar. Imma l-​profezija f’​Rivelazzjoni 11:7-​12 tirreferi għal twelid mill-​ġdid li sar fl-​1919 taʼ grupp żgħir taʼ aħwa midlukin li bdew imexxu fost in-​nies t’Alla. Dawn l-​aħwa ma tħallewx ikunu attivi għal ċertu żmien.