Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fittex is-Saltna, mhux l-affarijiet materjali

Fittex is-Saltna, mhux l-affarijiet materjali

“Fittxu kontinwament is-​saltna [t’Alla], u dawn l-​affarijiet jiżdidulkom.”—LUQA 12:31.

GĦANJIET: 4098

1. X’differenza hemm bejn dak li għandna bżonn u dak li rridu?

GĦANDNA bżonn biss ftit affarijiet biex ngħixu. Pereżempju, għandna bżonn l-​ikel, il-​ħwejjeġ, u saqaf fuq rasna. Imma l-​lista taʼ x’għandu mnejn irridu ma tispiċċa qatt. U ħafna nies ma jirrealizzawx li m’għandhomx bżonn dak kollu li jridu.

2. X’inhuma xi affarijiet li n-​nies iridu?

2 Min jgħix f’pajjiż fqir forsi jkun irid affarijiet differenti għalkollox minn dak li jgħix f’pajjiż sinjur. F’xi partijiet tad-​dinja, in-​nies ikunu jixtiequ li jkollhom mowbajl, mutur, jew xi biċċa art żgħira. F’pajjiżi oħra, in-​nies iridu ħwejjeġ li jqumu l-​flus, dar ikbar, jew karozza iktar lussuża. Imma ngħixu fejn ngħixu jew għandna kemm għandna flus, nistgħu nibdew inkunu rridu iktar u iktar affarijiet li ma jkollniex bżonn jew li ma naffordjawx.

IL-​MATERJALIŻMU JISTAʼ JEFFETTWANA

3. X’inhu l-​materjaliżmu?

3 X’inhu l-​materjaliżmu? Dan hu l-​attitudni taʼ individwu li jkun moħħu iktar fl-​affarijiet materjali milli fir-​relazzjoni li għandu m’Alla. Hu ma jkunx kuntent b’dak li jkollu biss, imma minflok dejjem ikun irid iżjed. Anki dawk li m’għandhomx ħafna flus jew dawk li ma jixtrux affarijiet għaljin jistgħu jsiru materjalisti. Għandu mnejn ma jibqgħux iżommu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjithom.—Ebrej 13:5.

4. Satana kif juża “x-​xewqa taʼ l-​għajnejn”?

4 Satana jridna nemmnu li nistgħu nieħdu pjaċir bil-​ħajja biss jekk ikollna ħafna affarijiet. Allura, juża d-​dinja tiegħu u “x-​xewqa taʼ l-​għajnejn” biex dejjem jipprova jġegħelna nkunu rridu iktar. (1 Ġwanni 2:15-​17; Ġenesi 3:6; Proverbji 27:20) B’mod kontinwu naraw u nisimgħu riklami li jipprovaw jikkonvinċuna biex nixtru prodotti ġodda. Qatt xtrajt xi ħaġa għas-​sempliċi fatt li kienet tidher attraenti għand tal-​ħanut jew għax rajtha f’xi riklam? Jekk iva, forsi iktar tard irrealizzajt li ma kellekx bżonnha verament. Meta nibqgħu nixtru affarijiet li ma jkollniex bżonn, nispiċċaw nikkomplikaw ħajjitna. Dawn l-​affarijiet jistgħu jfixkluna milli naqdu lil Ġeħova. Pereżempju, għandu mnejn ma jibqgħalniex biżżejjed ħin għall-​istudju tal-​Bibbja, biex nippreparaw għal-​laqgħat u nattenduhom, u biex noħorġu fil-​ministeru b’mod regulari. Ftakar, l-​appostlu Ġwanni wissa: “Id-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll.”

5. X’jistaʼ jiġri lil dawk li jużaw il-​maġġorparti tal-​enerġija tagħhom biex ikollhom iktar affarijiet?

5 Satana jridna nużaw l-​enerġija tagħna biex ikollna iktar flus u affarijiet minflok ma nużawha għal Ġeħova. (Mattew 6:24) Imma jekk moħħna jkun biss f’li nakkwistaw aktar affarijiet għalina nfusna, ħajjitna ma jkollhiex skop. Nistgħu nsiru frustrati jew nispiċċaw b’balla dejn. Jew agħar minn hekk, nistgħu nitilfu l-​fidi tagħna f’Ġeħova u s-​Saltna tiegħu. (1 Timotju 6:9, 10; Rivelazzjoni 3:17) Ġesù qal li “x-​xewqa għal affarijiet oħra” hi bħal xewk li jistaʼ jwaqqaf żerriegħa milli tikber u tipproduċi l-​frott.—Marku 4:14, 18, 19.

6. X’lezzjoni nitgħallmu minn Baruk?

6 Aħseb għal ftit dwar Baruk, is-​segretarju tal-​profeta Ġeremija. Meta Baruk beda ‘jfittex ħwejjeġ kbar’ għalih innifsu, Ġeħova fakkru li Ġerusalemm dalwaqt kienet se tinqered. Imma hu wiegħed lil Baruk li se jeħilsu. (Ġeremija 45:1-​5) Baruk ma kellu jistenna xejn iktar. Ġeħova żgur li ma kienx se jipproteġi l-​affarijiet materjali li kellhom in-​nies. (Ġeremija 20:5) Illum qed ngħixu qrib it-​tmiem tad-​dinja taʼ Satana. Allura, issa mhuwiex iż-​żmien li nibqgħu nixtru iktar u iktar affarijiet għalina nfusna. U m’għandniex nistennew li wara t-​tribulazzjoni l-​kbira se jibqaʼ jkollna l-​affarijiet li għandna issa, anki jekk huma prezzjużi għalina.—Proverbji 11:4; Mattew 24:21, 22; Luqa 12:15.

Issa mhuwiex iż-​żmien li nibqgħu nixtru iktar u iktar affarijiet għalina nfusna

7. X’se nikkunsidraw issa, u għala?

7 Allura, kif nistgħu nieħdu ħsieb lilna nfusna u tal-​familja tagħna u xorta nibqgħu ffokati fuq dak li hu l-​iktar importanti fil-​ħajja? Kif nistgħu nevitaw li nkunu persuni materjalistiċi? U x’jistaʼ jgħinna ma nibqgħux ninkwetaw iżżejjed dwar li nakkwistaw dak li jkollna bżonn? Waqt il-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù ta l-​aħjar parir dwar dan. (Mattew 6:19-​21) Ejja naqraw u niddiskutu Mattew 6:25-​34. Dan se jikkonvinċina li għandna nibqgħu nfittxu s-​Saltna, u mhux l-​affarijiet materjali.—Luqa 12:31.

ĠEĦOVA JIPPROVDI DAK LI GĦANDNA BŻONN

8, 9. (a) Għala m’għandniex ninkwetaw iżżejjed dwar l-​affarijiet li għandna bżonn? (b) Ġesù x’kien jaf dwar il-​bnedmin u l-​bżonnijiet tagħhom?

8 Aqra Mattew 6:25. Ġesù kien jaf li d-​dixxipli tiegħu kienu inkwetati dwar x’kienu se jieklu, jixorbu, u jilbsu, u allura fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja, hu qalilhom: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar ħajjitkom.” Ġesù ried jgħinhom jifhmu għala m’għandhomx jinkwetaw dwar dawn l-​affarijiet kollha. Hu kien jaf li jekk jinkwetaw iżżejjed, anki dwar affarijiet li verament kellhom bżonn, huma setgħu jinsew x’inhu l-​iktar importanti fil-​ħajja. Ġesù tant kien jieħu ħsieb id-​dixxipli tiegħu li wissiehom erbaʼ darbiet oħra dwar dan il-​periklu fil-​prietka tiegħu.—Mattew 6:27, 28, 31, 34.

9 Imma Ġesù għala qalilna biex ma ninkwetawx dwar x’se nieklu, jew x’se nixorbu, jew x’se nilbsu? Allura, ifisser li m’għandniex bżonn nieklu u nilbsu? Ovvjament li għandna bżonn! U jekk m’għandniex biżżejjed flus biex ikollna dawn l-​affarijiet, ikun normali li ninkwetaw. Ġesù kien jaf dan. Hu kien jaf x’kellhom bżonn in-​nies. U kien jaf li “fl-​aħħar jiem,” id-​dixxipli tiegħu kienu se jgħixu fi żminijiet diffiċli. (2 Timotju 3:1) Fil-​fatt, ħafna nies illum ma jistgħux isibu xogħol, u l-​affarijiet ikomplu jsiru aktar għaljin. F’ħafna pajjiżi, in-​nies lanqas għandhom għaxja taʼ lejla. Imma Ġesù jaf ukoll li l-​ħajja taʼ persuna hi iktar importanti mill-​ikel, u l-​ġisem iktar importanti mill-​ilbies.

Ġesù qal li l-​ħajja taʼ persuna hi iktar importanti mill-​ikel, u l-​ġisem iktar importanti mill-​ilbies

10. Meta Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu kif jitolbu, x’qal li għandu jkun l-​iktar importanti fil-​ħajja tagħhom?

10 Qabel, Ġesù kien għallem lid-​dixxipli tiegħu li meta jitolbu, għandhom jitolbu lil Missierhom fis-​sema biex jagħtihom dak li kellhom bżonn. Huma setgħu jitolbu: “Agħtina llum ħobżna għal dan il-​jum.” (Mattew 6:11) Darb’oħra, qalilhom biex jitolbu: “Agħtina ħobżna għal dan il-​jum skond il-​bżonn taʼ dan il-​jum.” (Luqa 11:3) Imma dan ma jfissirx li għandna nibqgħu naħsbu fuq kif nakkwistaw l-​affarijiet li għandna bżonn. Fil-​fatt, Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu li t-​talb biex tiġi s-​Saltna t’Alla hu iktar importanti mit-​talb għall-​affarijiet li għandhom bżonn huma stess. (Mattew 6:10; Luqa 11:2) Sabiex Ġesù jgħin lil dawn id-​dixxipli jieqfu jinkwetaw, hu mbagħad farraġhom billi fakkarhom dwar kif Ġeħova jieħu ħsieb il-​ħolqien kollu tiegħu.

11, 12. X’nitgħallmu minn kif Ġeħova jieħu ħsieb l-​għasafar tas-​sema? (Ara l-​ewwel stampa.)

11 Aqra Mattew 6:26. Aħna għandna ‘nosservaw bir-​reqqa l-​għasafar tas-​sema.’ Għalkemm l-​għasafar huma ħlejjaq żgħar, jieklu ħafna. Fil-​fatt, kieku għasfur kellu jkun kbir daqs bniedem, kieku jiekol ħafna iktar minn kemm jiekol bniedem. L-​għasafar jieklu frott, żrieragħ, insetti, u dud. Imma m’għandhomx għalfejn jiżirgħu ż-​żerriegħa u jkabbru l-​ikel tagħhom. Ġeħova jipprovdi kulma għandhom bżonn. (Salm 147:9) Naturalment, hu ma jpoġġix l-​ikel f’ħalqhom! Huma għandhom imorru u jfittxuh, imma l-​ikel jistaʼ jinstab.

12 Ġesù ma kellux dubju li jekk Missieru jieħu ħsieb lill-​għasafar, hu kien se jieħu ħsieb lin-​nies ukoll. [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) (1 Pietru 5:6, 7) Ovvjament, bħall-​għasafar, aħna ma rridux inkunu għażżenin. Għandna naħdmu biex inkabbru l-​prodotti tal-​ikel tagħna jew biex naqilgħu biżżejjed flus ħalli nixtruh. Ġeħova jbierek l-​isforzi tagħna. U meta ma jkollniex biżżejjed flus jew ikel, xorta jipprovdilna dak li għandna bżonn. Pereżempju, oħrajn jistgħu jaqsmu milli għandhom magħna. Ġeħova jipprovdi wkoll post fejn l-​għasafar jistgħu jgħixu. Hu tahom l-​abbiltà biex jibnu l-​bejtiet tagħhom, u hu għamel l-​affarijiet li l-​għasafar jużaw biex jibnuhom. Bl-​istess mod, Ġeħova jistaʼ jgħinna nsibu post xieraq fejn il-​familja tagħna tistaʼ tgħix.

13. X’jagħti prova li aħna niswew iktar mill-​għasafar tas-​sema?

13 Wara li Ġesù fakkar lid-​dixxipli tiegħu li Ġeħova jitmaʼ lill-​għasafar, hu saqsiehom: “Ma tiswewx intom iktar minnhom?” (Qabbel Luqa 12:6, 7.) Meta Ġesù qal hekk, aktarx li ħaseb dwar kif dalwaqt se jagħti ħajtu għall-​umanità kollha. Iva, Ġesù ma mietx għall-​għasafar jew għal xi annimal ieħor. Hu miet għalina biex inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem.—Mattew 20:28.

14. Persuna ansjuża x’ma tistax tagħmel?

14 Aqra Mattew 6:27. Ġesù x’ried ifisser meta qal li ma nistgħux intawlu għomorna mqar bi ftit billi nkunu ansjużi? Hu ried jgħid li l-​ħajja tagħna mhux se titwal billi ninkwetaw dwar l-​affarijiet li għandna bżonn. Fil-​fatt, jekk ikollna wisq stress, nistgħu nimirdu u saħansitra mmutu.

15, 16. (a) X’nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova jieħu ħsieb il-​ġilji tar-​rabaʼ? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Liema mistoqsijiet għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna, u għala?

15 Aqra Mattew 6:28-​30. Aħna nkunu ferħanin meta jkollna xi ħaġa sabiħa x’nilbsu, speċjalment meta noħorġu fil-​ministeru jew immorru l-​laqgħat jew assembleat tagħna. Imma hemm għalfejn inkunu “ansjużi dwar l-​ilbies”? Għal darb’oħra, Ġesù fakkar lid-​dixxipli tiegħu kif Ġeħova jieħu ħsieb il-​ħolqien Tiegħu. Ġesù uża l-​eżempju tal-​“ġilji tar-​rabaʼ.” “Il-​ġilji” jistgħu jirreferu għal fjuri bħal gladjola, ġjaċint, iris, u tulipan. L-​ebda fjura minn dawn m’għandha bżonn tħit ħwejjeġ għaliha nfisha. Imma tant huma sbieħ il-​ġilji li Ġesù qal li “lanqas saħansitra Salamun fil-​glorja kollha tiegħu ma kien imżejjen bħal wieħed minnhom”!

16 Aħseb ftit dwar x’qal Ġesù wara: “Jekk Alla jlibbes hekk lill-​ħaxix tar-​rabaʼ, . . . kemm iktar ilibbes lilkom, intom taʼ fidi żgħira?” Dażgur li jagħmel hekk! Imma d-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom bżonn iktar fidi. (Mattew 8:26; 14:31; 16:8; 17:20) Kellhom bżonn jafdaw li Ġeħova jrid jieħu ħsiebhom u li verament se jagħmel dan. Xi ngħidu għalina? Nemmnu li Ġeħova se jieħu ħsiebna?

Nemmnu li Ġeħova se jieħu ħsiebna?

17. X’jistaʼ jdgħajjef ir-​relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova?

17 Aqra Mattew 6:31, 32. Ħafna minn dawk li ma jafux lil Ġeħova jiffokaw ħajjithom fuq li jkollhom iktar flus u affarijiet. Imma li kieku għamilna l-​istess, konna ndgħajfu r-​relazzjoni li għandna maʼ Ġeħova. Aħna nafu li Ġeħova hu Missierna u li jħobbna. U aħna ċerti li jekk nagħmlu dak li jitlob minna u f’ħajjitna npoġġu s-​Saltna tiegħu l-​ewwel, hu se jagħtina kulma jkollna bżonn u ħafna iktar. Apparti minn hekk, nirrealizzaw li relazzjoni tajba maʼ Ġeħova hi li tagħmilna verament ferħanin. Fil-​fatt, dan jgħinna nkunu sodisfatti billi jkollna biss dak li għandna bżonn—“x’nieklu u biex nitgħattew.”—1 Timotju 6:6-​8.

HI S-​SALTNA T’ALLA L-​EWWEL F’ĦAJTEK?

18. Ġeħova x’jaf dwarna b’mod personali, u x’se jagħmel għalina?

18 Aqra Mattew 6:33. Jekk inpoġġu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna, imbagħad Ġeħova se jipprovdi kulma jkollna bżonn. Ġesù spjega għala nistgħu nkunu ċerti minn dik il-​wegħda. Hu qal: “Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha.” Ġeħova jaf x’għandek bżonn saħansitra qabel ma tirrealizza dan int stess. (Filippin 4:19) Hu jaf liema ħwejjeġ se jkollok bżonn dalwaqt. Hu jaf ukoll x’ikel se jkollok bżonn. U hu jaf li int u l-​familja tiegħek għandkom bżonn post fejn tgħixu. Ġeħova se jagħmel ċert li jkollok dak li verament għandek bżonn.

19. Għala m’għandniex ninkwetaw dwar x’jistaʼ jiġri fil-​futur?

19 Aqra Mattew 6:34. Għal darb’oħra Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Qatt tkunu ansjużi.” Ġeħova se jipprovdi dak li għandna bżonn kuljum. Allura, m’għandniex għalfejn ninkwetaw iżżejjed dwar x’jistaʼ jiġri fil-​futur. Jekk nagħmlu hekk, għandu mnejn nibdew nistrieħu fuqna nfusna, u b’hekk indgħajfu r-​relazzjoni tajba li għandna maʼ Ġeħova. Minflok, għandna nafdawh b’għajnejna magħluqa.—Proverbji 3:5, 6; Filippin 4:6, 7.

FITTEX IS-​SALTNA L-​EWWEL, U ĠEĦOVA JIEĦU ĦSIEBEK

Tistaʼ tissimplifika ħajtek biex tiffoka iktar fuq is-Saltna? (Ara paragrafu 20)

20. (a) X’mira tistaʼ tagħmel fis-​servizz taʼ Ġeħova? (b) X’tistaʼ tagħmel biex tissimplifika ħajtek?

20 Ikun taʼ niket jekk ma jkollniex biżżejjed enerġija biex naqdu lil Ġeħova kemm jistaʼ jkun minħabba li qed nipprovaw niksbu aktar u aktar affarijiet! Minflok, lil Ġeħova għandna ntuh l-​aħjar. Pereżempju, tistaʼ tmur tgħin kongregazzjoni li għandha bżonn iktar pubblikaturi? Tistaʼ tkun pijunier? Jew jekk diġà int pijunier, ħsibt biex tapplika għall-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna? Tistaʼ forsi tqattaʼ ftit ġranet fil-​ġimgħa tgħin f’Betel jew f’uffiċċju tat-​traduzzjoni? Jew forsi tistaʼ taqdi bħala volontier fid-​Dipartiment tal-​Ippjanar u l-​Kostruzzjoni, u b’hekk tkun qed tuża ftit mill-​ħin tiegħek biex jinbnew Swali tas-​Saltna. Aħseb dwar x’tistaʼ tagħmel biex tissimplifika ħajtek ħalli jkollok iktar ħin u enerġija għall-​attivitajiet tas-​Saltna. Il-​kaxxa “ Kif tistaʼ tissimplifika ħajtek?” tagħti xi suġġerimenti. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tiddeċiedi x’għandek bżonn. Imbagħad ibda agħmel it-​tibdil neċessarju.

21. X’se jgħinek tersaq eqreb lejn Ġeħova?

21 Ġesù għallimna biex infittxu s-​Saltna l-​ewwel. Meta nagħmlu hekk, ma nibqgħux ninkwetaw iżżejjed dwar l-​affarijiet li għandna bżonn. Aħna nersqu eqreb lejn Ġeħova għax nafdaw li se jieħu ħsiebna. Aħna nitgħallmu nikkontrollaw lilna nfusna u mhux nixtru kulma nixtiequ jew kull ħaġa li toffri d-​dinja, avolja nkunu naffordjawha. Jekk nissimplifikaw ħajjitna issa, ikun t’għajnuna biex nibqgħu leali lejn Ġeħova u biex ‘naqbdu qabda soda mal-​ħajja vera’ li hu wegħedna.—1 Timotju 6:19.

^ [1] (paragrafu 12) Kultant xi qaddejja taʼ Ġeħova ma jkollhomx biżżejjed ikel. Biex tifhem għala Ġeħova jippermetti li jiġri dan, ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja,” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Settembru 2014, paġna 22.