Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala għandna ‘nibqgħu għassa’?

Għala għandna ‘nibqgħu għassa’?

“Ma tafux f’liema jum ġej il-​Mulej tagħkom.”—MATTEW 24:42.

GĦANJIET: 136, 129

1. Spjega għala hu importanti li nagħtu kas taʼ x’ħin sar u taʼ x’qed jiġri madwarna. (Ara l-​ewwel stampa.)

IL-​KONVENZJONI kienet se tibda. Iċ-​chairman telaʼ fuq il-​platform u ta merħba lil kulħadd. Il-​mużika kienet se tibda. L-​udjenza kienet taf li wasal il-​ħin biex ipoġġu bilqiegħda. Huma riedu jisimgħu l-​mużika sabiħa, u kienu qed iħarsu ’l quddiem għat-​taħditiet li kienu se jingħataw. Imma forsi kien hemm xi wħud li ma tawx kas taċ-​chairman jew ma ndunawx li bdiet il-​mużika. Allura, ma rrealizzawx li l-​konvenzjoni kienet bdiet, u kienu għadhom qed jimxu ’l hemm u ’l hawn jew ikellmu lil ħbiebhom. Din is-​sitwazzjoni turi x’jistaʼ jiġri jekk ma nagħtux kas x’ħin sar jew x’qed jiġri madwarna. Din hi lezzjoni importanti għalina għax daqt se tibda ġrajja ħafna ikbar minn din, u aħna rridu nkunu preparati għaliha. Xi ġrajja hi din?

2. Ġesù għala qal lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu għassa’?

2 Ġesù Kristu wissa lid-​dixxipli tiegħu dwar il-​bżonn li joqogħdu attenti u jkunu preparati għall-​“konklużjoni tas-​sistema.” Hu qalilhom: “Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-​żmien stabbilit.” Imbagħad qalilhom kemm-​il darba: “Ibqgħu għassa.” (Mattew 24:3; aqra Marku 13:32-​37.) Ir-​rakkont taʼ Mattew juri wkoll li Ġesù wissa d-​dixxipli tiegħu dwar dan. Hu qalilhom: “Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux f’liema jum ġej il-​Mulej tagħkom.” U mbagħad reġaʼ wissiehom: “Uru li intom lesti wkoll, għax f’siegħa li ma tistennewhiex ġej Bin il-​bniedem.” Imbagħad reġaʼ qal: “Għalhekk, ibqgħu għassa għax la tafu l-​jum u lanqas is-​siegħa.”—Mattew 24:42-​44; 25:13.

3. Għala nagħtu kas għat-​twissija taʼ Ġesù?

3 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħtu kas għat-​twissija li Ġesù ta. Aħna nafu li qed ngħixu fi “żmien it-​tmiem” u li t-​“tribulazzjoni kbira” daqt se tibda! (Danjel 12:4; Mattew 24:21) Sewwasew bħalma bassar Ġesù, in-​nies taʼ Ġeħova qed jippritkaw l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna mad-​dinja kollha. Fl-​istess ħin, qed naraw gwerer, mard, terremoti, u ġuħ f’ħafna postijiet. Hemm konfużjoni fir-​reliġjonijiet u iktar kriminalità u vjolenza minn qatt qabel. (Mattew 24:7, 11, 12, 14; Luqa 21:11) Issa qed nistennew bil-​ħerqa għaż-​żmien meta Ġesù se jiġi u jwettaq l-​iskop taʼ Missieru.—Marku 13:26, 27.

IL-​JUM QED JOQROB!

4. (a) Għala nistgħu nemmnu li Ġesù issa jaf meta se sseħħ Armageddon? (b) Għalkemm ma nafux meta se tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

4 Meta mmorru l-​konvenzjoni, aħna nafu x’ħin tibda kull sessjoni. Madankollu, huwa impossibbli għalina li nkunu nafu b’mod eżatt meta se tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira. Meta Ġesù kien fuq l-​art qal: “Imma dak il-​jum u s-​siegħa ma jafhom ħadd, la l-​anġli tas-​smewwiet u lanqas l-​Iben, ħlief il-​Missier.” (Mattew 24:36) M’għandniex xi ngħidu, ladarba Ġesù hu l-​wieħed li se jmexxi l-​gwerra t’Armageddon, aktarx li issa jaf meta se sseħħ. (Rivelazzjoni 19:11-​16) Imma aħna għadna ma nafux id-​data jew il-​ħin taʼ meta ġej it-​tmiem. Huwa għalhekk li hu importanti ħafna għalina li nibqgħu għassa. Ġeħova ddeċieda l-​waqt eżatt meta se tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, u maʼ kull ġurnata li tgħaddi qed inkunu aktar u aktar eqreb. “Mhix se tkun tard.” (Aqra Ħabakkuk 2:1-​3.) Għala nistgħu nkunu ċerti minn dan?

Ġeħova ddeċieda l-​waqt eżatt meta se tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira

5. Agħti eżempju biex turi li l-​wegħdi taʼ Ġeħova dejjem jitwettqu fil-​ħin.

5 Il-​profeziji taʼ Ġeħova dejjem twettqu fil-​ħin! Pereżempju, aħseb dwar il-​jum li ħeles lill-​poplu tiegħu mill-​Eġittu. Dan kien fl-​14 taʼ Nisan tas-​sena 1513 qabel Kristu (QK). Iktar tard Mosè kiteb dwar dak il-​jum: “Meta ntemmew l-​erbaʼ mija u tletin sena, f’dan l-​istess jum ġara wkoll li l-​armati kollha taʼ Ġeħova ħarġu mill-​art taʼ l-​Eġittu.” (Eżodu 12:40-​42) Fl-​14 taʼ Nisan tas-​sena 1943 QK, jiġifieri 430 sena eżatt qabel ma nħelsu l-​Iżraelin, bdiet titwettaq il-​wegħda li Ġeħova kien se jbierek in-​nisel t’Abraham. (Galatin 3:17, 18) Aktar tard, Ġeħova qal lil Abraham: “Kun af fiż-​żgur li d-​dixxendenti tiegħek għad jgħammru bħala barranin f’art li mhix tagħhom, u jkollhom jaqduhom, u dawn se jgħakksuhom għal erbaʼ mitt sena.” (Ġenesi 15:13; Atti 7:6) L-​400 sena bdew fis-​sena 1913 QK meta Ismagħel beda jittratta b’mod ħażin lil Iżakk. Dawn l-​400 sena spiċċaw dakinhar li Ġeħova ħeles l-​Iżraelin mill-​Eġittu. (Ġenesi 21:8-​10; Galatin 4:22-​29) Iva, mijiet taʼ snin minn qabel, Ġeħova għażel il-​jum eżatt meta kellu jeħles lin-​nies tiegħu!

6. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jsalva lin-​nies tiegħu?

6 Ġożwè kien wieħed mill-​Iżraelin li ġew meħlusin mill-​Eġittu. Ħafna snin wara, hu fakkar lin-​nies: “Intom tafu sew b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha li lanqas kelma waħda mill-​kliem tajjeb kollu li Ġeħova Alla tagħkom qalilkom ma naqset. Kollu seħħ għalikom. Lanqas kelma waħda ma naqset.” (Ġożwè 23:2, 14) Ġeħova wiegħed li jeħles lin-​nies tiegħu mit-​tribulazzjoni l-​kbira u li jagħtihom il-​ħajja taʼ dejjem fid-​dinja l-​ġdida. U aħna nistgħu nkunu ċerti li l-​wegħda tiegħu se sseħħ. Allura, jekk irridu nkunu f’dik id-​dinja l-​ġdida, għandna nibqgħu għassa.

IBQAʼ GĦASSA SABIEX ISSALVA

7, 8. (a) Xi rwol kellu l-​għassies fiż-​żminijiet tal-​qedem, u x’lezzjoni nitgħallmu minn dan? (b) Agħti eżempju taʼ x’setaʼ jiġri meta l-​għassiesa jorqdu waqt il-​ħin tax-​xogħol.

7 Nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-​għassiesa li kienu jgħassu l-​bliet fi żmien il-​qedem. Ħafna minn dawn il-​bliet, inkluż Ġerusalemm, kienu mdawrin bi swar ħalli l-​għedewwa ma kinux ikunu jistgħu jidħlu. L-​għassiesa kienu jkunu fuq is-​swar, u minn hemm setgħu jaraw l-​art taʼ madwar il-​belt. Għassiesa oħra kienu jkunu mal-​bibien tal-​belt. Dawn l-​irġiel kellhom jibqgħu għassa lejl u nhar, u jekk kienu jaraw l-​għedewwa ġejjin, kellhom javżaw in-​nies tal-​belt. (Isaija 62:6) Huma kienu jafu kemm kien importanti li jibqgħu mqajmin u attenti sew għal dak li jkun qed jiġri. Jekk ma kinux jagħmlu hekk, setgħu jinqatlu ħafna nies.—Eżekjel 33:6.

8 Ġużeppi Flavju, li kiteb dwar l-​istorja tal-​Lhud, spjega kif ir-​Rumani setgħu jidħlu Ġerusalemm fis-​sena 70 wara Kristu (WK). L-​għassiesa li kienu qed jgħassu parti mill-​belt kienu raqdu. B’hekk, is-​suldati Rumani setgħu jidħlu fil-​belt. Dawn daħlu fit-​tempju, tawh in-​nar, u qerdu l-​kumplament taʼ Ġerusalemm. Dan kien l-​aħħar parti tal-​akbar tribulazzjoni li l-​ġens Lhudi qatt esperjenza.

9. Il-​maġġorparti tan-​nies illum taʼ xiex mhumiex konxji?

9 Il-​maġġorparti tal-​gvernijiet illum għandhom għassa mal-​fruntieri tal-​pajjiż tagħhom permezz taʼ suldati u sistemi taʼ sigurtà bl-​aħħar teknoloġija. Dawn il-​gvernijiet joqogħdu attenti għal kwalunkwe persuna jew ħaġa li tistaʼ tkun taʼ theddida għas-​sigurtà tal-​pajjiż tagħhom. Imma dawn ma jirrealizzawx li hemm gvern saħansitra iktar b’saħħtu fis-​sema mmexxi minn Kristu Ġesù. Dan il-​gvern daqt se jiggwerra kontra l-​gvernijiet kollha fuq l-​art. (Isaija 9:6, 7; 56:10; Danjel 2:44) Aħna nistennew bil-​ħerqa biex jiġi dak il-​jum u rridu nkunu lesti għalih. Allura, aħna noqogħdu attenti għall-​profezija tal-​Bibbja u nibqgħu naqdu lil Ġeħova b’mod leali.—Salm 130:6.

TALJENAX RUĦEK

10, 11. (a) Minn xiex irridu noqogħdu attenti, u għala? (b) X’jikkonvinċik li x-​Xitan influwenza n-​nies biex jinjoraw il-​profezija tal-​Bibbja?

10 Immaġina għassies li ilu mqajjem lejl sħiħ. Matul l-​aħħar ftit sigħat tal-​għassa tiegħu, ikun iktar diffiċli għalih biex jibqaʼ mqajjem minħabba li jkun għajjien mejjet. B’mod simili, aħna qed ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din id-​dinja. U iktar ma noqorbu lejn it-​tmiem, iktar se jkun diffiċli għalina biex nibqgħu mqajmin. Kemm ikun taʼ dispjaċir li kieku ma nibqgħux għassa! Ejja niddiskutu tliet affarijiet li jistgħu jwaqqfuna milli nibqgħu mqajmin.

11 Ix-​Xitan iqarraq bin-​nies. Hu “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja.” Ftit qabel ma miet Ġesù, hu fakkar lid-​dixxipli tiegħu tliet darbiet dwar dan il-​fatt. (Ġwanni 12:31; 14:30; 16:11) Ix-​Xitan uża r-​reliġjon falza biex iqarraq bin-​nies. Huwa għalhekk li ħafna llum jinjoraw il-​profeziji tal-​Bibbja li juru biċ-​ċar li t-​tmiem taʼ din id-​dinja hu viċin ħafna. (Sofonija 1:14) B’mod ċar, Satana “għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.” (2 Korintin 4:3-​6) B’hekk, meta nipprovaw ngħidu lin-​nies li t-​tmiem taʼ din id-​dinja hu qrib u li Kristu issa qed imexxi, ħafna minnhom ma jkunux iridu jagħtu widen. Spiss jgħidu, “M’iniex interessat.”

12. Għala m’għandniex inħallu x-​Xitan iqarraq bina?

12 Għalkemm ħafna mhumiex interessati fil-​profeziji tal-​Bibbja, m’għandniex inħallu l-​attitudni tagħhom taqtgħalna qalbna. Aħna nafu li hu importanti li nibqgħu għassa. Pawlu lil ħutu qalilhom: “Intom stess tafu tajjeb li jum Ġeħova ġej.” Imbagħad żied jgħid: “Eżattament bħal ħalliel bil-​lejl.” (Aqra l-​1 Tessalonikin 5:1-​6.) Ġesù wissiena: “Kunu dejjem għal-​lest, għax f’siegħa li ma tobsruhiex ġej Bin il-​bniedem.” (Luqa 12:39, 40) Satana daqt se jqarraq bin-​nies billi jġegħelhom jaħsbu li fid-​dinja hawn “paċi u sigurtà!” Imbagħad, il-​jum taʼ Ġeħova se jiġi f’ħakka t’għajn, u huma se jkunu xxokkjati. U xi ngħidu għalina? Jekk irridu nkunu lesti għal dak il-​jum u ma niġux imqarrqin bħall-​kumplament tan-​nies, jeħtieġ li “nibqgħu mqajmin u f’sensina.” Huwa għalhekk li hemm bżonn li naqraw il-​Kelma t’Alla kuljum u nimmeditaw fuq dak li jgħidilna Ġeħova.

13. L-​ispirtu tad-​dinja kif qed jeffettwa n-​nies, u kif nistgħu nevitaw din l-​influwenza perikoluża?

13 L-​ispirtu tad-​dinja jinfluwenza l-​mod kif jaħsbu n-​nies. Illum, ħafna jħossu li m’għandhomx bżonn ikunu jafu lil Alla. (Mattew 5:3) Minflok, jużaw il-​maġġorparti tal-​ħin tagħhom biex ikollhom l-​affarijiet li toffri d-​dinja. (1 Ġwanni 2:16) Barra minn hekk, iktar minn qatt qabel, hemm ħafna tipi taʼ divertiment li jattiraw lin-​nies u jinkuraġġuhom biex iħobbu l-​pjaċiri u biex jissodisfaw kwalunkwe xewqa li jkollhom. (2 Timotju 3:4) Dawn l-​affarijiet jaljenaw in-​nies minn dak li hu iktar importanti, u ma jaħsbux dwar ir-​relazzjoni li għandhom m’Alla. Huwa għalhekk li Pawlu fakkar lill-​Kristjani li għandhom ‘jistenbħu mill-​irqad’ billi ma jiffokawx ħajjithom fuq li jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom.—Rumani 13:11-​14.

Aħna rridu l-​ispirtu t’Alla, mhux l-​ispirtu tad-​ dinja, biex jinfluwenza l-​mod kif naħsbu

14. Liema twissija nsibu f’​Luqa 21:34, 35?

14 Aħna rridu l-​ispirtu t’Alla, mhux l-​ispirtu tad-​dinja, biex jinfluwenza l-​mod kif naħsbu. Permezz tal-​ispirtu tiegħu, Ġeħova għenna nifhmu b’mod ċar x’se jiġri dalwaqt. (1 Korintin 2:12) [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Imma jeħtieġ noqogħdu attenti. Anki l-​affarijiet tal-​ħajja taʼ kuljum jistgħu jaljenawna milli naqdu lil Ġeħova. (Aqra Luqa 21:34, 35.) Oħrajn għandu mnejn jgħidulna li aħna boloh li nemmnu li qed ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din id-​dinja. (2 Pietru 3:3-​7) Imma m’għandniex inħalluhom jaqtgħulna qalbna. Aħna għandna prova ċara li t-​tmiem ġej dalwaqt. Jekk irridu l-​ispirtu t’Alla jinfluwenzana, jeħtieġ li nattendu l-​laqgħat b’mod regulari maʼ ħutna.

Qed tagħmel kulma tistaʼ biex ‘tibqaʼ għassa’? (Ara paragrafi 11-16)

15. Xi ġralhom Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, u dan kif jistaʼ jiġri lilna wkoll?

15 Id-​dgħufijiet tagħna jagħmluha iktar diffiċli għalina biex nibqgħu attenti. Ġesù fehem li n-​nies huma imperfetti u li għandhom id-​dgħufijiet tagħhom. Aħseb dwar x’ġara l-​lejl taʼ qabel miet. Għalkemm Ġesù kien perfett, hu kien jaf li biex jibqaʼ leali, kellu bżonn jitlob lil Missieru biex jgħinu. Ġesù qal lill-​appostli Pietru, Ġakbu, u Ġwanni biex jibqgħu mqajmin waqt li kien qed jitlob. Imma l-​appostli ma rrealizzawx kemm kien importanti għalihom li jibqgħu mqajmin. Huma kienu għajjenin u raqdu. Ġesù wkoll kien għajjien, imma baqaʼ mqajjem u talab lil Missieru. Suppost, anki l-​appostli kienu qed jitolbu f’dak il-​ħin.—Marku 14:32-​41.

16. Skont Luqa 21:36, Ġesù kif għallimna ‘nibqgħu mqajmin’?

16 X’se jgħinna ‘nibqgħu mqajmin’ u nkunu preparati għall-​jum taʼ Ġeħova? Għandna bżonn ikollna xewqa kbira biex nibqgħu nagħmlu dak li hu sew. Imma dan mhuwiex biżżejjed. Ftit tal-​jiem qabel miet Ġesù, hu qal lid-​dixxipli tiegħu li kellhom bżonn jibqgħu jitolbu lil Ġeħova għall-​għajnuna. (Aqra Luqa 21:36.) Sabiex nibqgħu attenti f’dan iż-​żmien tat-​tmiem, aħna wkoll għandna nitolbu lil Ġeħova f’kull ħin.—1 Pietru 4:7.

IBQAʼ GĦASSA

17. Kif nistgħu nagħmlu ċert li aħna preparati għal dak li ġej fil-​futur qarib?

17 Ġesù qal li t-​tmiem se jiġi “f’siegħa li ma tistennewhiex.” (Mattew 24:44) Allura jeħtieġ li dejjem inkunu lesti. Issa mhuwiex iż-​żmien biex nipprovaw ngħixu l-​istil taʼ ħajja li d-​dinja taʼ Satana tgħid li jġib ferħ. Ir-​realtà hi ’l bogħod minn hekk. Minflok, permezz tal-​Bibbja, Ġeħova u Ġesù qalulna kif nistgħu nibqgħu għassa. Allura, ejja nagħtu kas tal-​profeziji tal-​Bibbja u kif dawn qed jitwettqu. U jalla nibqgħu nersqu eqreb lejn Ġeħova u npoġġu s-​Saltna l-​ewwel f’ħajjitna. Imbagħad aħna se nkunu preparati għal meta jiġi t-​tmiem. (Rivelazzjoni 22:20) Hemm ħajjitna fin-​nofs!

^ [1] (paragrafu 14) Ara kapitlu 21 tal-​ktieb Is-​Saltna t’Alla qed taħkem!