Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żgħażagħ, saħħu l-​fidi tagħkom

Żgħażagħ, saħħu l-​fidi tagħkom

“Il-​fidi hi . . . t-​turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.”—EBREJ 11:1.

GĦANJIET: 41, 69

1, 2. Xi qaddejja żgħażagħ taʼ Ġeħova, x’għandu mnejn jaħsbu xi kultant, u x’parir tagħtina l-​Bibbja?

WAĦDA fil-​klassi taʼ oħt fil-​Brittanja qaltilha: “Int tidher wisq brava biex temmen b’Alla.” Ħu fil-​Ġermanja kiteb: “L-​għalliema tiegħi jqisu r-​rakkont tal-​Bibbja dwar il-​ħolqien bħala ħrafa. Huma jaħsbu li l-​istudenti kollha jemmnu fl-​evoluzzjoni.” Oħt żagħżugħa fi Franza qalet: “Xi għalliema fl-​iskola tiegħi jibqgħu skantati għall-​aħħar li hemm studenti li għadhom jemmnu fil-​Bibbja.”

2 Ħafna nies illum ma jemmnux li Alla ħalaqna. Jekk int qaddej żagħżugħ taʼ Ġeħova jew qed titgħallem dwaru, għandu mnejn li kultant titħasseb dwar kif tistaʼ tagħti prova li hu l-​Ħallieq tagħna. Il-​Bibbja tgħinna naħsbu sew dwar dak li nisimgħu jew naqraw u biex nirraġunaw dwaru. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “L-​abbiltà li taħseb tibqaʼ tgħasses fuqek.” Kif? Din se tgħinek tirrifjuta ideat li mhumiex minnhom u ssaħħaħ il-​fidi tiegħek f’Ġeħova.—Aqra Proverbji 2:10-​12.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Sabiex ikollna fidi b’saħħitha f’Ġeħova, jeħtieġ li nsiru nafuh sew. (1 Timotju 2:4) Allura, meta taqra l-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna, ikun importanti ħafna li tieqaf u taħseb dwar dak li jkun qed jintqal. Ipprova ifhem dak li tkun qed taqra. (Mattew 13:23) Jekk tistudja b’dan il-​mod, se ssib ħafna iktar evidenza li Ġeħova hu l-​Ħallieq tagħna u li l-​Bibbja ġejja mingħandu. (Ebrej 11:1) Ejja niddiskutu kif nistgħu nagħmlu dan.

KIF ISSAĦĦAĦ IL-​FIDI TIEGĦEK

4. It-​twemmin tal-​evoluzzjoni u dak tal-​ħolqien, f’liema sens huma simili? Allura, x’għandna nagħmlu lkoll?

4 Xi ħadd għandu mnejn jgħidlek, “Jien nemmen fl-​evoluzzjoni għax ix-​xjenzjati qalu li dan hu veru. Kif tistaʼ temmen b’Alla meta ħadd ma rah?” Ħafna jirraġunaw b’dan il-​mod. Vera, ħadd ma rah lil Alla jew osserva xi ħaġa waqt li qed tiġi maħluqa. (Ġwanni 1:18) Imma xi ngħidu dwar in-​nies li jemmnu bl-​evoluzzjoni? Huma wkoll jemmnu f’xi ħaġa li ma jistgħux jaraw. L-​ebda xjenzjat jew bniedem ieħor ma ra xi tip taʼ ħajja li saret f’tip ieħor. Pereżempju, ħadd ma ra xadina ssir bniedem. (Ġob 38:1, 4) Allura, kulħadd għandu jara l-​fatti, jaħseb dwar dawn sew, u jiddeċiedi xi provi verament jagħtu. Ħafna nies raw affarijiet fin-​natura u ‘għarfu’ li hemm Alla. Għalihom ‘jidher ċar’ li hu l-​Ħallieq, li hu b’saħħtu, u li għandu ħafna kwalitajiet tal-​għaġeb.—Rumani 1:20.

Għodod għar-​riċerka jistgħu jgħinuk tispjega dak li temmen lil oħrajn (Ara paragrafu 5)

5. Liema għodod għar-​riċerka jistgħu jgħinuna nitgħallmu iktar dwar il-​ħolqien?

5 Meta nħarsu lejn in-​natura u naħsbu sew dwarha, nistgħu naraw li kollox hu magħmul b’mod meraviljuż. “Bil-​fidi nintebħu” li hemm Ħallieq, avolja ma jidhirx. Aħna nirrealizzaw li għandu personalità sabiħa u mimli għerf. (Ebrej 11:3, 27) Nistgħu nitgħallmu iktar dwar l-​affarijiet li ħalaq billi naqraw dwar dak li x-​xjenzjati skoprew. Xi ftit minn dik l-​informazzjoni tistaʼ ssibha fl-​għodod tar-​riċerka bħall-​vidjow The Wonders of Creation Reveal God’s Glory, fil-​browxers Was Life Created? u The Origin of Life—Five Questions Worth Asking, u fil-​ktieb Is There a Creator Who Cares About You? Fir-​rivista Stenbaħ!, spiss ikun hemm intervisti maʼ xjenzjati u oħrajn li jispjegaw għala issa qed jemmnu b’Alla. U s-​serje t’artikli li jissejħu “Ġie disinjat?” jinkludu dettalji dwar annimali u affarijiet oħrajn fin-​natura kif ukoll eżempji taʼ kif xjenzjati pprovaw jikkopjaw il-​mod taʼ kif dawn jiffunzjonaw.

6. L-​għodod għar-​riċerka kif jistgħu jgħinuk?

6 Ħu fl-​Istati Uniti li għandu 19-​il sena qal hekk dwar dawn iż-​żewġ browxers li għadhom kif issemmew: “Dawn kienu imprezzabbli għalija. Jien studjajt dawn iż-​żewġ browxers miljun darba.” Oħt fi Franza kitbet: “L-​artikli ‘Ġie disinjat?’ jimmeraviljawni! Dawn juru li l-​ikbar inġinieri jistgħu biss jimitaw, imma qatt ma jistgħu jilħqu d-​disinn kumpless tan-​natura.” Il-​ġenituri taʼ tfajla taʼ 15-​il sena fl-​Afrika t’Isfel qalu: “L-​ewwel ħaġa li normalment taqra t-​tifla tagħna huma l-​artikli bl-​isem ‘Intervista’ li jinsabu fi Stenbaħ!” Dawn il-​pubblikazzjonijiet jistgħu jgħinu lilek ukoll biex ikollok prova li hemm Ħallieq, u int tkun tistaʼ tagħraf u tirrifjuta tagħlim falz. Il-​fidi tiegħek tant se tkun b’saħħitha li tkun bħal siġra b’għeruq fil-​fond li jżommu s-​siġra wieqfa fi rjieħ qawwijin.—Ġeremija 17:5-​8.

IL-​FIDI TIEGĦEK FIL-​BIBBJA

7. Alla għala jridek tuża l-​qawwa tar-​raġuni?

7 Huwa ħażin li ssaqsi mistoqsijiet bħal, ‘Għala nemmen dak li tgħid il-​Bibbja?’ Xejn affattu. Ġeħova ma jridekx temmen xi ħaġa minħabba li oħrajn jemmnuha. Hu jridek tuża “l-​qawwa tar-​raġuni” biex issir taf il-​Bibbja u ssib provi li verament ġejja mingħandu. Iktar ma ssir taf x’tgħid, iktar se tissaħħaħ il-​fidi tiegħek fiha. (Aqra Rumani 12:1, 2; 1 Timotju 2:4.) Mod wieħed kif issir taf il-​Bibbja hu billi tistudja suġġetti speċifiċi li tixtieq tkun taf dwarhom iktar.

8, 9. (a) Xi wħud liema suġġetti jieħdu pjaċir jistudjaw? (b) Xi wħud kif ibbenefikaw meta mmeditaw fuq dak li qraw?

8 Xi wħud jieħdu pjaċir jistudjaw profeziji Bibliċi. Jew għandhom mnejn iħobbu jqabblu rakkonti tal-​Bibbja maʼ dak li jgħidu studjużi tal-​istorja, xjenzjati, jew arkeoloġi. Ejja nieħdu l-​eżempju taʼ Ġenesi 3:15. Ġeħova ta din il-​profezija importanti ħafna eżatt wara li Adam u Eva rribellaw kontrih u l-​mod kif kien qed imexxi. Hija l-​ewwel waħda mill-​ħafna profeziji Bibliċi li jgħinuna nifhmu kif is-​Saltna t’Alla se tagħti prova li l-​aqwa mod taʼ tmexxija hija t’Alla u kif din se ttemm it-​tbatija kollha. Kif tistaʼ teżamina Ġenesi 3:15? Tistaʼ tagħmel lista taʼ versi mill-​Bibbja li jagħtu iktar dettalji dwar kif din il-​profezija se titwettaq. Imbagħad, tistaʼ ssir taf meta nkitbu dawn il-​versi u tpoġġihom fl-​ordni tagħhom. Mhux se ddum ma tinduna li l-​kittieba tal-​Bibbja għexu fi żminijiet differenti imma li kull wieħed minnhom kiteb xi ħaġa li għamlet il-​profezija iktar u iktar ċara. Dan jistaʼ jgħinek biex ikollok prova li l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova ggwidahom.—2 Pietru 1:21.

9 Ħu fil-​Ġermanja ħaseb dwar kif kull ktieb tal-​Bibbja fih dettalji dwar is-​Saltna. Hu qal: “Dan hu minnu avolja l-​Bibbja nkitbet minn xi 40 raġel differenti. U ħafna minnhom għexu fi żminijiet differenti u ma kinux jafu lil xulxin b’mod personali.” Oħt fl-​Awstralja kienet qed tistudja artiklu fit-​Torri tal-​Għassa u tgħallmet kif il-​Qbiż għandu x’jaqsam maʼ Ġenesi 3:15 u l-​Messija. [1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) Hi kitbet: “Dak l-​istudju fetaħli għajnejja dwar kemm Ġeħova hu meraviljuż. Jien impressjonajt ruħi meta indunajt li kien hemm xi ħadd li ħaseb f’dan il-​pjan għall-​Iżraelin u biex dan jitwettaq permezz taʼ Ġesù. Kelli letteralment nieqaf u nimmedita dwar kemm kienet inkredibbli dik l-​ikla profetika tal-​Qbiż!” Din l-​oħt għala ħassitha hekk? Hi ħasbet fil-​fond dwar dak li qrat u fehmet. Dan għenha ssaħħaħ il-​fidi tagħha u ressaqha eqreb lejn Ġeħova.—Mattew 13:23.

10. L-​onestà tal-​kittieba tal-​Bibbja kif issaħħaħ il-​fidi tagħna fil-​Bibbja?

10 Aħseb ukoll, dwar l-​onestà tal-​irġiel li kitbu l-​Bibbja. Huma dejjem qalu l-​verità u ma beżgħux jagħmlu dan. Il-​kittieba f’dak iż-​żmien spiss kienu jiktbu affarijiet tajbin biss dwar in-​nazzjon u l-​mexxejja tagħhom. Imma l-​profeti taʼ Ġeħova ma kitbux biss dwar l-​affarijiet tajbin imma kitbu wkoll dwar affarijiet ħżiena li l-​Iżraelin u s-​slaten tagħhom għamlu. (2 Kronaki 16:9, 10; 24:18-​22) Huma saħansitra semmew l-​iżbalji tagħhom stess u dawk taʼ qaddejja oħrajn t’Alla. (2 Samwel 12:1-​14; Marku 14:50) “Onestà bħal din hi rari,” qal żagħżugħ fil-​Brittanja. “Dan iżidilna l-​fiduċja tagħna li l-​Bibbja verament ġejja minn Ġeħova.”

11. Il-​gwida li nsibu fil-​Bibbja, kif tikkonvinċina li l-​Bibbja ġejja mingħand Alla?

11 Meta n-​nies iħallu l-​Bibbja tiggwida l-​mod kif jgħixu, ikunu jistgħu jaraw l-​effett tajjeb tagħha. Dan jikkonvinċihom li l-​Bibbja hi minn Alla. (Aqra Salm 19:7-​11.) Oħt żagħżugħa fil-​Ġappun kitbet: “Meta l-​familja tiegħi applikat dak li bdiet titgħallem mill-​Bibbja, konna verament ferħanin. Esperjenzajna paċi, unità, u mħabba.” Il-​Bibbja għenet lil ħafna jirrealizzaw li xi affarijiet li kienu jemmnu bihom ma kinux veri. (Salm 115:3-​8) Din tiggwidahom ħalli jistrieħu fuq Ġeħova, li hu l-​Alla li jistaʼ kollox, u twiegħed futur aħjar. Mill-​banda l-​oħra, xi wħud li jgħidu li m’hemmx Alla, fir-​realtà jkunu qed iqisu n-​natura bħala xi alla. Oħrajn jgħidu li n-​nies jistgħu jipprovdu futur aħjar, imma meta naraw dak li għamlu s’issa, għadhom ma rnexxilhomx isolvu l-​problemi taʼ din id-​dinja.—Salm 146:3, 4.

KIF TIRRAĠUNA M’OĦRAJN

12, 13. Kif nistgħu nitkellmu m’oħrajn dwar il-​ħolqien jew il-​Bibbja?

12 Meta titkellem dwar il-​ħolqien jew il-​Bibbja m’oħrajn, l-​ewwel sir af x’jemmnu verament. Ftakar li wħud minn dawk li jemmnu fl-​evoluzzjoni jemmnu wkoll li Alla jeżisti. Huma jgħidu li hu uża l-​evoluzzjoni biex joħloq kull ħaġa ħajja. Oħrajn jemmnu li l-​evoluzzjoni żgur li hi vera għax tiġi mgħallma fl-​iskejjel. U oħrajn jieqfu jemmnu b’Alla minħabba li jkunu ddiżappuntati bir-​reliġjon. Allura, l-​ewwel saqsi lill-​individwu x’jemmen u għala jemmen hekk. Imbagħad agħti widen għal dak li jgħid. Jekk tagħmel hekk, hu għandu mnejn ikun iktar lest li joqgħod jisimgħek.—Titu 3:2.

B’rispett saqsi lin-​nies x’jemmnu, u mbagħad ismaʼ sew dak li jgħidulek

13 Jekk xi ħadd jgħid li int iblah biex temmen li hemm Ħallieq, kif tistaʼ twieġbu? B’rispett saqsi lill-​individwu biex jispjegalek kif bdiet il-​ħajja. Int tistaʼ ssemmi li kieku l-​ħajja kienet evolviet, l-​ewwel ħaġa ħajja kien se jkollha bżonn tkun tistaʼ tipproduċi oħrajn bħalha. Fil-​fatt, professur tal-​kimika qal li, fost affarijiet oħrajn, din kien se jkollha bżonn (1) xi ħaġa bħal ġilda biex tipproteġi lilha nfisha, (2) l-​abbiltà li ġġib l-​enerġija u li tużaha, (3) l-​informazzjoni biex tikkontrolla l-​apparenza u t-​tkabbir tagħha, u (4) l-​abbiltà biex tagħmel kopji taʼ din l-​informazzjoni. Hu żied jgħid: “Dak li jkun jibqaʼ impressjonat mill-​komplessità anki tal-​iktar ħolqien sempliċi li għandu l-​ħajja.”

14. Liema raġunament sempliċi tistaʼ tuża meta tiddiskuti l-​ħolqien?

14 Meta tiddiskuti l-​ħolqien, int tistaʼ tuża r-​raġunament sempliċi li uża l-​appostlu Pawlu. Hu kiteb: “Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.” (Ebrej 3:4) Ovvjament, dar letterali hi ddisinjata u mibnija minn xi ħadd. Bla dubju, affarijiet ħajjin, li huma ħafna iktar ikkomplikati minn dar, żgur li ġew disinjati u magħmulin minn xi ħadd. Int tistaʼ tuża wkoll il-​pubblikazzjonijiet tagħna. Oħt tkellmet maʼ żagħżugħ li ma kienx jemmen li hemm Alla. Hi tatu ż-​żewġ browxers li ssemmew qabel, u xi ġimgħa wara, hu qal, “Issa sirt nemmen b’Alla.” Iż-​żagħżugħ beda jistudja l-​Bibbja u iktar tard sar wieħed minn ħutna.

15, 16. (a) X’hemm bżonn li nagħmlu qabel nispjegaw lil xi ħadd li l-​Bibbja ġejja mingħand Alla? (b) X’għandna dejjem niftakru?

15 Jekk xi ħadd għandu d-​dubji dwar il-​Bibbja, kif tistaʼ tirraġuna miegħu? Bħalma għedna qabel, l-​ewwel saqsih x’jemmen. Ukoll, sir af x’jinteressah. (Proverbji 18:13) Jekk iħobb ix-​xjenza, agħtih eżempji mill-​Bibbja biex turi li dak li hi tgħid dwar affarijiet xjentifiċi dejjem ikun korrett. Jekk iħobb l-​istorja, tistaʼ ssemmi xi ġrajja li tissemma fil-​kotba tal-​istorja u turih kif il-​Bibbja pprofetizzat din il-​ġrajja minn ħafna snin qabel. Nies oħra għandhom mnejn jisimgħuk jekk turihom xi ħaġa fil-​Bibbja li tistaʼ tagħmlilhom ħajjithom aħjar, bħal pariri li nsibu fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja.

16 Ftakar, ma rridux nargumentaw man-​nies. Irridu li huma jieħdu pjaċir jitkellmu magħna u jitgħallmu dwar il-​Bibbja. Allura, saqsi mistoqsijiet b’rispett, u mbagħad ismaʼ sew. Meta titkellem maʼ xi ħadd dwar dak li temmen fih, kun edukat, speċjalment jekk il-​persuna tkun ikbar minnek. Jekk tirrispetta lil oħrajn, aktarx li se jirrispettawk ukoll. U huma se jimpressjonaw ruħhom li int ħsibt ħafna dwar dak li temmen għalkemm għadek żagħżugħ. Naturalment, jekk xi ħadd irid biss jargumenta miegħek jew jgħaddi ż-​żmien bik, m’hemmx għalfejn toqgħod twieġbu.—Proverbji 26:4.

SKOPRI VERITAJIET TAL-​BIBBJA U SAĦĦAĦ IL-​FIDI TIEGĦEK

17, 18. (a) X’jistaʼ jgħinek biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek fil-​Bibbja? (b) Liema mistoqsija se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

17 Għandna mnejn nafu t-​tagħlim prinċipali tal-​Bibbja, imma hemm bżonn iktar minn hekk biex ikollna fidi b’saħħitha. Hemm bżonn li nfittxu u niskopru veritajiet profondi fiha, bħallikieku qed infittxu għal teżori moħbijin. (Proverbji 2:3-​6) Wieħed mill-​aħjar modi biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek hu billi taqra l-​Bibbja kollha. Forsi tistaʼ tipprova taqraha f’sena. Hekk għamel indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet biex jersaq eqreb lejn Ġeħova meta kien żagħżugħ. Hu qal: “Xi ħaġa li għenitni napprezza li l-​Bibbja hija l-​Kelma t’Alla kienet meta qrajtha minn qoxra sa qoxra. L-​istejjer tal-​Bibbja li tgħallimt meta kont għadni daqsxejn taʼ tifel fl-​aħħar bdew jagħmlu sens għalija.” Apparti minn hekk, uża l-​għodod tar-​riċerka li għandek bil-​lingwa tiegħek biex jgħinuk tifhem dak li qrajt. Għandu mnejn għandek il-​Watchtower Library fuq DVD, il-​LIBRERIJA ONLAJN tat-​Torri tal-​Għassa, il-​Watch Tower Publications Index, jew il-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

18 Ġenituri, iktar minn kulħadd, intom tistgħu tgħallmu lil uliedkom dwar Ġeħova. Allura, kif tistgħu tgħinuhom ikollhom fidi b’saħħitha fih? L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti xi modi kif tistgħu tagħmlu dan.