Organizzati fi qbil mal-Ktieb t’Alla stess
“Ġeħova sejjes l-art bl-għerf. Stabbilixxa fis-sod is-smewwiet bid-dixxerniment.”—PROVERBJI 3:19.
1, 2. (a) X’jgħidu xi nies dwar l-idea li Alla għandu organizzazzjoni? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
XI NIES jgħidu: “M’għandekx bżonn taʼ organizzazzjoni biex tidderiġik. Kulm’għandek bżonn hu relazzjoni m’Alla.” Veru dan? X’juru l-fatti?
2 F’dan l-artiklu, se naraw li Ġeħova jagħmel l-affarijiet bl-ordni u li hu jorganizza lill-poplu tiegħu. Se niddiskutu wkoll x’hemm bżonn nagħmlu meta l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tagħtina direzzjoni. (1 Korintin 14:33, 40) Fl-ewwel seklu, il-poplu taʼ Ġeħova segwa d-direzzjoni fl-Iskrittura u setaʼ jipprietka l-aħbar tajba f’ħafna postijiet. L-istess bħalhom, illum aħna nħallu lill-Bibbja tiggwidana u nobdu l-istruzzjonijiet li nirċievu mill-organizzazzjoni t’Alla. B’hekk, nistgħu nippritkaw l-aħbar tajba madwar id-dinja. Ukoll, aħna nżommu l-kongregazzjoni nadifa, paċifika, u magħquda.
ĠEĦOVA HU L-ALLA TAʼ ORDNI
3. X’jikkonvinċik li Ġeħova hu l-Alla taʼ ordni?
3 Meta nħarsu lejn l-affarijiet li ħalaq Ġeħova, biċ-ċar naraw li hu l-Alla taʼ ordni. Hu “sejjes l-art bl-għerf. Proverbji 3:19) Hemm ħafna li ma nafux dwar l-affarijiet li Ġeħova għamel. Fil-fatt, “hu ftit dak li nisimgħu dwaru.” (Ġob 26:14) Imma mill-ftit li nafu dwar l-univers tagħna jidher ċar li hu organizzat tajjeb ħafna. (Salm 8:3, 4) Miljuni taʼ kwiekeb iduru fl-ispazju bl-ordni. U aħseb kif il-pjaneti fis-sistema solari tagħna jduru madwar ix-xemx. Dan l-ordni tal-għaġeb hu possibbli biss għaliex Ġeħova organizza l-mod li bih iduru l-pjaneti u l-kwiekeb. Meta naħsbu dwar kif għamel l-art u “s-smewwiet bl-intelliġenza,” inkunu rridu nfaħħruh, inqimuh, u nkunu leali lejh.—Salm 136:1, 5-9.
Stabbilixxa fis-sod is-smewwiet bid-dixxerniment.” (4. Ix-xjentisti għala ma setgħux iwieġbu ħafna mistoqsijiet importanti?
4 Ix-xjentisti użaw ħafna mill-affarijiet li tgħallmu dwar l-univers u d-dinja tagħna biex itejbulna ħajjitna. Imma ma setgħux iwieġbu ħafna mistoqsijiet importanti. Pereżempju, l-astronomi ma jistgħux jgħidulna bl-eżatt kif beda l-univers jew għala l-bnedmin, l-annimali, u l-pjanti jeżistu fuq l-art. U l-biċċa l-kbira min-nies ma jistgħux jispjegaw għala l-bnedmin għandhom xewqa qawwija biex jgħixu għal dejjem. (Ekkleżjasti 3:11) Raġuni waħda għala n-nies m’għandhomx it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet hi li x-xjentisti u oħrajn jgħidu li m’hemmx Alla u jinkuraġġixxu l-evoluzzjoni. Imma Alla jagħtina t-tweġibiet fil-Ktieb tiegħu stess, il-Bibbja.
5. B’liema modi l-bnedmin jafdaw il-liġijiet tan-natura?
5 Ġeħova ħalaq il-ħafna liġijiet tan-natura. Dawn il-liġijiet ma jinbidlux. Nies tas-sengħa bħal elektrixins, plamers, inġinieri, piloti, kirurgi, u oħrajn jafdaw dawn il-liġijiet biex jagħmlu x-xogħol tagħhom. Pereżempju, il-qalb tal-bniedem normalment tkun fl-istess parti tal-ġisem, allura kirurgu jaf fejn isibha f’kull pazjent li jkollu. U kulħadd jaf li jekk xi ħadd jaqbeż minn post għoli, se jaqaʼ u jistaʼ jmut. Aħna nobdu l-liġijiet tan-natura, bħall-gravità, għax irridu nibqgħu ħajjin.
DAK LI ALLA ORGANIZZA
6. Kif nafu li Ġeħova jrid li n-nies iqimuh b’mod organizzat?
6 Ġeħova organizza l-univers b’mod tassew meraviljuż. Bla dubju, mela, irid li l-poplu tiegħu jqimu b’mod organizzat. Fil-fatt, Ġeħova pprovda l-Bibbja biex jgħallimna kif inqimuh. Huwa biss billi nsegwu l-gwida li jagħtina permezz tal-Bibbja u l-organizzazzjoni tiegħu li se nkunu nistgħu ngħixu ħajja hienja u sodisfaċenti.
7. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod taʼ kif inkitbet il-Bibbja?
7 Il-Bibbja hi verament rigal uniku mingħand Alla. Xi studjużi jgħidu li l-Bibbja hi sempliċement ġabra taʼ kotba Lhud u Kristjani mpoġġijin flimkien mill-bnedmin. Iżda Alla ddeċieda min kellu jikteb il-kotba, meta kellhom jiktbuhom, u x’kellhom jiktbu. Hu għalhekk li l-kotba kollha tal-Bibbja jgħinuna nifhmu l-messaġġ t’Alla. Mill-Ġenesi sar-Rivelazzjoni, il-Bibbja turi li kellu jkun hemm ‘nisel’ li kien se jerġaʼ jagħmel l-art ġenna. U aħna tgħallimna Ġenesi 3:15; Mattew 6:10; Rivelazzjoni 11:15.
li dan in-‘nisel’ hu Kristu Ġesù u li s-Saltna tiegħu se turi li Ġeħova għandu d-dritt li jsaltan fuq kulħadd.—Aqra8. L-Iżraelin b’liema modi kienu organizzati tajjeb?
8 L-Iżraelin segwew il-Liġi li tahom Alla u kienu organizzati tajjeb ħafna. Pereżempju, kien hemm “nisa li kienu organizzati għas-servizz fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.” (Eżodu 38:8) L-Iżraelin kellhom ukoll istruzzjonijiet taʼ kif iċaqalqu l-kamp tagħhom u t-tabernaklu b’mod organizzat. Iktar tard, is-Sultan David organizza lill-qassisin u l-Leviti biex jagħmlu xogħol speċifiku fit-tempju. (1 Kronaki 23:1-6; 24:1-3) Meta l-Iżraelin obdew lil Ġeħova, hu berikhom. Huma kienu organizzati u kellhom il-paċi u l-unità.—Dewteronomju 11:26, 27; 28:1-14.
9. Il-kongregazzjonijiet fl-ewwel seklu kif kienu organizzati?
9 Il-kongregazzjonijiet fl-ewwel seklu kienu organizzati wkoll. Kien hemm ġemgħa li tiggverna, jiġifieri, grupp taʼ rġiel li dderiġew lill-kongregazzjonijiet. Għall-ewwel, dan il-grupp kien magħmul mill-appostli. Iktar tard, żdiedu magħhom anzjani oħrajn. (Atti 6:1-6; 15:6) Ġeħova ggwida lil membri tal-ġemgħa li tiggverna u oħrajn li ħadmu mill-qrib magħhom biex jiktbu ittri li kien fihom pariri u istruzzjonijiet għall-kongregazzjonijiet. (1 Timotju 3:1-13; Titu 1:5-9) Il-kongregazzjonijiet kif ibbenefikaw milli jsegwu d-direzzjoni tal-ġemgħa li tiggverna?
10. X’ġara meta l-kongregazzjonijiet fl-ewwel seklu segwew l-istruzzjonijiet tal-ġemgħa li tiggverna? (Ara l-ewwel stampa.)
10 Aqra Atti 16:4, 5. Fl-ewwel seklu, xi aħwa rġiel żaru lill-kongregazzjonijiet biex jgħidulhom “id-digrieti li kienu ġew deċiżi mill-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm,” jiġifieri, mill-ġemgħa li tiggverna. Il-kongregazzjonijiet segwew dawn l-istruzzjonijiet u “komplew jissodaw fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd minn jum għall-ieħor.” X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tagħhom li se jgħinna fil-kongregazzjoni tagħna llum?
INT TOBDI D-DIREZZJONI?
11. L-anzjani u l-qaddejja ministerjali x’għandhom jagħmlu meta jirċievu direzzjoni mill-organizzazzjoni t’Alla?
11 Membri tal-Kumitati tal-Fergħa jew Kumitati tal-Pajjiż, indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, u anzjani jeħtieġ li jobdu d-direzzjoni li jirċievu mill-organizzazzjoni t’Alla. Fil-fatt, il-Ktieb taʼ Ġeħova stess jgħidilna lkoll biex nobdu lil dawk li qed jieħdu t-tmexxija. (Dewteronomju 30:16; Ebrej 13:7, 17) Dawk li huma leali lejn Ġeħova mhumiex ribellużi, u ma jgergrux dwar id-direzzjoni li jirċievu. Aħna ma rridux inkunu bħal Dijotrefe, li ma kellux rispett lejn l-aħwa rġiel li kienu qed imexxu. (Aqra t-3 Ġwanni 9, 10.) Meta nsegwu d-direzzjoni li ningħataw, aħna ngħinu biex inżommu l-paċi u l-unità fil-kongregazzjoni. Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Ninkuraġġixxi jien lil ħuti rġiel u nisa biex ikunu leali lejn Ġeħova? Nobdi jien fil-pront id-direzzjoni li nirċievi mill-organizzazzjoni t’Alla?’
12. Kif jinħatru l-anzjani u l-qaddejja ministerjali?
12 Dan l-aħħar, il-Ġemgħa li Tiggverna bidlet il-mod kif jinħatru l-anzjani u l-qaddejja ministerjali f’kull kongregazzjoni. Il-“Mistoqsijiet mill-qarrejja” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Novembru 2014 spjega li fl-ewwel seklu, il-ġemgħa li tiggverna awtorizzat lill-indokraturi li jivvjaġġaw biex jaħtru anzjani u qaddejja ministerjali. B’hekk, minn Settembru 2014, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet kienu qed jagħmlu dawn il-ħatriet. Meta l-anzjani taʼ kongregazzjoni jirrikkmandaw lil ħu biex jaqdi bħala anzjan jew qaddej ministerjali, l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet jipprova jsir jaf lilu u lil familtu. Pereżempju, għandu mnejn jaħdem mal-ħu fis-servizz tal-għalqa. (1 Timotju 3:4, 5) Imbagħad l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u l-anzjani jiltaqgħu. Huma jikkunsidraw sew dak li tgħid l-Iskrittura dwar il-kwalitajiet t’anzjan jew qaddej ministerjali.—1 Timotju 3:1-10, 12, 13; 1 Pietru 5:1-3.
L-anzjani jagħtuna direzzjoni mill-Bibbja għax iridu jipproteġu u jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni
13. Kif nistgħu nuru li nikkooperaw mad-direzzjoni li nirċievu mingħand l-anzjani?
13 L-anzjani jagħtuna direzzjoni mill-Bibbja għax iridu jipproteġu u jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni. Jeħtieġ li nikkooperaw magħhom għax dan it-tagħlim ikun għall-ġid tagħna stess. (1 Timotju 6:3) Fl-ewwel seklu, xi individwi kienu “qed jimxu bid-diżordni.” Ma kinux qed jaħdmu imma kienu qed jindaħlu fejn ma jesagħhomx. L-anzjani pprovaw jikkoreġuhom, imma ma ridux jinbidlu. Pawlu qal lill-kongregazzjoni kif kellhom jittrattaw lil xi ħadd bħal dan. Hu qal: “Lil dan żommuh immarkat u tibqgħux tissieħbu miegħu.” Kien hemm bżonn li jieqfu jagħmluha miegħu imma mhux li jittrattawh bħala għadu. (2 Tessalonikin 3:11-15) Illum ukoll, l-anzjani jipprovaw jgħinu individwu li jinjora l-livelli t’Alla, pereżempju, wieħed li joħroġ maʼ xi ħadd li mhux tal-istess twemmin. (1 Korintin 7:39) Jekk l-individwu jirrifjuta li jbiddel l-imġiba tiegħu, l-anzjani jistgħu jiddeċiedu li ssir taħdita li tispjega kif din l-imġiba tistaʼ ġġiegħel lil oħrajn jitkellmu b’mod negattiv dwar il-kongregazzjoni. Jekk l-anzjani jagħtu taħdita bħal din fil-kongregazzjoni tiegħek, kif se tirreaġixxi? Jekk tkun taf min hu l-individwu, se tevita li tagħmilha miegħu? B’hekk, se tkun tistaʼ tgħinu jirrealizza li l-imġiba tiegħu hi taʼ ħsara għalih u taʼ dispjaċir għal Ġeħova, u għandu mnejn ibiddel l-attitudni tiegħu. [1]—Ara n-nota fl-aħħar.
ŻOMM IL-KONGREGAZZJONI NADIFA, FIL-PAĊI, U MAGĦQUDA
14. Kif nistgħu ngħinu biex inżommu l-kongregazzjoni nadifa?
14 Il-Kelma t’Alla tgħidilna x’għandna nagħmlu lkoll kemm aħna sabiex ma nħallux il-ħażen jibqaʼ fil-kongregazzjonijiet tagħna. Ikkunsidra x’ġara f’Korintu. Pawlu kien iħobbhom lill-aħwa t’hemm. Kien għen lil ħafna minnhom jitgħallmu l-verità. (1 Korintin 1:1, 2) Allura immaġina kif ħassu meta sab li wieħed minnhom kien qed jgħix ħajja immorali sesswalment u li l-aħwa kienu ħallewh jibqaʼ fil-kongregazzjoni! Pawlu qal lill-anzjani biex ‘jagħtu lil dan il-bniedem f’idejn Satana.’ Kien jeħtieġ li jneħħu lil dik il-persuna mill-kongregazzjoni, jiġifieri, li jiġi maqtugħ mis-sħubija. (1 Korintin 5:1, 5-7, 12) Illum, l-anzjani jistgħu jiddeċiedu li xi ħadd għandu jinqataʼ mis-sħubija għax ikun dineb serjament u ma jkunx nidem. F’dan il-każ, se nittrattaw aħna lill-persuna li nqatgħet mis-sħubija bħalma tgħidilna nagħmlu l-Iskrittura? Jekk nagħmlu dan, aħna ngħinu biex il-kongregazzjoni tinżamm nadifa. U forsi ngħinu lill-persuna tirrealizza li għandha bżonn tindem u titlob maħfra lil Ġeħova.
15. Kif nistgħu nżommu l-paċi fil-kongregazzjoni?
15 Kien hemm problema oħra f’Korintu. Xi wħud kienu qed itellgħu lil ħuthom il-qorti. Pawlu staqsiehom: “Minflok għax ma tħallux min jonqoskom?” (1 Korintin 6:1-8) Illum, uħud fil-kongregazzjoni ftiehmu fuq xi negozju maʼ ħuthom iżda mbagħad tilfu l-flus jew ħassew li ħuthom qarrqu bihom. Allura tellgħu lil ħuthom il-qorti. Imma meta jiġri dan, jistaʼ jwassal lin-nies biex imaqdru lil Ġeħova u n-nies tiegħu. U għandu mnejn iqajjem l-inkwiet fil-kongregazzjoni. Il-Ktieb t’Alla stess jgħinna nifhmu li għandna nżommu l-paċi maʼ ħutna, anke jekk dan ifisser li nitilfu l-flus. [2] (Ara n-nota fl-aħħar.) Fil-fatt, Ġesù għallimna kif insolvu problemi u nuqqas taʼ ftehim serju. (Aqra Mattew 5:23, 24; 18:15-17.) Meta nobdu d-direzzjoni tiegħu, aħna nżommu l-paċi u l-indafa fil-kongregazzjoni.
16. Il-poplu t’Alla għala hu f’unità?
16 Il-Ktieb taʼ Ġeħova stess jgħidilna: “Ara! Kemm hu tajjeb u sabiħ li l-aħwa jgħammru flimkien f’unità!” (Salm 133:1) Meta l-Iżraelin obdew lil Ġeħova, huma kienu organizzati u fil-paċi. Dwar il-poplu tiegħu, Alla bassar: “Inqegħedhom flimkien bħal nagħaġ f’maqjel.” (Mikea 2:12) Ġeħova bassar ukoll li l-poplu tiegħu kien se jitgħallem il-verità mill-Iskrittura u kellu jaqdih f’unità. Hu qal: “Se nagħti lill-popli l-bidla għal lingwa pura, biex ilkoll isejħu isem Ġeħova, biex jaqduh spalla maʼ spalla.” (Sofonija 3:9) Kemm aħna grati li nistgħu nqimu lil Ġeħova f’unità!
17. X’għandhom jagħmlu l-anzjani meta xi ħadd fil-kongregazzjoni jagħmel xi dnub serju?
17 Jekk xi ħadd jagħmel xi dnub serju, l-anzjani għandhom jikkoreġuh malajr u bi mħabba. Huma jafu li Ġeħova jridhom jipproteġu l-kongregazzjoni minn kull influwenza ħażina u jżommuha nadifa u magħquda. (Proverbji 15:3) Pawlu ħabb profondament lil ħutu f’Korintu u kkoreġiehom meta kellhom bżonn, bħalma naqraw fl-ewwel ittra li bagħtilhom. Aħna nafu li l-anzjani kienu pronti jsegwu d-direzzjoni taʼ Pawlu għax xi xhur wara, hu faħħarhom fit-tieni ittra li kitbilhom. Jekk xi ħu “jagħmel xi pass falz qabel ma jinduna,” l-anzjani għandhom jikkoreġuh b’qalb tajba.—Galatin 6:1.
18. (a) Il-gwida fil-Kelma t’Alla kif għenet lill-kongregazzjonijiet fl-ewwel seklu? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?
18 Jidher ċar li meta l-Kristjani fl-ewwel seklu segwew il-gwida misjuba fil-Ktieb t’Alla stess, il-kongregazzjonijiet tagħhom kienu nodfa, fil-paċi, u magħqudin. (1 Korintin 1:10; Efesin 4:11-13; 1 Pietru 3:8) Minħabba f’hekk, dawn l-aħwa setgħu jippritkaw l-aħbar tajba “fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.” (Kolossin 1:23) Illum, ukoll, il-poplu taʼ Ġeħova huwa magħqud u organizzat, u qed jipprietka l-aħbar tajba fid-dinja kollha. L-artiklu li jmiss se jagħti iżjed prova li l-ikbar xewqa tiegħu hi biex jonora lill-Mulej Sovran Ġeħova u jobdi l-gwida fil-Ktieb tiegħu stess, il-Bibbja.—Salm 71:15, 16.
^ [1] (paragrafu 13) Ara l-ktieb Organizzati biex nagħmlu r-rieda taʼ Ġeħova, paġni 134-136.
^ [2] (paragrafu 15) Għal informazzjoni dwar sitwazzjonijiet li fihom Kristjan għandu mnejn jiddeċiedi li jieħu passi legali kontra Kristjan ieħor, ara l-ktieb “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla,” paġna 223, nota taʼ taħt.