Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tirrispetta bil-​kbir il-​Ktieb taʼ Ġeħova?

Tirrispetta bil-​kbir il-​Ktieb taʼ Ġeħova?

‘Meta rċivejtu l-​kelma t’Alla, . . . ilqajtuha . . . bħalma hi tassew, bħala l-​kelma t’Alla.’1 TESSALONIKIN 2:13.

GĦANJIET: 114, 113

1-3. (a) X’setaʼ ġara bejn Evodja u Sintike? (b) Kif jistgħu jiġu evitati problemi bħal dawn? (Ara l-​ewwel stampa.)

AĦNA nqisu l-​Bibbja taʼ valur kbir għaliex nafu li hija l-​Ktieb t’Alla nnifsu. Il-​Bibbja fiha pariri li jistgħu jgħinuna nevitaw il-​problemi, u tistaʼ tikkoreġina meta niżbaljaw. Allura kif nirreaġixxu għall-​pariri tagħha? Aħseb f’żewġ nisa li għexu fl-​ewwel seklu u li kienu mill-​midlukin, Evodja u Sintike. Il-​Bibbja tgħid li argumentaw, imma ma tgħidilniex għala. Ejja nimmaġinaw x’setaʼ ġara.

2 Jistaʼ jkun li Evodja stiednet lil xi aħwa d-​dar għall-​ikel. Imma ma stidnitx lil Sintike. Iktar tard, meta Sintike semgħet lil oħrajn jgħidu kemm ħadu gost bl-​ikla, irrabjat ħafna. Setgħet ħasbet: ‘Ma nistax nemmen li Evodja ma stidnitnix! Jien ħsibt li konna ħbieb tal-​qalb.’ Sintike ħasset li Evodja ma kellhiex grazzja magħha u li din kienet qed tevitaha. Allura Sintike stiednet lill-​istess nies għall-​ikel imma ma stidnitx lil Evodja! Din is-​sitwazzjoni setgħet saħansitra fixklet oħrajn fil-​kongregazzjoni. Il-​Bibbja turi li Pawlu kkoreġa liż-​żewġ aħwa nisa u inkuraġġiehom biex jagħmlu paċi. Huma għandhom mnejn semgħu minnu u komplew jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ.—Filippin 4:2, 3.

3 Illum, aħna wkoll kultant jistaʼ jkollna problema maʼ xi ħu jew oħt fil-​kongregazzjoni tagħna. Imma jekk nieħdu l-​parir tal-​Bibbja, nistgħu nsolvu problemi bħal dawn. Fil-​fatt, nistgħu saħansitra nevitawhom. U meta nobdu dak li tgħidilna l-​Bibbja, nuru li tassew inqisu l-​Ktieb taʼ Ġeħova taʼ valur.—Salm 27:11.

IL-​BIBBJA TGĦALLIMNA NIKKONTROLLAW L-​EMOZZJONIJIET TAGĦNA

4, 5. X’parir tagħtina l-​Kelma t’Alla dwar li nikkontrollaw l-​emozzjonijiet tagħna?

4 Mhuwiex dejjem faċli li nikkontrollaw l-​emozzjonijiet tagħna. Għandu mnejn inħossuna mdejqin jew irrabjati ħafna jekk xi ħadd jinsultana jew jittrattana inġustament, forsi minħabba l-​kultura tagħna, il-​kulur tal-​ġilda, jew il-​mod kif nidhru. U nistgħu nweġġgħu saħansitra iktar jekk min jinsultana jew jittrattana ħażin ikun ħuna jew oħtna. Liema parir li jistaʼ jgħinna nsibu fil-​Kelma t’Alla?

5 Ġeħova jaf x’jistaʼ jiġri meta l-​bnedmin ma jikkontrollawx l-​emozzjonijiet tagħhom. Meta nħossuna mifxulin jew irrabjati, forsi ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li iktar tard jiddispjaċina li għamilna. Fil-​Bibbja, Ġeħova jgħallimna nikkontrollaw kif inħossuna u jgħidilna: “Tgħaġġilx biex tieħu għalik.” Ipprova aħseb kemm problemi nevitaw meta nobdu dan il-​parir u ma nirrabjawx malajr! (Aqra Ekkleżjasti 7:9; Proverbji 16:32.) Il-​Bibbja tgħidilna wkoll biex naħfru lil oħrajn. Fil-​fatt, Ġesù qalilna li jekk ma naħfrux lil oħrajn, Ġeħova ma jaħfirx lilna. (Mattew 6:14, 15) Għandek bżonn tkun iktar paċenzjuż u iktar lest li taħfer lil oħrajn?

6. X’jistaʼ jiġri jekk ma nikkontrollawx l-​emozzjonijiet tagħna?

6 Jekk ma nikkontrollawx l-​emozzjonijiet tagħna, għandu mnejn nibqgħu nħossuna rrabjati u saħansitra nibdew inħossu mibegħda lejn xi ħadd. Jew forsi ninfluwenzaw lil xi ħadd fil-​kongregazzjoni biex iħossu bħalna. Anke jekk nipprovaw naħbu r-​rabja jew il-​mibegħda tagħna, oħrajn fl-​aħħar se jirrealizzaw kif inħossuna. Imbagħad ħutna għandhom mnejn iżommu ’l bogħod minna. (Proverbji 26:24-​26) L-​anzjani se jużaw il-​Bibbja biex jipprovaw jgħinuna neħilsu mir-​rabja u l-​mibegħda u naħfru lil oħrajn. (Levitiku 19:17, 18; Rumani 3:11-​18) Meta jagħmlu dan, se nobdu l-​gwida tal-​Ktieb taʼ Ġeħova?

ĠEĦOVA QED IMEXXINA

7, 8. (a) Ġeħova kif imexxi lill-​poplu tiegħu? (b) Liema huma xi ftit mid-​direzzjonijiet li nsibu fil-​Bibbja, u għala għandna nobduhom?

7 Ġeħova jmexxi lil dawk li llum jagħmlu parti mill-​organizzazzjoni tiegħu fuq l-​art u jgħallimhom. Kif? Hu ħatar lil Kristu biex ikun “il-​kap tal-​kongregazzjoni,” u Kristu ħatar lill-​“ilsir leali u għaqli” biex jgħallem u jidderieġi lill-​poplu t’Alla. (Efesin 5:23; Mattew 24:45-​47) L-​istess bħall-​ġemgħa li tiggverna fl-​ewwel seklu, dan l-​ilsir verament iqis il-​Bibbja taʼ valur għaliex hi l-​Kelma t’Alla. (Aqra l-​1 Tessalonikin 2:13.) Liema huma xi ftit mid-​direzzjonijiet li nsibu fil-​Bibbja?

8 Il-​Bibbja tidderiġina biex nattendu l-​laqgħat regolarment. (Ebrej 10:24, 25) Tinkuraġġina lkoll biex nemmnu l-​istess tagħlim tal-​Bibbja. (1 Korintin 1:10) Ukoll, tgħidilna biex ‘nibqgħu infittxu l-​ewwel is-​saltna.’ (Mattew 6:33) Il-​Bibbja tistruwina biex nippritkaw minn dar għal dar, f’postijiet pubbliċi, u kull fejn jistgħu jinstabu n-​nies. (Mattew 28:19, 20; Atti 5:42; 17:17; 20:20) Hi tidderieġi lill-​anzjani jżommu l-​kongregazzjoni nadifa. (1 Korintin 5:1-​5, 13; 1 Timotju 5:19-​21) U tgħidilna li għandna nżommu ruħna ndaf u nevitaw ħsibijiet u drawwiet li Ġeħova jobgħod.—2 Korintin 7:1.

‘Se nkun leali lejn Ġesù u nsegwi d-​direzzjoni tal-​ilsir leali?’

9. Ġesù lil min ħatar biex jgħinna nifhmu l-​Kelma t’Alla?

9 Xi wħud forsi jħossu li m’għandhom bżonn lil ħadd biex jispjegalhom il-​Bibbja. Imma Ġesù ilu sa mill-​1919 juża lill-​“ilsir leali u għaqli” biex jgħin lin-​nies t’Alla jifhmu x’tgħallem il-​Bibbja u jsegwu dak li tgħid. Billi nobdu l-​Bibbja, aħna nżommu l-​kongregazzjoni nadifa, fil-​paċi, u magħquda. Staqsi lilek innifsek, ‘Se nkun leali lejn Ġesù u nsegwi d-​direzzjoni tal-​ilsir leali?’

IL-​KARRU TAʼ ĠEĦOVA GĦADDEJ B’ĦEFFA!

10. Il-​ktieb t’Eżekjel kif jiddeskrivi l-​parti tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova fis-​sema?

10 Permezz tal-​Bibbja nitgħallmu li l-​qaddejja taʼ Ġeħova fis-​sema huma organizzati wkoll. Pereżempju, Eżekjel ra viżjoni taʼ Ġeħova riekeb fuq karru li setaʼ jimxi b’ħeffa fi kwalunkwe direzzjoni li Ġeħova riedu jmur. (Eżekjel 1:4-​28) Il-​karru jirrappreżenta l-​parti tal-​organizzazzjoni t’Alla fis-​sema, li mill-​ewwel tobdi d-​direzzjoni tiegħu. B’hekk, hi taffettwa l-​parti tal-​organizzazzjoni tiegħu fuq l-​art. Aħseb fil-​ħafna bidliet li saru fl-​organizzazzjoni t’Alla fl-​aħħar għaxar snin. Ftakar li Ġeħova jiggwida bidliet bħal dawn. Dalwaqt, Kristu u l-​anġli se jeqirdu lil din id-​dinja mill-​agħar. Ħadd iżjed mhu se jiddiżonora lil Ġeħova u lil ismu jew jikkritika l-​mod kif imexxi!

Kemm aħna grati għall-ħafna volontieri tal-kostruzzjoni li jaħdmu iebes ħafna! (Ara paragrafu 11)

11, 12. X’kienet kapaċi tagħmel l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova f’dawn l-​aħħar jiem?

11 Ikkunsidra dak li l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova kienet kapaċi tagħmel f’dawn l-​aħħar jiem. Kostruzzjoni. Mijiet t’aħwa rġiel u nisa ħadmu iebes biex jibnu l-​kwartieri ġenerali ġodda tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Warwick, New York, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Eluf taʼ volontieri oħra madwar id-​dinja qed jibnu Swali tas-​Saltna u uffiċċji tal-​fergħa. Dawn il-​volontieri huma mmexxijin mid-​Dipartiment tal-​Ippjanar u l-​Kostruzzjoni Madwar id-​Dinja. Kemm aħna grati għall-​ħafna wħud li jaħdmu iebes ħafna fuq bini bħal dan! U l-​qaddejja taʼ Ġeħova kullimkien jagħtu dak li jistgħu ħalli jgħinu fl-​ispejjeż biex jinbnew dawn il-​postijiet. Ġeħova jbierek lill-​poplu tiegħu għall-​umiltà u l-​lealtà li juri.—Luqa 21:1-​4.

12 Edukazzjoni. Ġeħova jħobb jeduka lin-​nies tiegħu. (Isaija 2:2, 3) Aħseb fid-​diversi skejjel li għandna. Hemm l-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier, l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna, l-​Iskola taʼ Gilegħad, l-​Iskola għad-​Dħul f’Betel, l-​Iskola għall-​Indokraturi li Jżuru l-​Kongregazzjonijiet u n-​Nisa Tagħhom, l-​Iskola għall-​Anzjani tal-​Kongregazzjoni, l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna, u l-​Iskola għall-​Membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa u n-​Nisa Tagħhom. U fuq il-​websajt tagħna, jw.org, nistgħu nsibu l-​Bibbja u letteratura oħra b’mijiet taʼ lingwi. Ukoll, il-​websajt għandha sezzjonijiet speċjali għat-​tfal u l-​familji kif ukoll sezzjoni bl-​aħbarijiet. Qiegħed tuża l-​jw.org fil-​ministeru tiegħek u fil-​qima bħala familja?

KUN LEALI LEJN ĠEĦOVA U APPOĠĠJA L-​ORGANIZZAZZJONI TIEGĦU

13. X’responsabbiltà għandu l-​poplu taʼ Ġeħova?

13 X’unur dan li nkunu parti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u li nkunu nafu x’jistenna minna! M’għandniex xi ngħidu, la nafu x’jogħġob lil Alla, aħna għandna r-​responsabbiltà li nobduh u nagħmlu dak li hu sew. U għalkemm ħafna nies iħobbu jagħmlu affarijiet ħżiena, għandna ‘nobogħdu dak li hu ħażin,’ bħalma jagħmel Ġeħova. (Salm 97:10) M’għandna qatt inkunu bħal dawk li jaħsbu li “t-​tajjeb hu ħażin u l-​ħażin hu tajjeb.” (Isaija 5:20) Aħna rridu nogħġbu lil Ġeħova, allura aħna determinati li nkunu nodfa b’kull mod. (1 Korintin 6:9-​11) Dak li Ġeħova jgħidilna fil-​Bibbja hu għall-​ġid tagħna stess. Aħna nħobbuh u rridu nkunu leali lejh. Għalhekk insegwu l-​gwida tiegħu fid-​dar, fil-​kongregazzjoni, fuq ix-​xogħol, l-​iskola, jew kull fejn nistgħu nkunu. (Proverbji 15:3) Aħseb f’xi aspetti li fihom għandna bżonn inkunu leali lejn Alla.

Missirijiet u ommijiet li jħobbu lil Ġeħova jridu li t-​tfal tagħhom ikollhom ħbiberija mill-​qrib miegħu

14. Il-​ġenituri kif jistgħu jkunu leali lejn Ġeħova?

14 Kif inħarrġu lil uliedna. Fil-​Bibbja, Ġeħova ta direzzjoni lill-​ġenituri dwar kif iħarrġu lil uliedhom. Il-​Kristjani jeħtieġ li joqogħdu attenti biex ma jiġux affettwati bil-​mod taʼ ħsieb li hu komuni fid-​dinja. (Efesin 2:2) Pereżempju, f’xi pajjiżi missier forsi jaħseb, ‘Ħeqq, hawnhekk in-​nisa jgħallmu lit-​tfal.’ Imma l-​Bibbja biċ-​ċar tikkmanda lill-​missirijiet biex jgħallmu lil uliedhom dwar Ġeħova. (Efesin 6:4) Missirijiet u ommijiet li jħobbu lil Ġeħova jridu li t-​tfal tagħhom ikollhom ħbiberija mill-​qrib miegħu, l-​istess bħalma kellu Samwel meta kien tifel ċkejken.—1 Samwel 3:19.

15. Kif nistgħu nkunu leali lejn Ġeħova meta nkunu qed nieħdu deċiżjonijiet importanti?

15 Kif nieħdu deċiżjonijiet. Qabel ma nieħdu deċiżjonijiet importanti fil-​ħajja, aħna rridu naraw x’jaħseb Ġeħova sabiex inkunu nistgħu nibqgħu leali lejh. Il-​Bibbja u l-​organizzazzjoni tiegħu jistgħu jgħinuna. Pereżempju, illum xi ġenituri li telqu minn pajjiżhom iddeċidew li jibagħtu lit-​tarbija tagħhom tat-​twelid lura f’pajjiżhom biex tgħix maʼ qrabathom. B’dan il-​mod, kemm il-​missier u kemm l-​omm ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu u jaqilgħu l-​flus. Veru, din hi deċiżjoni personali, imma koppja għandhom jistaqsu lilhom infushom, ‘Ġeħova x’se jaħseb dwar id-​deċiżjoni tagħna?’ (Aqra Rumani 14:12.) L-​ewwel ikun għaqli li naħsbu dwar x’tgħid il-​Bibbja qabel ma nieħdu deċiżjonijiet importanti dwar il-​familja u x-​xogħol tagħna. Neħtieġu l-​għajnuna taʼ Missierna għaliex ma nistgħux nidderieġu l-​passi tagħna.—Ġeremija 10:23.

16. (a) Meta twieled binha, x’għażla kellha tagħmel waħda omm? (b) X’għenha tieħu d-​deċiżjoni t-​tajba?

16 Wara li koppja marru jgħixu f’pajjiż ieħor, twildilhom tifel, u ppjanaw li jibagħtuh lura pajjiżhom biex jgħix man-​nanniet tiegħu. Imma f’dak iż-​żmien, il-​mara bdiet tistudja l-​Bibbja maʼ waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi tgħallmet li kien id-​dmir tagħha li tgħallem lil binha dwar Ġeħova. (Salm 127:3; Proverbji 22:6) Il-​mara żagħżugħa talbet lil Ġeħova, kif tgħidilna nagħmlu l-​Bibbja, u talbitu bil-​qalb biex jgħinha tagħmel dak li hu tajjeb. (Salm 62:7, 8) Tkellmet ukoll dwar il-​problema tagħha mal-​oħt li magħha kienet tistudja l-​Bibbja u m’oħrajn fil-​kongregazzjoni. Għalkemm qrabatha u ħbiebha baqgħu jgħidulha li kellha tibgħat lit-​tarbija għand in-​nanniet, hi ddeċidiet li ma kienx xieraq li tagħmel dan. Żewġha nnota kemm l-​aħwa rġiel u nisa għenu lil martu u lil binhom. Tant kien impressjonat li beda jistudja l-​Bibbja u jattendi l-​laqgħat mal-​familja tiegħu. Immaġina kemm ferħet din l-​omm meta rrealizzat li Ġeħova kien wiġbilha talbha!

17. Meta nistudjaw il-​Bibbja maʼ xi ħadd, liema direzzjoni għandna nsegwu?

17 Kif insegwu d-​direzzjoni. Jekk aħna leali lejn Alla, se nsegwu d-​direzzjoni li tagħtina l-​organizzazzjoni tiegħu. Pereżempju, ikkunsidra x’hemm bżonn nagħmlu ftit wara li nibdew nistudjaw il-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? maʼ xi ħadd. Intqalilna biex nieħdu ftit minuti wara kull studju biex ngħinu lill-​istudent isir jaf iktar dwar l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Aħna nistgħu nużaw il-​vidjow X’jiġri f’Sala tas-​Saltna? u l-​browxer Min Qed Jagħmel ir-​Rieda taʼ Ġeħova Llum? Wara li nlestu l-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem? nistgħu ngħinu lill-​istudent isir iktar ‘sod fil-​fidi’ billi nistudjaw miegħu l-​ktieb “Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” anke jekk sadattant laħaq tgħammed. (Kolossin 2:7) Qiegħed int issegwi din id-​direzzjoni mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

18, 19. Semmi ftit raġunijiet għala għandna nkunu grati lejn Ġeħova?

18 Hemm ħafna raġunijiet għala għandna nkunu grati lejn Ġeħova! Waħda minnhom hi, “għax bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.” (Atti 17:27, 28) Hu tana wkoll il-​Ktieb tiegħu stess, il-​Bibbja. Bħall-​Kristjani f’Tessalonika, aħna ngħożżu dan ir-​rigal għax huwa messaġġ mingħandu.—1 Tessalonikin 2:13.

19 Il-​Bibbja għenitna nersqu qrib lejn Ġeħova, u hu resaq qrib lejna. (Ġakbu 4:8) Aħna tassew grati li Missierna stidinna nkunu parti mill-​organizzazzjoni tiegħu! Inħossuna bħas-​salmista li kiteb: “Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb: Għax il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hi għal dejjem.” (Salm 136:1) F’kull vers taʼ dak is-​salm, is-​salmista rripeta l-​kliem “għax il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hi għal dejjem.” Iva, jekk aħna leali lejn Ġeħova u nsegwu d-​direzzjoni li jagħtina permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu, hu se jagħtina ħajja taʼ dejjem u se jkun leali lejna għal dejjem!