Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Int tistaʼ tibqaʼ modest waqt il-provi

Int tistaʼ tibqaʼ modest waqt il-provi

‘Kun modest fil-mixi tiegħek m’Alla.’—MIKEA 6:8.

GĦANJIET: 48, 95

1-3. Profeta minn Ġuda x’m’għamilx, u x’kien ir-riżultat? (Ara l-ewwel stampa.)

IS-SULTAN ĠEROBOGĦAM tal-Iżrael kien għamel artal għall-qima falza fil-belt taʼ Betel. Ġeħova bagħat profeta minn Ġuda biex jagħti messaġġ taʼ ġudizzju lil Ġerobogħam. Il-profeta umli obda lil Ġeħova u wassal il-messaġġ. Is-sultan kien irrabjat ħafna mal-profeta, imma Ġeħova pproteġieh.—1 Slaten 13:1-10.

2 Ġeħova kien ikkmanda lill-profeta biex ma jikolx jew jixrob fl-Iżrael u biex imur lura d-dar minn triq differenti. Fi triqtu lura, il-profeta ltaqaʼ maʼ raġel xiħ li gidiblu, billi qal li kellu messaġġ mingħand Ġeħova. Ir-raġel xiħ stieden lill-profeta jmur id-dar miegħu biex jiekol u jixrob. Il-profeta m’obdiex lil Ġeħova u telaq max-xwejjaħ. Ġeħova ma ħax pjaċir. Waqt li l-profeta kien sejjer lejn daru, iljun attakkah u qatlu.—1 Slaten 13:11-24.

3 Ma nafux għala l-profeta ddeċieda li jismaʼ mir-raġel xiħ iktar milli minn Ġeħova. Imma li nafu hu li ma kompliex ‘ikun modest fil-mixi’ tiegħu maʼ Ġeħova. (Aqra Mikea 6:8.) Fil-Bibbja, li nimxu maʼ Ġeħova jinvolvi li nafdaw fih, nistrieħu fuq il-gwida tiegħu, u nobduh. Persuna modesta taf li għandha bżonn titlob kontinwament. Kieku l-profeta kien modest, hu kien isaqsi lil Ġeħova jekk l-ordnijiet tiegħu kinux inbidlu. Kultant anki aħna nkunu rridu nieħdu deċiżjonijiet diffiċli, u dak li Ġeħova jridna nagħmlu jistaʼ ma jkunx jidher ċar. Imma jekk inkunu modesti, se nitolbu lil Ġeħova għall-gwida biex b’hekk inkunu nistgħu nevitaw li nagħmlu żbalji serji.

4. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?

4 Fl-artiklu taʼ qabel, tgħallimna xi jfisser li tkun modest u għala dan hu importanti għalina llum. Imma kif nistgħu nkunu iktar modesti? U x’sitwazzjonijiet jistgħu jgħaddu l-modestja tagħna minn prova, jiġifieri, nuru jekk aħniex verament modesti jew le? Issa ejja niddiskutu tlieta minn dawn is-sitwazzjonijiet.—Proverbji 11:2.

META JINBIDLULNA Ċ-ĊIRKUSTANZI

5, 6. Barżillaj kif wera li kien modest?

5 Il-mod taʼ kif nirreaġixxu meta ċ-ċirkustanzi jew l-inkarigi tagħna jinbidlu jistaʼ juri jekk aħniex modesti verament. Nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Barżillaj, il-ħabib leali tas-Sultan David. Meta Barżillaj kellu 80 sena, David stiednu jmur jgħix fil-palazz irjali. Allavolja dan kien unur kbir, Barżillaj qal li kien ikun aħjar jekk jagħti dan l-inkarigu lil raġel jismu Kimħam, li setaʼ kien ibnu.—2 Samwel 19:31-37.

6 Barżillaj għala m’aċċettax l-istedina? Kien dan biex jevita r-responsabbiltà jew biex igawdi ħajja faċli? Le, hu għamel dan għax kien modest. Hu għaraf li ċ-ċirkustanzi tiegħu kienu nbidlu, u rrikonoxxa l-limitazzjonijiet tiegħu. (Aqra Galatin 6:4, 5.) Bħal Barżillaj, jeħtieġ li nkunu modesti. Minflok ma niffokaw fuq dak li rridu għalina jew inqabblu lilna nfusna m’oħrajn, aħna niffokaw fuq li nagħtu l-aħjar tagħna lil Ġeħova. Dan hu iktar importanti milli jkollna inkarigu speċjali jew li nkunu magħrufin sew. (Galatin 5:26) Jekk aħna modesti, se naħdmu flimkien maʼ ħutna biex nonoraw lil Ġeħova u ngħinu lil oħrajn.—1 Korintin 10:31.

7, 8. Il-modestja kif tistaʼ tgħinna ma nistriħux fuqna nfusna?

7 Jistaʼ jkun diffiċli nibqgħu modesti jekk ningħataw iktar responsabbiltà jew awtorità. Nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Neħemija. Meta hu semaʼ li n-nies f’Ġerusalemm kellhom ħafna problemi, talab bil-ħrara lil Ġeħova biex jgħinhom. (Neħemija 1:4, 11) Ġeħova wieġeb it-talba taʼ Neħemija. Is-Sultan Artaserse għamel lil Neħemija l-gvernatur tal-inħawi. Għalkemm Neħemija kellu s-setgħa u kien sinjur, hu qatt ma straħ fuqu nnifsu. Hu fittex għad-direzzjoni taʼ Ġeħova u qara l-Liġi tiegħu regolarment. (Neħemija 8:1, 8, 9) Neħemija kellu awtorità fuq ħafna nies. Imma qatt m’użaha għall-benefiċċju tiegħu stess jew biex jittratta lil oħrajn bl-aħrax.—Neħemija 5:14-19.

8 Bħal Neħemija, jekk ningħataw iktar responsabbiltà jew ikollna bidla fl-inkarigu, irridu nagħmlu ċert li nibqgħu modesti. Ma rridux nistrieħu biss fuq l-abbiltajiet jew l-esperjenzi tagħna stess. Persuna kif tistaʼ tibda tistrieħ fuqha nfisha? Pereżempju, anzjan għandu mnejn jieħu ħsieb kwistjonijiet fil-kongregazzjoni qabel ma jitlob. Inkella, ħu jew oħt forsi l-ewwel tieħu deċiżjoni mbagħad wara titlob biex Ġeħova jberikhielha. Madankollu, bniedem modest ma jistrieħx fuqu stess, anki meta jagħmel xi ħaġa li jkun għamilha ħafna drabi qabel. Hu dejjem jiftakar li l-abbiltajiet tiegħu ma jistgħux jitqabblu maʼ dawk taʼ Ġeħova. (Aqra Proverbji 3:5, 6.) Fid-dinja llum, ħafna nies huma tosti u jipprovaw ikunu aħjar minn oħrajn. Imma l-qaddejja taʼ Ġeħova mhumiex hekk. Aħna ma naħsbux li l-fatt li jkollna iktar responsabbiltajiet jagħmilna aħjar minn oħrajn fil-familja jew kongregazzjoni tagħna. Minflok, aħna niftakru xi rwol għandna fl-arranġament t’Alla u naħdmu flimkien maʼ ħutna rġiel u nisa.—1 Timotju 3:15.

META OĦRAJN JIKKRITIKAWNA JEW IFAĦĦRUNA

9, 10. Il-modestja kif tistaʼ tgħinna meta oħrajn jikkritikawna b’mod inġust?

9 Meta xi ħadd jikkritikana b’mod inġust, dan jistaʼ jnikkitna. Hekk ġara lil Ħanna. Għalkemm ir-raġel tagħha kien iħobbha ħafna, Ħanna ma kinitx ferħana. Peninna, il-mara l-oħra taʼ żewġha, kienet twaqqagħha għaċ-ċajt il-ħin kollu. Ħanna riedet li jkollha t-tfal imma ma setax ikollha. Darba, meta Ħanna kienet qed tħossha mdejqa ħafna, hi marret it-tabernaklu biex titlob. Il-Qassis il-Kbir Għeli raha tibki u akkużaha li kienet fis-sakra! Ħanna setgħet irrabjat ħafna. Minflok, hi wieġbet lil Għeli bir-rispett. Iktar tard, Ħanna qalet talba li wriet il-fidi tagħha f’Ġeħova u mħabbitha għalih.—1 Samwel 1:5-7, 12-16; 2:1-10.

10 Il-modestja tistaʼ tgħinna biex ‘dejjem nirbħu l-ħażen bit-tajjeb.’ (Rumani 12:21) Is-sistema taʼ Satana hi mimlija b’affarijiet mill-agħar. Allura ma rridux inkunu sorpriżi meta niġu trattati b’mod inġust. Għalkemm dan jistaʼ jirrabjana, għandna niġġieldu kontra dan is-sentiment. (Salm 37:1) Jistaʼ jkun saħansitra iktar taʼ wġigħ meta jkollna l-problemi maʼ ħutna fil-kongregazzjoni. Jekk jiġri dan, irridu nimitaw lil Ġesù. Il-Bibbja tgħid: “Meta kien mgħajjar, m’għajjarx lura.” Minflok, “baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-ġustizzja.” (1 Pietru 2:23) Ġesù kien umli u kien jaf li Ġeħova kien se jikkoreġi kwalunkwe inġustizzja. (Rumani 12:19) Aħna wkoll irridu nkunu umli u ma ‘npattux ħsara bi ħsara.’—1 Pietru 3:8, 9.

11, 12. (a) Kif nistgħu nibqgħu modesti meta oħrajn ifaħħruna jew jikkumplimentawna żżejjed? (b) Kif nistgħu nuru li aħna modesti mill-mod kif nilbsu u nġibu ruħna?

11 Il-modestja tagħna tistaʼ tgħaddi minn prova anki meta xi ħadd jikkumplimentana jew ifaħħarna aktar milli jixraq. Ester ġiet ikkumplimentata u mfaħħra żżejjed. Kienet waħda mill-isbaħ nisa fil-Persja. Għal sena sħiħa hi ġiet imfissda bi trattamenti taʼ sbuħija speċjali, flimkien maʼ ħafna tfajliet li kollha kienu qed jikkompetu biex jiġu nnotati mis-sultan. Imbagħad is-sultan għażel lil Ester biex tkun is-sultana tiegħu. Imma hi ma nbidlitx minħabba din l-attenzjoni kollha. Ester ma bdietx taħseb biss fiha nfisha. Hi baqgħet modesta, qalbha tajba, u turi rispett.—Ester 2:9, 12, 15, 17.

Juri l-mod kif nilbsu li nirrispettaw lil Ġeħova u lil oħrajn, jew juri li m’aħniex modesti? (Ara paragrafu 12)

12 Jekk aħna modesti, se nilbsu u nġibu ruħna b’mod li juri li nirrispettaw kemm lil oħrajn kif ukoll lilna nfusna. Minflok ma niftaħru jew nipprovaw nimpressjonaw lil oħrajn, nipprovaw ikollna “spirtu kwiet u ġwejjed.” (Aqra l-1 Pietru 3:3, 4; Ġeremija 9:23, 24) Il-mod kif inħossuna dwarna nfusna eventwalment se jintwera mill-kliem u l-azzjonijiet tagħna. Pereżempju, nistgħu nipprovaw inġiegħlu lil oħrajn jaħsbu li aħna speċjali minħabba dak li nagħmlu, dak li nafu, jew lil min nafu. Jew forsi xi ħaġa importanti li għamilnieha bl-għajnuna taʼ ħaddieħor nistgħu nipprovaw inġibuha tidher bħallikieku għamilnieha waħedna. Imma aħseb f’Ġesù. Hu setaʼ impressjona lin-nies bl-għerf li kellu. Minflok, Ġesù spiss ikkwota mill-Kelma t’Alla. Ma riedx li n-nies jagħtuh glorja. Hu dejjem ried li l-glorja tingħata lil Ġeħova.—Ġwanni 8:28.

META NIEĦDU DEĊIŻJONIJIET

13, 14. Il-modestja kif tistaʼ tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin?

13 Jeħtieġ li nkunu modesti meta nieħdu deċiżjonijiet jew meta oħrajn jieħdu deċiżjonijiet li jeffettwaw lilna. Meta l-appostlu Pawlu kien qed joqgħod Ċesarija, hu ried imur Ġerusalemm biex ilesti x-xogħol li Ġeħova kien tah. Imma l-profeta Agabu qal lil Pawlu li jekk imur, kien se jiġi maqbud. Hu setaʼ saħansitra jinqatel. L-aħwa talbuh bil-ħrara biex ma jmurx. Imma Pawlu ddeċieda li jmur Ġerusalemm. Għamel dan għax straħ fuqu nnifsu? Le, Pawlu kien modest u fada kompletament f’Ġeħova. Anki l-aħwa kienu modesti. B’hekk appoġġjaw id-deċiżjoni taʼ Pawlu u ħallewh imur.—Atti 21:10-14.

14 Li nkunu modesti se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin anki meta ma nistgħux inkunu nafu jew nikkontrollaw eżattament kif se jmorru l-affarijiet. Pereżempju, nistgħu nkunu qed naħsbu dwar li nibdew fis-servizz full-time. Imma x’jiġri jekk nimirdu? Xi ngħidu jekk il-ġenituri tagħna jimirdu u jkollhom bżonn l-għajnuna? X’se nagħmlu meta nixjieħu? Ma nistgħux inwieġbu dawn il-mistoqsijiet kollha, anki jekk nitolbu u naħsbu dwarhom. (Ekkleżjasti 8:16, 17) Imma jekk nafdaw f’Ġeħova, se nagħrfu u naċċettaw il-limitazzjonijiet tagħna. Se neżaminaw il-fatti, insaqsu għal pariri u, l-iktar importanti, nitolbu għal gwida. Imbagħad jeħtieġ li nsegwu d-direzzjoni tal-ispirtu taʼ Ġeħova. (Aqra Ekkleżjasti 11:4-6.) Ġeħova jistaʼ jbierek id-deċiżjonijiet tagħna jew jgħinna nibdlu l-pjanijiet tagħna.—Proverbji 16:3, 9.

KIF NISTGĦU NKUNU IKTAR MODESTI

15. Il-meditazzjoni fuq Ġeħova kif tgħinna nibqgħu umli?

15 Kif nistgħu nkunu iktar modesti? Se niddiskutu erbaʼ modi. L-ewwel nett, għandna bżonn nimmeditaw fuq Ġeħova, billi naħsbu fil-fond dwar it-tip taʼ Alla li hu. Meta nqabblu lilna nfusna maʼ Ġeħova, nirrealizzaw kemm aħna żgħar u kemm hu ftit dak li nafu. (Isaija 8:13) Ftakar li aħna naqdu lil Alla li Jistaʼ Kollox, u mhux lil bniedem jew anġlu. Meditazzjoni fuq dan se tgħinna numiljaw ruħna “taħt l-id setgħana t’Alla.”—1 Pietru 5:6.

16. Il-meditazzjoni fuq l-imħabba t’Alla kif tgħinna nkunu modesti?

16 It-tieni mod taʼ kif nistgħu nkunu iktar modesti hu billi nimmeditaw dwar kemm Ġeħova jħobbna. Pawlu qabbel il-kongregazzjoni maʼ ġisem uman. Ġeħova għamel il-partijiet kollha tal-ġisem bħala li huma taʼ valur. (1 Korintin 12:23, 24) Kull wieħed minna wkoll hu taʼ valur għal Ġeħova. Hu ma jqabbilniex m’oħrajn u ma jiqafx iħobbna meta niżbaljaw. Aħna nistgħu nħossuna protetti ladarba nafu li Ġeħova jħobbna.

17. Kif se nibbenefikaw jekk infittxu t-tajjeb f’oħrajn?

17 It-tielet, se nkunu iktar modesti meta nfittxu t-tajjeb f’oħrajn, bħalma jagħmel Ġeħova. Minflok ma dejjem nipprovaw niġbdu l-attenzjoni lejna jew ngħidu lil oħrajn x’għandhom jagħmlu, se nsaqsuhom għal pariri u nkunu lesti naċċettaw l-ideat tagħhom. (Proverbji 13:10) Aħna nkunu ferħanin għal ħutna rġiel u nisa meta jirċievu inkarigi speċjali. U nirringrazzjaw lil Ġeħova li jħalli lil kull wieħed u waħda minna jaqdih.—1 Pietru 5:9.

18. It-taħriġ tal-kuxjenza tagħna kif se jgħinna nkunu iktar modesti?

18 Ir-rabaʼ, se nkunu iktar modesti meta nużaw prinċipji Bibliċi biex inħarrġu l-kuxjenza tagħna. Dawn il-prinċipji jgħallmuna kif Ġeħova jħossu u jaħseb. Meta nitgħallmu naraw l-affarijiet mill-ħarsa taʼ Ġeħova, inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh. Hekk kif nistudjaw, nitolbu, u napplikaw dak li nitgħallmu, il-kuxjenza tagħna se tissaħħaħ. (1 Timotju 1:5) Aħna nitgħallmu npoġġu lil oħrajn qabilna. Jekk nagħmlu dawn l-affarijiet, Ġeħova jwegħedna li se ‘jtemm it-taħriġ tagħna,’ u dan jinkludi li jgħinna nkunu iktar modesti.—1 Pietru 5:10.

19. X’se jgħinna nibqgħu modesti għal dejjem?

19 Tiftakru l-profeta minn Ġuda li semmejna fil-bidu taʼ dan l-artiklu? Minħabba li ma baqax modest, hu tilef ħajtu u l-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Imma aħna nistgħu nibqgħu modesti anki meta dan ikun diffiċli biex nagħmluh. Il-ħafna eżempji tal-qaddejja leali taʼ Ġeħova juru li dan hu possibbli. Iktar ma naqdu lil Ġeħova, iktar għandna nafdaw fih. (Proverbji 8:13) Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, xorta nistgħu nimxu maʼ Ġeħova. Dan hu l-ikbar unur li jistaʼ jkollna. Mela ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu modesti u nimxu maʼ Ġeħova għal dejjem.