Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Orbot qalbek maʼ teżori spiritwali

Orbot qalbek maʼ teżori spiritwali

“Fejn hemm it-​teżor tagħkom, hemm tkun qalbkom ukoll.”—LUQA 12:34.

GĦANJIET: 153, 104

1, 2. (a) Liema huma tliet teżori prezzjużi mingħand Ġeħova? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

ĠEĦOVA hu l-​iktar Persuna sinjura fl-​univers. Kollox jappartjeni lilu. (1 Kronaki 29:11, 12) Imma Ġeħova hu ġeneruż ħafna maʼ kulħadd. Kemm aħna grati li hu qasam ħafna teżori spiritwali magħna! X’inhuma xi ftit minn dawn it-​teżori? Dawn jinkludu (1) is-​Saltna t’Alla, (2) il-​ministeru tagħna, u (3) il-​veritajiet prezzjużi li nsibu fil-​Kelma tiegħu. Imma jekk ma noqogħdux attenti, maż-​żmien nistgħu ninsew kemm dawn it-​teżori huma taʼ valur. Hemm bżonn li nibqgħu nfakkru lilna nfusna kemm huma taʼ valur u nkabbru mħabbitna għalihom għax, bħalma qal Ġesù, “fejn hemm it-​teżor tagħkom, hemm tkun qalbkom ukoll.”—Luqa 12:34.

2 Ejja nikkunsidraw kif jistaʼ jibqaʼ jkollna mħabba u gratitudni b’saħħitha għas-​Saltna, il-​ministeru, u l-​verità. Hekk kif nagħmlu dan, immedita fuq kif personalment tistaʼ tkabbar imħabbtek għal dawn it-​teżori spiritwali.

IS-​SALTNA T’ALLA HI BĦAL PERLA PREZZJUŻA

3. Ir-​raġel fl-​istorja taʼ Ġesù x’kien lest li jagħmel sabiex jixtri perla waħda? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 Aqra Mattew 13:45, 46. Ġesù qal storja dwar raġel li kien jixtri u jbigħ il-​perli. Darba minnhom, hu sab perla li kienet iktar taʼ valur minn kull perla li qatt ra. Ir-​raġel tant ried il-​perla li biegħ kull ħaġa li kellu biex jixtriha. Tistaʼ timmaġina kemm din kienet prezzjuża għalih?

Jekk inħobbu s-​Saltna daqskemm ir-​raġel apprezza l-​perla, se nkunu lesti nċedu kollox għaliha

4. X’aħna lesti li nagħmlu għas-​Saltna?

4 X’nistgħu nitgħallmu mill-​istorja taʼ Ġesù? Il-​verità tas-​Saltna t’Alla hi bħal din il-​perla prezzjuża. Jekk inħobbu s-​Saltna daqskemm ir-​raġel apprezza l-​perla, se nkunu lesti nċedu kollox sabiex insiru u nibqgħu sudditi tas-​Saltna. (Aqra Marku 10:28-​30.) Ejja naraw kif żewġ persuni għamlu dan.

5. Żakkew x’kien lest li jagħmel għas-​Saltna?

5 Żakkew kien kollettur tat-​taxxi. Hu kien sar sinjur billi jieħu l-​flus b’qerq mingħand in-​nies. (Luqa 19:1-​9) Imma darba, Żakkew semaʼ lil Ġesù jitkellem dwar is-​Saltna. Dak li semaʼ tant għoġbu li ried jinbidel kompletament. Hu qal: “Ara! Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-​foqra, u kulma ħadt b’qerq u b’akkuża falza mingħand xi ħadd se rroddu lura għal erbaʼ darbiet.” Żakkew ta lura l-​flus li kien ħa m’għand in-​nies u ma baqax ikun rgħib.

6. Waħda mara x’bidliet għamlet, u għala?

6 Meta waħda mara semgħet dwar is-​Saltna ftit tas-​snin ilu, hi kienet involuta f’relazzjoni lesbjana. Hi kienet ukoll il-​president taʼ organizzazzjoni li ġġieldet għad-​drittijiet tal-​omosesswali. Imma hekk kif studjat il-​Bibbja u tgħallmet dwar il-​valur tas-​Saltna t’Alla, hi rrealizzat li kellha bżonn tagħmel bidliet kbar f’ħajjitha. (1 Korintin 6:9, 10) Minħabba l-​imħabba li kellha għal Ġeħova, hi telqet minn din l-​organizzazzjoni u temmet ir-​relazzjoni lesbjana tagħha. Hi tgħammdet fl-​2009, u s-​sena taʼ wara bdiet taqdi bħala pijuniera regolari. Hi għamlet dawn il-​bidliet kbar għax l-​imħabba li kellha għal Ġeħova kienet iktar b’saħħitha minn kwalunkwe xewqa mhux xierqa li kellha.—Marku 12:29, 30.

7. X’jistaʼ jdgħajfilna mħabbitna għas-​Saltna t’Alla?

7 Sabiex insiru sudditi tas-​Saltna t’Alla, ħafna minna kellna nibdlu ħajjitna kompletament. (Rumani 12:2) Imma l-​ġlieda tagħna ma tiqafx hawn. M’għandna nħallu xejn idgħajfilna l-​imħabba tagħna għas-​Saltna, inkluż l-​imħabba għal affarijiet materjali jew xi xewqa sesswali immorali. (Proverbji 4:23; Mattew 5:27-​29) Biex jgħinna nżommu mħabbitna għas-​Saltna t’Alla b’saħħitha, Ġeħova tana teżor ieħor taʼ valur.

IL-​MINISTERU TAGĦNA JSALVA L-​ĦAJJIET

8. (a) L-​appostlu Pawlu għala ddeskriva l-​ministeru tagħna bħala “teżor f’reċipjenti tal-​fuħħar”? (b) Pawlu kif wera li ħabb il-​ministeru?

8 Ġesù tana l-​inkarigu ta li nippritkaw u ngħallmu l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. (Mattew 28:19, 20) L-​appostlu Pawlu ddeskriva l-​ministeru bħala teżor li jinġarr f’reċipjenti, jew ġarar, tal-​fuħħar. (2 Korintin 4:7; 1 Timotju 1:12) Minħabba l-​imperfezzjoni tagħna, aħna bħal dawn il-​ġarar tal-​fuħħar. Imma l-​messaġġ li nippritkaw hu bħal teżor prezzjuż għax jistaʼ jwassal għal ħajja taʼ dejjem għalina u għal dawk li jisimgħuna. Huwa għalhekk li Pawlu qal: “Nagħmel kollox minħabba l-​aħbar tajba, biex naqsam dan il-​messaġġ m’oħrajn.” (1 Korintin 9:23) Pawlu ħadem iebes biex jgħallem lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla. (Aqra Rumani 1:14, 15; 2 Timotju 4:2.) L-​imħabba għall-​aħbar tajba għenitu jkompli jipprietka minkejja li ffaċċja persekuzzjoni ħarxa. (1 Tessalonikin 2:2) Kif nistgħu nimitaw l-​imħabba li kellu Pawlu għall-​ministeru?

Il-​messaġġ li nippritkaw hu bħal teżor prezzjuż għax jistaʼ jwassal għal ħajja taʼ dejjem għalina u għal dawk li jisimgħuna

9. X’inhuma xi modi kif nistgħu nuru li nħobbu l-​ministeru?

9 Mod wieħed kif Pawlu wera li kien iħobb il-​ministeru kien billi juża kull opportunità biex jitkellem m’oħrajn. Bħal Pawlu u l-​Kristjani tal-​bidu, aħna wkoll naqsmu l-​aħbar tajba man-​nies minn dar għal dar, f’postijiet pubbliċi, u kull fejn nistgħu nsibuhom. (Atti 5:42; 20:20) Aħna nfittxu modi biex nippritkaw lil kemm jistaʼ jkun nies. Jekk iċ-​ċirkustanzi jippermettu, forsi nistgħu naqdu bħala pijunieri awżiljarji jew pijunieri regolari. Jew nistgħu nitgħallmu lingwa oħra, immorru ngħixu f’parti oħra taʼ pajjiżna stess, jew saħansitra f’pajjiż ieħor.—Atti 16:9, 10.

10. Irene x’benefiċċji esperjenzat minħabba li ħadmet iebes biex taqsam l-​aħbar tajba?

10 Irene, oħt mhix miżżewġa fl-​Istati Uniti, riedet taqsam l-​aħbar tajba man-​nies li jitkellmu bir-​Russu. Għalhekk, fl-​1993 hi marret fi grupp tar-​Russu fil-​belt taʼ New York. Dak iż-​żmien, kien hemm biss madwar 20 pubblikatur f’dan il-​grupp. Wara 20 sena, Irene qalet, “Xorta għadni m’iniex fluwenti bir-​Russu.” Madankollu, Ġeħova għen lilha u lil pubblikaturi oħra biex jippritkaw lin-​nies b’din il-​lingwa. B’hekk, illum fil-​belt taʼ New York hemm sitt kongregazzjonijiet tar-​Russu. Irene studjat il-​Bibbja maʼ ħafna nies, u 15 minnhom tgħammdu. Uħud minnhom jaqdu bħala Beteliti, pijunieri, u anzjani. Irene tgħid, “Meta naħseb dwar miri oħra li stajt segwejt, ma nistax nimmaġina waħda li kienet se ġġibli iktar ferħ.” Irene verament tgħożż il-​ministeru tagħha!

Tgħożżu int il-ministeru tiegħek u tagħmel ħin għalih fl-iskeda tiegħek taʼ kull ġimgħa? (Ara paragrafi 11, 12)

11. X’riżultati pożittivi jiġu milli nkomplu nippritkaw minkejja l-​persekuzzjoni?

11 Jekk ngħożżu l-​ministeru tagħna, se nkunu bħall-​appostlu Pawlu u nkomplu nippritkaw anki meta niġu ppersegwitati. (Atti 14:19-​22) Pereżempju, bejn is-​snin 1930 u 1944, ħutna fl-​Istati Uniti ġew ippersegwitati bl-​aħrax. Imma xorta baqgħu jippritkaw. Meta l-​awtoritajiet ipprovaw iwaqqfuhom, ħutna marru l-​qorti u rebħu ħafna każijiet. Fl-​1943, Ħuna Knorr semma wieħed mill-​każijiet li rbaħna fil-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti. Hu qal li kieku l-​aħwa ma komplewx jippritkaw, ma kien ikun hemm l-​ebda każ li kellu jinġieb quddiem dik il-​Qorti. Hu żied li minħabba li l-​aħwa madwar id-​dinja baqgħu jippritkaw, huma taw prova li l-​persekuzzjoni ma tirnexxix. Aħwa f’pajjiżi oħra wkoll rebħu każijiet legali simili. Iva, imħabbitna għall-​ministeru mhux se tħalli l-​persekuzzjoni twaqqafna milli nippritkaw.

12. X’int determinat li tagħmel?

12 Meta ngħożżu l-​ministeru tagħna, mhux se nkunu moħħna biss fis-​sigħat li niktbu fuq ir-​report. Aħna se nagħmlu kulma nistgħu biex nagħtu “xiehda bir-​reqqa dwar l-​aħbar tajba.” (Atti 20:24; 2 Timotju 4:5) Imma x’se ngħallmuhom lil oħrajn? Ikkunsidra teżor ieħor mingħand Alla.

IL-​VERITAJIET PREZZJUŻI LI NITGĦALLMU

13, 14. X’inhu t-​“teżor maħżun” li Ġesù rrefera għalih f’​Mattew 13:52, u kif nimlewh?

13 It-​tielet teżor li Ġeħova tana hu l-​veritajiet kollha li tgħallimna. Ġeħova hu s-​Sors tal-​verità. (2 Samwel 7:28; Salm 31:5) U bħala Missier ġeneruż, hu jrid jaqsam dawn il-​veritajiet magħna. Mindu smajna dwar il-​verità, aħna tgħallimna ħafna minn dawn il-​veritajiet permezz tal-​qari tal-​Kelma tiegħu u tal-​pubblikazzjonijiet tagħna u billi attendejna l-​konvenzjonijiet, l-​assembleat, u l-​laqgħat taʼ kull ġimgħa. Hekk kif inġemmgħu iktar u iktar veritajiet, aħna se jkollna dak li Ġesù sejjaħlu “teżor maħżun” taʼ veritajiet “ġodda u qodma.” (Aqra Mattew 13:52.) Ġeħova se jgħinna nimlew il-​maħżen tat-​teżori tagħna jekk infittxu għal veritajiet l-​istess bħalma nfittxu għal teżori moħbijin. (Aqra Proverbji 2:4-​7.) Dan kif se nagħmluh?

14 Hemm bżonn li nistudjaw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna regolarment u nagħmlu riċerka bir-​reqqa. Dan se jgħinna nsiru nafu veritajiet “ġodda” li ma konniex nafu qabel. (Ġożwè 1:8, 9; Salm 1:2, 3) L-​ewwel ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż, ippubblikata f’Lulju 1879, qabblet il-​verità maʼ fjura moħbija f’ħafna ħaxix ħażin. Sabiex xi ħadd isib fjura bħal din, irid ifittex għaliha bir-​reqqa. U meta jsibha, m’għandux jikkuntenta b’waħda biss. Imma għandu jkompli jfittex biex isib iktar u iktar fjuri. B’mod simili, aħna ma rridux nikkuntentaw b’verità waħda biss li nsibu. Imma rridu nkunu ħerqana biex inkomplu nfittxu għal ħafna iktar veritajiet.

15. Għaliex nistgħu nsejħu xi veritajiet bħala li huma “qodma,” u liema minnhom tqis speċjalment taʼ valur?

15 Meta bdejna nistudjaw il-​Bibbja, tgħallimna veritajiet meraviljużi. Issa forsi nsejħulhom veritajiet “qodma” għax kienu l-​ewwel veritajiet li tgħallimna. Liema huma xi ftit minn dawn il-​veritajiet? Fil-​bidu tgħallimna li Ġeħova hu l-​Ħallieq tagħna u li għandu skop għall-​bnedmin. Tgħallimna wkoll li Alla bagħat lil Ibnu fuq l-​art biex imut għalina bħala sagrifiċċju tal-​fidwa biex b’hekk aħna nkunu nistgħu ninħelsu mid-​dnub u l-​mewt. U tgħallimna li s-​Saltna t’Alla se ttemm it-​tbatija kollha u li nistgħu ngħixu għal dejjem fuq l-​art fil-​paċi u l-​ferħ.—Ġwanni 3:16; Rivelazzjoni 4:11; 21:3, 4.

16. X’hemm bżonn nagħmlu meta jkun hemm aġġustamenti fil-​fehma tagħna taʼ veritajiet Bibliċi?

16 Xi drabi, il-​fehma tagħna taʼ profezija Biblika jew skrittura tistaʼ tiġi aġġustata. Meta jiġri dan, hu importanti li nieħdu l-​ħin sabiex nistudjaw l-​aġġustament u nimmeditaw fuqu. (Atti 17:11; 1 Timotju 4:15) M’għandniex biss nifhmu d-​differenza prinċipali bejn il-​fehma l-​antika u l-​ġdida, imma rridu wkoll noqogħdu attenti għad-​dettalji tal-​fehma l-​ġdida. Studju bir-​reqqa bħal dan se jgħinna nagħmlu ċert li l-​verità l-​ġdida ssir parti mit-​teżor maħżun tagħna. Għala hu tajjeb li nagħmlu sforzi bħal dawn?

17, 18. L-​ispirtu qaddis kif jistaʼ jgħinna?

17 Ġesù għallem li l-​ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna niftakru affarijiet li nkunu tgħallimna fil-​passat. (Ġwanni 14:25, 26) Dan kif jistaʼ jgħinna meta nkunu qed nippritkaw l-​aħbar tajba? Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ ħu jismu Peter. Fl-​1970, hu kellu 19-​il sena u kien għadu kif beda jaqdi f’Betel fil-​Brittanja. Peter kien qed jipprietka minn dar għal dar u ltaqaʼ maʼ raġel bid-​daqna li kellu madwar 50 sena. Hu staqsa lir-​raġel jekk xtaqx jifhem il-​Bibbja. Ir-​raġel kien rabbi Lhudi, u kien ixxokkjat li raġel żagħżugħ ħaseb li setaʼ jgħallmu l-​Bibbja. Biex jittestja lil Peter, ir-​rabbi staqsieh, “Allura, ibni, b’liema lingwa ġie miktub il-​ktieb taʼ Danjel?” Peter qal, “Parti minnu ġie miktub bl-​Aramajk.” Peter jiftakar, “Ir-​rabbi kien sorpriż li kont naf it-​tweġiba—imma mhux sorpriż daqskemm kont jien! Kif kont naf it-​tweġiba? Meta mort id-​dar u ċċekkjajt ir-​rivisti tat-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! tax-​xhur taʼ qabel, sibt artiklu li spjega li Danjel ġie miktub bl-​Aramajk.” (Danjel 2:4, nota taʼ taħt) Iva, l-​ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna niftakru informazzjoni li nkunu qrajna u poġġejna fil-​maħżen tat-​teżori tagħna fil-​passat.—Luqa 12:11, 12; 21:13-​15.

18 Jekk inħobbu l-​veritajiet li tgħallimna mingħand Ġeħova u aħna grati għalihom, se nkunu rridu nkomplu nżiduhom mat-​teżor maħżun tagħna. Iktar kemm nagħmlu dan, iktar se nħossuna ppreparati biex ngħallmu lil oħrajn.

IPPROTEĠI T-​TEŻORI TIEGĦEK

19. Għala għandna nipproteġu t-​teżori spiritwali tagħna?

19 F’dan l-​artiklu, tgħallimna kemm hu importanti li napprezzaw it-​teżori spiritwali. Imma rridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex ma nħallux lil Satana u did-​dinja jdgħajfulna mħabbitna għal dawn it-​teżori. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu niġu aljenati minn affarijiet bħal ċans għal xogħol b’paga għolja, il-​ħolma li ngħixu ħajja lussuża, jew ix-​xewqa biex niftaħru bl-​affarijiet materjali li għandna. L-​appostlu Ġwanni jfakkarna li din id-​dinja u kulma fiha dalwaqt se jgħaddu. (1 Ġwanni 2:15-​17) Huwa għalhekk li għandna nibqgħu nkunu grati għat-​teżori spiritwali tagħna u nipproteġuhom.

20. X’int determinat li tagħmel biex tipproteġi t-​teżori spiritwali tiegħek?

20 Kun lest li titlaq kull ħaġa li tistaʼ ddgħajjiflek l-​imħabba li għandek għas-​Saltna t’Alla. Kun determinat li tipprietka biż-​żelu, u qatt titlef imħabbtek għall-​ministeru. Kompli fittex għal veritajiet Bibliċi. Hekk kif tagħmel dan, int se taħżen “teżor fis-​smewwiet . . . fejn la l-​ħalliel ma jersaq u lanqas il-​kamla ma tiekol. Għax fejn hemm it-​teżor tagħkom, hemm tkun qalbkom ukoll.”—Luqa 12:33, 34.