Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm ħarstek fuq l-​iktar kwistjoni importanti

Żomm ħarstek fuq l-​iktar kwistjoni importanti

“Biex in-​nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.”—SALM 83:18.

GĦANJIET: 46, 136

1, 2. (a) Liema kwistjoni importanti taffettwa lill-​bnedmin kollha? (b) Din il-​kwistjoni għala hi importanti għalina?

GĦAL ħafna nies illum, il-​flus huma l-​iktar ħaġa importanti. Fuq hekk biss jaħsbu u jinkwetaw. Huma jqattgħu ħinhom jipprovaw jaqilgħu iktar flus jew irekknuhom. Għal nies oħra, l-​iktar ħaġa importanti hija l-​familja tagħhom, saħħithom, jew l-​affarijiet li jridu jagħmlu fil-​ħajja.

2 Teżisti kwistjoni li hi bil-​wisq iktar importanti minn kwalunkwe waħda minn dawn l-​affarijiet. Din il-​kwistjoni hi li jintwera biċ-​ċar id-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova. Hu importanti ħafna li qatt ma nieqfu niffokaw fuq din il-​kwistjoni. Jekk ma noqogħdux attenti, tant nistgħu nsiru okkupati bil-​ħajja taʼ kuljum jew tant ninkwetaw dwar il-​problemi tagħna stess li ninsew l-​importanza tagħha. Jekk aħna nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, se nkunu nistgħu nittrattaw aħjar mal-​problemi fil-​ħajja taʼ kuljum tagħna, u se nersqu eqreb lejn Ġeħova.

DIN IL-​KWISTJONI GĦALA HI IMPORTANTI?

3. Xi jsostni Satana dwar it-​tmexxija t’Alla?

3 Satana x-​Xitan qajjem mistoqsija dwar jekk Ġeħova għandux id-​dritt li jmexxi. Satana jrid lill-​bnedmin jaħsbu li Ġeħova hu Mexxej korrott u li Hu ma jixtieqx dak li hu l-​aħjar għalina. Satana ried jgħid li n-​nies ikunu iżjed ferħanin jekk imexxu lilhom infushom. (Ġenesi 3:1-​5) Hu ried jgħid ukoll li l-​ebda bniedem mhu tassew leali lejn Alla u jekk il-​ħajja ssir diffiċli ħafna, kwalunkwe bniedem jirrifjuta lil Alla bħala Mexxej. (Ġob 2:4, 5) Allura Ġeħova qed iħalli ż-​żmien għaddej sabiex jagħmilha ċara għal kulħadd li l-​ħajja mingħajr Alla bħala Mexxej tkun miżerabbli.

4. Għala l-​kwistjoni tas-​sovranità għandha tiġi ssetiljata?

4 M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova jaf li l-​akkużi tax-​Xitan huma gideb. Allura għala ppermetta ż-​żmien għal Satana biex dan jipprova juri jekk kellux raġun? It-​tweġiba tinvolvi lil kulħadd, kemm fis-​sema kif ukoll fuq l-​art. (Aqra Salm 83:18.) Adam u Eva rrifjutaw it-​tmexxija taʼ Ġeħova, u hekk għamlu ħafna oħrajn minn dak iż-​żmien ’l hawn. Dan jistaʼ jġiegħel lil xi wħud jaħsbu li x-​Xitan għandu raġun. Sakemm il-​kwistjoni tibqaʼ mhux issetiljata fl-​imħuħ tal-​bnedmin jew l-​anġli, ma jistax ikun hemm paċi u unità vera. Imma wara li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova, kulħadd se jgħix taħt it-​tmexxija meraviljuża tiegħu għal dejjem. Se jkun hemm il-​paċi fl-​univers kollu.—Efesin 1:9, 10.

5. Kif aħna involuti fil-​kwistjoni tas-​sovranità?

5 Id-​dritt tas-​sovranità t’Alla se jintwera, u t-​tmexxija minn Satana u l-​bnedmin se tisfaxxa u titneħħa. It-​tmexxija minn Alla permezz tas-​Saltna Messjanika se tirnexxi. Nies leali se jkunu taw prova li l-​bnedmin jistgħu jżommu l-​lealtà tagħhom u jappoġġjaw lealment it-​tmexxija t’Alla. (Isaija 45:23, 24) Irridu aħna nkunu fost dawn l-​uħud leali? Dażgur! Allura, għandna bżonn nifhmu kemm din il-​kwistjoni hi verament importanti.

LI TINGĦATA PROVA TAD-​DRITT TAT-​TMEXXIJA T’ALLA HU IKTAR IMPORTANTI MIS-​SALVAZZJONI

6. Kemm hu importanti li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova?

6 Li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova hu iktar importanti mill-​kuntentizza personali tagħna. Iżda dan ma jfissirx li s-​salvazzjoni tagħna mhix importanti jew li Ġeħova mhux tassew jimpurtah minna. Dan kif nafuh?

Li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova hu iktar importanti mill-​kuntentizza personali u s-​salvazzjoni tagħna

7, 8. Li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità t’Alla kif se jkun taʼ benefiċċju għalina?

7 Ġeħova jħobbhom ħafna lill-​bnedmin. Fil-​fatt, tant aħna prezzjużi għalih li tana lil Ibnu biex ikun jistaʼ jkollna l-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 4:9) Kieku Ġeħova ma jżommx il-​wegħdi tiegħu għall-​futur, Satana u opponenti oħrajn ikollhom raġun. Satana jsostni li Ġeħova hu giddieb li jċaħħad lill-​bnedmin minn affarijiet tajbin u jmexxi b’mod inġust. Nies li jopponu jwaqqgħu għaċ-​ċajt il-​wegħdi taʼ Ġeħova u jgħidu: “Fejn hi din il-​preżenza mwiegħda tiegħu? Għax minn dakinhar li missirijietna raqdu fil-​mewt, kollox għadu għaddej eżatt bħalma kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.” (2 Pietru 3:3, 4) Imma Ġeħova se jżomm kelmtu. Hu għamel ċert illi li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità tiegħu jinkludi salvazzjoni għal bnedmin ubbidjenti. (Aqra Isaija 55:10, 11.) Is-​sovranità taʼ Ġeħova hi mibnija fuq l-​imħabba. Allura nistgħu nkunu ċerti li hu dejjem se jħobb u japprezza l-​qaddejja leali tiegħu.—Eżodu 34:6.

8 Il-​fatt li s-​sovranità taʼ Ġeħova hi kwistjoni daqstant importanti ma jfissirx li s-​salvazzjoni tagħna mhix importanti għalih. Ġeħova jimpurtah profondament minna. Hemm bżonn li niftakru x’inhu l-​iktar importanti u nappoġġjaw lealment it-​tmexxija taʼ Ġeħova.

KIF ĠOB BIDDEL IL-​ĦARSA TIEGĦU

9. X’qal Satana dwar Ġob? (Ara l-​ewwel stampa.)

9 Huwa importanti li jkollna l-​ħarsa t-​tajba dwar is-​sovranità taʼ Ġeħova. Jistaʼ jkollna din il-​ħarsa billi naqraw il-​ktieb taʼ Ġob, wieħed mill-​ewwel kotba tal-​Bibbja li nkitbu. Hemm naqraw li Satana sostna illi li kieku Ġob sofra ħafna, kien se jiċħad lil Alla. Satana saħansitra qal lil Alla biex iġiegħel lil Ġob isofri. Ġeħova ma kienx se jagħmel dan, iżda ppermetta lil Satana biex jittestja lil Ġob u qal: “Kulma għandu hu f’idek.” (Aqra Ġob 1:7-​12.) Ftit wara dan, Ġob tilef lill-​qaddejja tiegħu u l-​affarijiet li kellu. Imbagħad sab li l-​għaxart itfal tiegħu kienu mietu b’mod traġiku. Satana għamilha tidher li Alla kien ikkaġuna dawn it-​traġedji. (Ġob 1:13-​19) Imbagħad, Satana marrad lil Ġob b’marda taʼ wġigħ u moqżieża. (Ġob 2:7) Biex l-​affarijiet imorru iżjed għall-​agħar, mart Ġob stess u tlett iħbieb foloz ilkoll qalulu affarijiet li jweġġgħu u jiskuraġġixxu.—Ġob 2:9; 3:11; 16:2.

10. (a) Ġob kif wera l-​integrità tiegħu lejn Alla? (b) Ġob għala kellu bżonn korrezzjoni?

10 L-​istqarrija taʼ Satana kienet tajba? Le. Għalkemm Ġob sofra traġedji tal-​biżaʼ, hu qatt ma ċaħad lil Ġeħova. (Ġob 27:5) Iżda wara ftit, Ġob nesa x’kien tassew importanti u ħaseb l-​iktar dwaru nnifsu. Hu baqaʼ jgħid li m’għamel xejn ħażin. Ġob ukoll ħass li kien jistħoqqlu jkun jaf għala kien qed isofri. (Ġob 7:20; 13:24) Forsi aħna nistgħu nifhmu kif ħassu Ġob. Madankollu, Ġeħova kien jaf li Ġob kellu l-​ħarsa żbaljata u kkoreġieh. Kif għamel dan?

11, 12. Ġeħova x’għenu japprezza lil Ġob? Ġob kif wieġeb?

11 Aħna nistgħu naqraw dak li Ġeħova qal lil Ġob minn kapitli 38 sa 41 tal-​ktieb taʼ Ġob. Ġeħova ma spjegax lil Ġob għala kien qed isofri. Minflok, Ġeħova ried jgħinu jifhem kemm kien ċkejken meta mqabbel m’Alla. Hu għallem lil Ġob li kien hemm kwistjonijiet bil-​wisq iktar importanti mill-​problemi taʼ Ġob stess. (Aqra Ġob 38:18-​21.) Kliem Ġeħova għen lil Ġob jirranġa l-​ħarsa tiegħu.

12 Kien Ġeħova qed juri nuqqas taʼ qalb tajba meta tkellem maʼ Ġob b’dan il-​mod wara dak kollu li kien għadda minnu? Le, u lanqas Ġob innifsu m’għaddielu minn moħħu. Hu fehem u apprezza l-​parir taʼ Ġeħova. Saħansitra qal: “Nirtira dak li għedt, u nindem fit-​trab u l-​irmied.” (Ġob 42:1-​6) Iżjed qabel, żagħżugħ jismu Eliħu kien għen ukoll lil Ġob biex jirranġa l-​ħsieb tiegħu. (Ġob 32:5-​10) Wara li Ġob semaʼ mill-​parir kollu mħabba taʼ Ġeħova u biddel il-​ħarsa tiegħu, Ġeħova wera lil oħrajn li kien kuntent bil-​lealtà taʼ Ġob.—Ġob 42:7, 8.

13. Il-​parir taʼ Ġeħova kif setaʼ jgħin lil Ġob wara li l-​provi tiegħu kienu għaddew?

13 Il-​parir taʼ Ġeħova baqaʼ jkun taʼ benefiċċju għal Ġob anke wara li l-​provi tiegħu kienu għaddew. “Ġeħova bierek it-​tmiem taʼ Ġob iktar mill-​bidu tiegħu.” Maż-​żmien, hu “kellu wkoll sebaʼ subien u tlett ibniet” oħra. (Ġob 42:12-​14) Għalkemm Ġob kien iħobb lil dawn it-​tfal, żgur li mmissja lil dawk li kienu mietu. U probabbilment qatt ma nesa l-​affarijiet kollha tal-​biżaʼ li ġraw lilu u lil familtu. Anke jekk fl-​aħħar mill-​aħħar Ġob tgħallem ir-​raġuni għall-​provi tiegħu, xorta setaʼ tħasseb għala Alla ħallieh isofri daqshekk. Jekk Ġob kellu ħsibijiet bħal dawn, hu setaʼ jiftakar dak li Ġeħova kien qallu. Dan kien se jfarrġu u jgħinu jkollu l-​ħarsa t-​tajba.—Salm 94:19.

Nistgħu niffokaw fuq is-sovranità taʼ Ġeħova minflok fuq il-problemi tagħna stess? (Ara paragrafu 14)

14. X’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Ġob?

14 Li nimmeditaw dwar dak li ġara lil Ġob jistaʼ jgħinna nirranġaw il-​ħsieb tagħna u jistaʼ jfarraġna. Il-​ktieb taʼ Ġob huwa parti mill-​kitba mnebbħa minn Ġeħova “għall-​istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-​sabar tagħna u permezz tal-​faraġ mill-​Iskrittura [aħna] jkollna t-​tama.” (Rumani 15:4) Dan jgħallimna li m’għandniex naħsbu tant dwar il-​problemi tagħna stess li mbagħad nieqfu naħsbu dwar li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova. L-​istess bħal Ġob, aħna nuru l-​appoġġ tagħna għas-​sovranità taʼ Ġeħova billi nibqgħu leali lejh anke meta l-​ħajja tkun diffiċli.

15. X’se jirriżulta meta nibqgħu leali fil-​provi?

15 L-​esperjenza taʼ Ġob tistaʼ tfarraġna għax turi li l-​provi ma jfissrux li Ġeħova hu rrabjat magħna. Il-​provi jagħtuna opportunità biex nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova. (Proverbji 27:11) Meta nissaportu bil-​lealtà, aħna nogħġbu lil Ġeħova, u t-​tama tagħna għall-​futur issir iktar b’saħħitha. (Aqra Rumani 5:3-​5.) L-​esperjenza taʼ Ġob turina li “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.” (Ġakbu 5:11) Jekk nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, hu se jippremjana. Li nkunu nafu dan jgħinna ‘nissaportu bis-​sħiħ u nibqgħu nistabru bil-​ferħ.’—Kolossin 1:11.

NIBQGĦU FFOKATI

16. Għala għandna bżonn infakkru lilna nfusna illi li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova hu importanti ħafna?

16 Veru, jistaʼ jkun diffiċli tiffoka fuq li tingħata prova tad-​dritt tas-​sovranità taʼ Ġeħova meta tkun qed tittratta maʼ problemi fil-​ħajja. Anke problemi żgħar jistgħu jidhru kbar jekk naħsbu żżejjed dwarhom. Allura kontinwament għandna bżonn infakkru lilna nfusna kemm hu importanti li nappoġġjaw is-​sovranità t’Alla jkunu xi jkunu d-​diffikultajiet li nesperjenzaw.

Li jkollna ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinna niftakru x’inhu verament importanti

17. Li jkollna ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol taʼ Ġeħova kif jistaʼ jgħinna niffokaw fuq dak li hu verament importanti?

17 Li jkollna ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol taʼ Ġeħova jistaʼ jgħinna niftakru x’inhu verament importanti. Pereżempju, oħt jisimha Renee tatha puplesija, kienet muġugħa l-​ħin kollu, u kellha kanċer ukoll. Waqt li kienet l-​isptar, tat xhieda lil dawk li kienu jaħdmu hemm, lil pazjenti oħra, u lil dawk li jżuru lill-​morda. Darba, meta Renee damet ġimagħtejn u nofs l-​isptar, hi ppritkat għal 80 siegħa. Għalkemm kienet taf li kienet se tmut, qatt ma nsiet x’kien verament importanti. L-​appoġġ tagħha għas-​sovranità taʼ Ġeħova ġegħelha tħossha fil-​paċi.

18. X’tgħallimna l-​esperjenza taʼ Jennifer dwar li nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova?

18 Aħna nistgħu wkoll nappoġġjaw is-​sovranità taʼ Ġeħova meta nkunu qed nittrattaw maʼ problemi iżgħar li jkollna kuljum. Oħt jisimha Jennifer qattgħet tlett ijiem f’ajruport tistenna ajruplan biex tmur lura d-​dar. Hekk kif titjira wara l-​oħra ġiet kanċellata, Jennifer ħassitha waħedha u għajjiena mejta. Setgħet bdiet titħassar ħafna lilha nfisha. Imma minflok, Jennifer talbet biex Ġeħova jgħinha taqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn li kienu qed jistennew fl-​ajruport. Spiċċat tagħti xhieda lil ħafna nies u ħalliet ħafna letteratura magħhom. Jennifer qalet, “Ħassejt li Ġeħova berikni minkejja l-​esperjenza diffiċli u tani biżżejjed saħħa biex infaħħar lil ismu.”

19. X’jidentifika lill-​aduraturi veri?

19 In-​nies taʼ Ġeħova biss jifhmu verament l-​importanza tas-​sovranità taʼ Ġeħova. Din il-​fehma tidentifika lill-​aduraturi veri. Għalhekk, kull wieħed u waħda minna għandu jagħmel ċert li jibqaʼ jappoġġja s-​sovranità taʼ Ġeħova.

20. Kif iħossu Ġeħova dwar dak kollu li tagħmel int biex tappoġġja s-​sovranità tiegħu?

20 Ġeħova jagħti kas u japprezza kulma tagħmel int biex tappoġġja s-​sovranità tiegħu hekk kif taqdih lealment u tissaporti l-​provi. (Salm 18:25) L-​artiklu li jmiss se jispjega iktar għala s-​sovranità taʼ Ġeħova jistħoqqilha l-​appoġġ tiegħek u kif tistaʼ tappoġġjaha iktar bis-​sħiħ.