Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Erbaʼ karrijiet u kuruna jipproteġuk

Erbaʼ karrijiet u kuruna jipproteġuk

“Dan irid iseħħ—jekk ma tonqsux li tisimgħu minn leħen Ġeħova Alla tagħkom.”—ŻAKKARIJA 6:15.

GĦANJIET: 17, 136

1, 2. X’kienet is-​sitwazzjoni tal-​Lhud f’Ġerusalemm fi tmiem is-​sebaʼ viżjoni taʼ Żakkarija?

HEKK kif spiċċat is-​sebaʼ viżjoni taʼ Żakkarija, hu kellu ħafna fuqiex jaħseb. Żgur li ħassu msaħħaħ bil-​wegħda taʼ Ġeħova li jikkastiga nies diżonesti. Imma fil-​fatt xejn ma kien inbidel. Ħafna xorta kienu għadhom qed jagħmlu affarijiet ħżiena u diżonesti, u l-​bini mill-​ġdid tat-​tempju f’Ġerusalemm ma kienx tlesta. Il-​Lhud għala kienu abbandunawh malajr ix-​xogħol li kien tahom Ġeħova? Kienu marru lura Ġerusalemm sempliċiment biex itejbu ħajjithom?

2 Żakkarija kien jaf li l-​Lhud li marru lura Ġerusalemm kienu aduraturi taʼ Ġeħova. Huma kienu l-​uħud li ‘l-​ispirtu tagħhom tqanqal mill-​Alla l-​veru’ biex jitilqu d-​djar u n-​negozji tagħhom f’Babilonja. (Esdra 1:2, 3, 5) Huma ħallew post li kienu jafu sew biex imorru joqogħdu f’art li ħafna minnhom qatt ma kienu rawha. Il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju tant kien importanti għal dawn il-​Lhud, li kienu lesti jagħmlu l-​vjaġġ perikoluż taʼ xi 1,600 kilometru fuq art muntanjuża u mħarbta.

3, 4. Liema sfidi kellhom il-​Lhud li marru lura Ġerusalemm?

3 Immaġina l-​vjaġġ twil minn Babilonja għal Ġerusalemm. In-​nies kellhom ħafna ħin biex jaħsbu u jitkellmu dwar dik li kienet se tkun id-​dar tagħhom. Uħud kbar fl-​età kienu qalulhom kemm darba Ġerusalemm u t-​tempju kienu sbieħ. (Esdra 3:12) Li kieku kont qed tivvjaġġa magħhom, kif kont tħossok l-​ewwel darba li tara ’l Ġerusalemm? Kont tkun imdejjaq li tara l-​bini rrovinat miksi ħaxix ħażin u s-​swar imġarrfin tal-​belt b’toqob kbar fejn darba kien hemm il-​bibien u t-​torrijiet? Forsi kont tqabbel dawn is-​swar imġarrfin mas-​swar enormi u b’saħħithom taʼ Babilonja. Imma l-​Lhud ma kinux skuraġġiti. Għala le? Għaliex waqt il-​vjaġġ twil tagħhom, Ġeħova kien għenhom u pproteġiehom. Hekk kif waslu Ġerusalemm, huma bnew artal fejn qabel kien hemm it-​tempju u kuljum bdew joffru sagrifiċċji lil Ġeħova. (Esdra 3:1, 2) Huma kienu mimlijin żelu u lesti biex jaħdmu. Deher li xejn ma setaʼ jwaqqafhom.

4 Flimkien mal-​bini mill-​ġdid tat-​tempju, il-​Lhud kellhom jerġgħu jibnu l-​bliet u d-​djar tagħhom. Huma kellhom bżonn jaħdmu l-​għelieqi sabiex ikunu jistgħu jipprovdu ikel għal familthom. (Esdra 2:70) L-​ammont taʼ xogħol li kellhom jagħmlu deher enormi. L-​għedewwa tagħhom ma damux ma marru u pprovaw iwaqqfuhom. Din l-​oppożizzjoni baqgħet għaddejja għal 15-​il sena, u l-​Lhud bil-​mod il-​mod saru skuraġġiti. (Esdra 4:1-​4) Sfida oħra tfaċċat fis-​sena 522, meta s-​sultan Persjan ordna li kull bini f’Ġerusalemm jitwaqqaf. Kien jidher li l-​belt qatt ma kienet se terġaʼ tinbena.—Esdra 4:21-​24.

5. Ġeħova kif għen lill-​poplu tiegħu?

5 Ġeħova kien jaf li l-​poplu tiegħu kellu bżonn is-​saħħa u l-​kuraġġ. Sabiex jassigurahom li kien iħobbhom u japprezza l-​isforzi tagħhom biex jaqduh, hu ta lil Żakkarija viżjoni tal-​aħħar. Hu wiegħed li jipproteġihom jekk jerġgħu lura għax-​xogħol li kien tahom. Dwar il-​bini mill-​ġdid tat-​tempju, Ġeħova qal: “Dan irid iseħħ—jekk ma tonqsux li tisimgħu minn leħen Ġeħova Alla tagħkom.”—Żakkarija 6:15.

ARMATA T’ANĠLI

6. (a) Kif bdiet it-​tmien viżjoni taʼ Żakkarija? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Iż-​żwiemel għala kienu taʼ kulur differenti?

6 It-​tmien u l-​aħħar viżjoni taʼ Żakkarija tistaʼ tkun l-​iktar waħda li ssaħħaħ il-​fidi minnhom kollha. (Aqra Żakkarija 6:1-​3.) Ipprova immaġina dak li ra Żakkarija. “Minn bejn żewġ muntanji” tar-​ram aħmar ġew żwiemel jiġbdu erbaʼ karrijiet. Iż-​żwiemel kienu taʼ kulur differenti, u dan għamilha faċli biex jingħaraf rikkieb minn ieħor. Żakkarija staqsa: “X’inhuma dawn?” (Żakkarija 6:4) Anke aħna rridu nkunu nafu, għax il-​viżjoni taffettwa lilna.

7, 8. (a) X’jirrappreżentaw iż-​żewġ muntanji? (b) Il-​muntanji għala huma tar-​ram aħmar?

7 Fil-​Bibbja, il-​muntanji jistgħu jirrappreżentaw saltniet, jew gvernijiet. Il-​muntanji li Żakkarija ra huma simili għal żewġ muntanji li naqraw dwarhom fil-​profezija taʼ Danjel. Waħda minn dawn il-​muntanji tirrappreżenta t-​tmexxija universali taʼ Ġeħova li hi għal dejjem, u l-​oħra tirrappreżenta s-​Saltna t’Alla mmexxija minn Kristu bħala s-​Sultan tagħha. (Danjel 2:35, 45) Sa mill-​ħarifa tal-​1914, meta Ġesù sar Sultan, dawn iż-​żewġ muntanji kienu jeżistu u kellhom irwol speċjali f’li jitwettaq l-​iskop t’Alla għall-​art.

Ġeħova għadu qed juża l-​anġli tiegħu biex jipproteġi u jsaħħaħ lill-​poplu tiegħu

8 Il-​muntanji għala huma tar-​ram aħmar? Ir-​ram aħmar hu metall ileqq taʼ valur kbir. Infatti, Ġeħova qal lill-​Iżraelin biex jużaw ram aħmar meta bnew it-​tabernaklu u iktar tard it-​tempju f’Ġerusalemm. (Eżodu 27:1-​3; 1 Slaten 7:13-​16) Il-​fatt li dawn il-​muntanji huma tar-​ram aħmar jenfasizza l-​kwalità eċċellenti tas-​sovranità universali taʼ Ġeħova u tas-​Saltna t’Alla mmexxija minn Kristu, li se tgħin lill-​bnedmin iħossuhom fis-​sigurtà u ġġibilhom ħafna barkiet.

9. X’jirrappreżentaw il-​karrijiet u r-​rikkieba tagħhom, u x’inkarigu għandhom?

9 X’jirrappreżentaw il-​karrijiet u r-​rikkieba tagħhom? Dawn jirrappreżentaw anġli, probabbilment gruppi differenti t’anġli. (Aqra Żakkarija 6:5-​8.) Huma joħorġu minn “quddiem il-​Mulej taʼ l-​art kollha” b’inkarigu speċjali. L-​anġli jintbagħtu f’postijiet speċifiċi biex jipproteġu l-​poplu t’Alla, b’mod partikulari minn Babilonja, “il-​pajjiż tat-​tramuntana.” B’din il-​viżjoni, Ġeħova wera lin-​nies tiegħu li qatt ma kienu se jerġgħu jkunu lsiera taʼ Babilonja. Immaġina kemm farraġhom dan lill-​bennejja tat-​tempju fi żmien Żakkarija! Huma kienu jafu li l-​għedewwa tagħhom ma setgħux iwaqqfuhom.

10. Il-​profezija taʼ Żakkarija dwar il-​karrijiet u r-​rikkieba tagħhom kif tistaʼ tgħinna llum?

10 Illum, Ġeħova għadu qed juża l-​anġli tiegħu biex jipproteġi u jsaħħaħ lill-​poplu tiegħu. (Malakija 3:6; Ebrej 1:7, 14) Sa mill-​1919, meta l-​poplu taʼ Ġeħova nħeles mill-​jasar simboliku taʼ Babilonja l-​Kbira, l-​għedewwa tiegħu għamlu kulma setgħu biex iwaqqfu l-​qima vera milli tikber u tinfirex. (Rivelazzjoni 18:4) Imma ma rnexxilhomx. Peress li l-​anġli qed jipproteġu l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, aħna m’għandniex għalfejn nibżgħu li l-​poplu taʼ Ġeħova xi darba jerġaʼ jkun ilsir tar-​reliġjon falza. (Salm 34:7) Minflok, aħna nistgħu nkunu ċerti li l-​qaddejja taʼ Ġeħova madwar id-​dinja se jkomplu jikbru spiritwalment. Il-​profezija taʼ Żakkarija tgħinna nifhmu li ż-​żewġ muntanji jagħtuna sigurtà u protezzjoni.

11. Għala m’għandniex għalfejn nibżgħu mill-​attakk li ġej fuq il-​poplu t’Alla?

11 Dalwaqt, il-​qawwiet politiċi tad-​dinja taʼ Satana se jingħaqdu flimkien biex jipprovaw jeqirdu l-​poplu t’Alla. (Eżekjel 38:2, 10-​12; Danjel 11:40, 44, 45; Rivelazzjoni 19:19) Fil-​profezija t’Eżekjel, aħna naraw dawn il-​qawwiet jiksu l-​art bħal sħab. Dawn rekbin iż-​żwiemel u ġejjin b’rabja kbira biex jattakkaw lill-​poplu t’Alla. (Eżekjel 38:15, 16) * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Għandna aħna nibżgħu minnhom? Le! Man-​naħa tagħna għandna l-​armata taʼ Ġeħova. Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, l-​anġli taʼ Ġeħova se jipproteġu l-​poplu tiegħu u jeqirdu lil kull min jopponi t-​tmexxija taʼ Ġeħova. (2 Tessalonikin 1:7, 8) X’ġurnata tal-​għaġeb se tkun din! Imma min se jmexxi l-​armata taʼ Ġeħova fis-​sema?

ĠEĦOVA JINKURUNA QASSIS BIEX IKUN SULTAN

12, 13. (a) Ġeħova x’qallu jagħmel lil Żakkarija mbagħad? (b) Kif nafu li r-​raġel li jismu Rimja jirrappreżenta lil Ġesù Kristu?

12 Żakkarija kien l-​uniku wieħed li ra dawn it-​tmien viżjonijiet. Imma mbagħad hu għamel xi ħaġa li oħrajn kienu se jaraw u li kienet se tinkuraġġixxi lil dawk li kienu qed jibnu t-​tempju t’Alla. (Aqra Żakkarija 6:9-​12.) Tlett irġiel, Ħeldaj, Tobijah, u Ġedaja, waslu minn Babilonja. Ġeħova qal lil Żakkarija biex jiġbor mingħand dawn l-​irġiel fidda u deheb u jużahom biex jagħmel “kuruna grandjuża.” (Żakkarija 6:11) Kienet din il-​kuruna għall-​Gvernatur Żerubbabel, li kien mit-​tribù taʼ Ġuda u dixxendent taʼ David? Le. Ġeħova qal lil Żakkarija biex iqiegħed il-​kuruna fuq ras il-​Qassis il-​Kbir Ġożwè. Dan żgur li kien taʼ sorpriża għal kull min kien preżenti.

13 Il-​fatt li l-​Qassis il-​Kbir Ġożwè ġie inkurunat kien ifisser li sar sultan? Le. Ġożwè ma kienx dixxendent taʼ David, u għalhekk ma kienx jikkwalifika biex isir sultan. L-​inkurunar tiegħu ta stampa bil-​quddiem taʼ x’kien se jiġri lil dak li kien se jsir sultan u qassis għal dejjem, imsejjaħ Rimja. Il-​Bibbja tispjega li r-​raġel li jismu Rimja hu Ġesù Kristu.—Isaija 11:1; Mattew 2:23. * Ara n-​nota taʼ taħt.

14. Bħala Sultan u Qassis il-​Kbir, Ġesù liema xogħol jagħmel?

14 Ġesù hu Sultan kif ukoll Qassis il-​Kbir. Hu jmexxi l-​armata t’anġli taʼ Ġeħova u jaħdem iebes biex jgħin lill-​poplu t’Alla jħossu protett f’din id-​dinja vjolenti. (Ġeremija 23:5, 6) Dalwaqt, Kristu se jegħleb lill-​ġnus hekk kif jappoġġja t-​tmexxija t’Alla u jiddefendi l-​poplu taʼ Ġeħova. (Rivelazzjoni 17:12-​14; 19:11, 14, 15) Imma qabel ma tiġi din il-​ġurnata, Ġesù, jew Rimja, għandu xogħol kbir x’jagħmel.

HU SE JIBNI T-​TEMPJU

15, 16. (a) Il-​poplu t’Alla kif reġaʼ ġie stabbilit u rfinut illum, u minn min? (b) Kif se tkun l-​art fi tmiem ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu?

15 Flimkien maʼ li jkun Sultan u Qassis il-​Kbir, Ġesù kien inkarigat biex “jibni t-​tempju taʼ Ġeħova.” (Aqra Żakkarija 6:13.) Fl-​1919, hu għamel dan ix-​xogħol taʼ bini billi ħeles lill-​poplu t’Alla mill-​influwenza tar-​reliġjon falza, Babilonja l-​Kbira. Ġesù reġaʼ stabbilixxa l-​kongregazzjoni u ħatar “ilsir leali u għaqli.” Dan il-​grupp t’aħwa midlukin jidderieġu x-​xogħol importanti li qed isir hawn fil-​parti tat-​tempju spiritwali kbir fuq l-​art. (Mattew 24:45) Ukoll, Ġesù kien u għadu qed jirfina l-​poplu t’Alla u jgħinhom sabiex jaqdu lil Ġeħova b’mod li jogħġob Lilu.—Malakija 3:1-​3.

16 Ġesù u l-​144,000 sultan u qassis imseħbin miegħu se jmexxu għal elf sena. Matul dak iż-​żmien, huma se jgħinu lill-​bnedmin leali biex isiru perfetti. Meta dawn is-​slaten u qassisin ikunu wettqu dan ix-​xogħol, fuq l-​art se jifdal biss aduraturi veri taʼ Ġeħova. Fl-​aħħar, il-​qima vera se tkun stabbilita mill-​ġdid għalkollox!

ĦU SEHEM FIX-​XOGĦOL TAL-​BINI

17. Ġeħova minn xiex aċċertahom lil-​Lhud, u l-​messaġġ tiegħu kif affettwahom?

17 Il-​messaġġ taʼ Żakkarija kif affettwa lil-​Lhud dak iż-​żmien? Ġeħova kien wiegħed li jgħinhom u jipproteġihom ħalli jkunu jistgħu jlestu t-​tempju. Din il-​wegħda tathom tama. Imma xorta setgħu tħassbu dwar kif dax-​xogħol kollu setaʼ jsir bi ftit nies biss. Allura Żakkarija qalilhom xi ħaġa li kienet se tneħħilhom il-​biżaʼ u d-​dubji li kellhom. Flimkien maʼ wħud bħal Ħeldaj, Tobijah, u Ġedaja li kienu marru biex jgħinuhom, Ġeħova qal li ħafna oħrajn kienu wkoll se “jiġu u jieħdu sehem fil-​bini tat-​tempju taʼ Ġeħova.” (Aqra Żakkarija 6:15.) Il-​Lhud kienu ċerti li Ġeħova qed jappoġġja x-​xogħol tagħhom. B’kuraġġ reġgħu komplew jibnu t-​tempju, avolja s-​sultan Persjan kien għamel projbizzjoni uffiċjali fuq ix-​xogħol. Din il-​projbizzjoni kienet bħal ostaklu enormi, imma wara ftit Ġeħova neħħihulhom. Fl-​aħħar, it-​tempju tlesta fis-​sena 515 QK. (Esdra 6:22; Żakkarija 4:6, 7) Madankollu, dan il-​kliem taʼ Ġeħova ddeskriva wkoll xi ħaġa bil-​wisq ikbar li qed tiġri fi żmienna.

Ġeħova qatt mhu se jinsa l-​imħabba li nuruh! (Ara paragrafi 18, 19)

18. Żakkarija 6:15 kif qed jitwettaq illum?

18 Illum, miljuni taʼ nies iqimu lil Ġeħova. Huma ferħanin li jagħtuh “l-​affarijiet prezzjużi” tagħhom, bħall-​ħin, l-​enerġija u l-​affarijiet materjali tagħhom. B’dan il-​mod, huma jappoġġjaw it-​tempju spiritwali kbir taʼ Ġeħova. (Proverbji 3:9) U nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jqisu taʼ valur l-​appoġġ leali tagħna. Ftakar li Ħeldaj, Tobijah, u Ġedaja ġabu fidda u deheb għall-​kuruna li għamel Żakkarija. Il-​kuruna kienet “tifkira” tal-​kontribuzzjoni tagħhom għall-​qima vera. (Żakkarija 6:14) Ġeħova qatt mhu se jinsa x-​xogħol li nagħmlu u l-​imħabba li nuruh.—Ebrej 6:10.

Aħna ferħanin li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li hi stabbli, li tipprovdi protezzjoni, u li hi dejjiema

19. Il-​viżjonijiet taʼ Żakkarija kif għandhom jaffettwawna?

19 F’dawn l-​aħħar jiem, il-​poplu taʼ Ġeħova kien kapaċi jagħmel xogħol tajjeb ħafna. Dan kien possibbli minħabba l-​barka taʼ Ġeħova u t-​tmexxija taʼ Kristu. Aħna ferħanin li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li hi stabbli, li tipprovdi protezzjoni, u li hi dejjiema, u aħna nafu li l-​iskop taʼ Ġeħova għall-​qima pura se jitwettaq. Allura apprezza postok fost il-​poplu taʼ Ġeħova u ‘ismaʼ minn leħen Ġeħova Alla tiegħek.’ Imbagħad int tistaʼ tkun protett mis-​Sultan u Qassis il-​Kbir tagħna u mill-​anġli. Agħmel kulma tistaʼ biex tappoġġja l-​qima vera. Ġeħova se jżommok fis-​sigurtà matul il-​bqija taʼ din is-​sistema dinjija—u għal dejjem!

^ par. 11 Għal iktar informazzjoni, ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju 2015, paġni 27-​28.

^ par. 13 Il-​kelma “Nazzarenu” ġejja mill-​espressjoni Ebrajka “rimja.”