Kont taf?
Ġesù għala kkundanna l-ħalf?
IL-Liġi li Alla ta lil Mosè ppermettiet li jsir ċertu ħalf billi n-nies jgħidu xi ħaġa bħal, “Naħlef fuq Alla,” jew “Naħlef fuq l-isem taʼ Ġeħova.” Madankollu, fi żmien Ġesù, il-ħalf tant sar komuni li l-Lhud kienu jaħilfu għal kull ħaġa taʼ xejn. Huma kienu jagħmlu dan biex dak li jgħidu jkun jistaʼ jitwemmen iktar. Imma għal darbtejn, Ġesù kkundanna din il-prattika mhix bżonjuża. Hu għallem: “Iżda l-kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-Le, Le.”—Mattew 5:33-37; 23:16-22.
Skont it-Theological Dictionary of the New Testament, it-Talmud jgħinna naraw kemm kien komuni li l-Lhud jaħilfu li kliemhom kien veru. Dan hu minħabba li t-Talmud jispjega bid-dettall liema ħalf kellu jinżamm u liema setaʼ ma jinżammx.
Ġesù ma kienx l-uniku wieħed li kkundanna din il-prattika ħażina. Pereżempju, l-istorjografu Ġużeppi Flavju kiteb dwar setta Lhudija li evitat il-ħalf. Membri taʼ din is-setta kienu jemmnu li l-ħalf kien agħar mill-gideb. Huma kienu jaħsbu li jekk persuna kellha taħlef sabiex oħrajn jemmnuha, bilfors li kienet giddieba. Il-Ktieb taʼ l-Għerf taʼ Ġożwè Bin Sirak, jew Ekkleżjastiku, (23:11), li hu kitba apokrifa Lhudija, b’mod simili jgħid: “Bniedem li l-ħin kollu jaħlef jimtela bil-ħażen.” Ġesù kkundanna li jsir ħalf fuq affarijiet li ma kinux importanti. Jekk dejjem ngħidu l-verità, m’għandniex għalfejn naħilfu biex dak li ngħidu jkun jistaʼ jitwemmen iktar.