Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Xi jfisser li tkun persuna spiritwali?

Xi jfisser li tkun persuna spiritwali?

“Alla . . . jagħtikom li jkollkom bejnietkom l-​istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.”—RUMANI 15:5.

GĦANJIET: 84, 5

1, 2. (a) Ħafna aħwa kif iħossuhom dwar l-​ispiritwalità? (b) Liema mistoqsijiet importanti se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

OĦT fil-​Kanada tgħid illi li tkun persuna spiritwali, jew li jkollha moħħha ffokat fuq affarijiet spiritwali, għamilha iktar ferħana u għenha fil-​problemi li kellha f’ħajjitha. Ħu fil-​Brażil li ilu miżżewweġ għal 23 sena jgħid illi li jkun moħħu ffokat fuq affarijiet spiritwali għen lilu u lil martu jkollhom żwieġ ferħan. Ħu fil-​Filippini jgħid illi li jkun moħħu ffokat fuq affarijiet spiritwali tah paċi tal-​moħħ u għenu jingwalaha m’aħwa minn backgrounds differenti.

2 Jidher ċar li aħna nibbenefikaw b’ħafna modi meta jkollna moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali. X’nistgħu nagħmlu biex ikollna moħħna ffokat iktar fuq affarijiet spiritwali u ngawdu dawn il-​benefiċċji? L-​ewwel, għandna bżonn nifhmu dak li tgħid il-​Bibbja dwar nies spiritwali, jiġifieri, dawk li huma ggwidati bl-​ispirtu qaddis t’Alla u li jaħsbu kif jaħseb Ġeħova. F’dan l-​artiklu, se nwieġbu tliet mistoqsijiet importanti: (1) Xi jfisser li tkun persuna spiritwali, jew li tkun moħħok iffokat fuq affarijiet spiritwali? (2) Liema eżempji se jgħinuna nikbru spiritwalment? (3) L-​isforzi tagħna biex ikollna “l-​moħħ taʼ Kristu” kif se jgħinuna nkunu nies spiritwali?

XI JFISSER LI TKUN PERSUNA SPIRITWALI?

3. Il-​Bibbja kif tiddeskrivi d-​differenza bejn persuna fiżika u persuna spiritwali?

3 L-​appostlu Pawlu jgħinna nifhmu d-​differenza bejn “bniedem spiritwali” u “bniedem fiżiku.” (Aqra l-​1 Korintin 2:14-16.) Persuna fiżika ‘ma tilqax l-​affarijiet taʼ l-​ispirtu t’Alla, għax huma bluha għaliha; u ma tistax issir tafhom.’ B’kuntrast, persuna spiritwali ‘tistħarreġ kolloxʼ u għandha “l-​moħħ taʼ Kristu,” li jfisser li tistinka biex taħseb bħalma jaħseb Kristu. Pawlu jinkuraġġina biex inkunu nies spiritwali. B’liema modi oħra huma n-​nies fiżiċi differenti minn dawk spiritwali?

4, 5. Kif nistgħu nagħrfu li persuna hi fiżika?

4 Kif taħseb persuna fiżika? Persuna fiżika tadotta l-​attitudni tad-​dinja, li tiffoka fuq xewqat egoisti. Pawlu jiddeskrivi din l-​attitudni bħala “l-​ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-​diżubbidjenza.” (Efesin 2:2) Din l-​attitudni tinfluwenza l-​biċċa l-​kbira min-​nies biex jimitaw lil dawk taʼ madwarhom. Huma sempliċement jagħmlu dak li jidhrilhom li hu tajjeb, mingħajr ma jagħtu kas il-​livelli t’Alla. Persuna fiżika, jew moħħha ffokat fuq affarijiet tal-​laħam, l-​iktar li taħseb hu dwar affarijiet fiżiċi u spiss tħoss li l-​pożizzjoni, il-​flus, jew id-​drittijiet persunali tagħha huma iktar importanti minn kwalunkwe ħaġa oħra.

5 Persuna fiżika spiss tagħmel affarijiet li l-​Bibbja ssejħilhom “għemejjel tal-​laħam.” (Galatin 5:19-21) Fl-​ewwel ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Korintu, Pawlu jsemmi affarijiet oħra li n-​nies fiżiċi jagħmlu. Huma jżommu maʼ naħa jew oħra meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil, jipprovaw jifirdu n-​nies, jinkuraġġixxu oħrajn biex jirribellaw, itellgħu lil xulxin il-​qorti, ma jirrispettawx lil dawk fl-​awtorità, u jagħtu wisq importanza lill-​ikel u x-​xorb. Persuna fiżika ċċedi meta tiġi ttantata biex tagħmel xi ħaġa ħażina. (Proverbji 7:21, 22) Ġuda qal li nies fiżiċi jistgħu saħansitra jitilfu l-​ispirtu taʼ Ġeħova.—Ġuda 18, 19.

6. Kif nistgħu nagħrfu li persuna hi spiritwali?

6 B’kuntrast maʼ persuna fiżika, persuna spiritwali jimpurtaha ħafna mir-​relazzjoni tagħha m’Alla. Hi tħalli l-​ispirtu qaddis t’Alla jiggwidaha u tistinka biex timita lil Ġeħova. (Efesin 5:1) Din tagħmel sforz biex titgħallem kif Ġeħova jaħseb u biex tara l-​affarijiet kif jarahom Ġeħova. Alla hu reali ħafna għaliha. Għall-​kuntrarju taʼ persuna fiżika, persuna spiritwali tirrispetta l-​livelli taʼ Ġeħova f’kull aspett taʼ ħajjitha. (Salm 119:33; 143:10) Din ma tipprattikax “l-​għemejjel tal-​laħam” imma tipprova tiżviluppa “l-​frott taʼ l-​ispirtu.” (Galatin 5:22, 23) Sabiex nispjegaw iktar xi jfisser li tkun moħħok iffokat fuq affarijiet spiritwali, aħseb dwar dan il-​paragun: Bħalma xi ħadd li hu tajjeb fin-​negozju jkun moħħu ffokat fuq in-​negozju, xi ħadd li jimpurtah verament mill-​qima tiegħu lejn Alla jkun moħħu ffokat fuq l-​affarijiet spiritwali.

7. Il-​Bibbja x’tgħid dwar dawk li għandhom moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali?

7 Ġesù qal li dawk li għandhom moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali huma ferħanin. F’​Mattew 5:3 naqraw: “Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-​saltna tas-​smewwiet.” Rumani 8:6 jispjega li l-​ħajja tagħna tiddependi fuq li naħsbu bħalma jaħseb Ġeħova: “Li tkun moħħok fil-​laħam ifisser mewt, imma li tkun moħħok fl-​ispirtu jfisser ħajja u paċi.” Allura, jekk aħna moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali, issa stess jistaʼ jkollna l-​paċi m’Alla u magħna nfusna, u jistaʼ jkollna t-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem.

8. Għala jistaʼ jkun diffiċli li ssir u tibqaʼ persuna spiritwali?

8 Madankollu, aħna ngħixu f’dinja perikoluża. Peress li mdawrin b’nies li ma jaħsbux bħal Alla, jirrikjedi sforz kbir biex nipproteġu ’l moħħna. Jekk ma nimlewhx bil-​ħsibijiet taʼ Ġeħova, id-​dinja se timlihulna bl-​attitudnijiet u l-​ħsibijiet tal-​laħam li toffri hi. X’nistgħu nagħmlu sabiex nevitaw dan? Kif nistgħu nikbru spiritwalment?

TGĦALLEM MINN EŻEMPJI TAJBIN

9. (a) X’jistaʼ jgħallimna nsiru moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali? (b) Liema eżempji tajbin se niddiskutu?

9 L-​istess bħalma tifel jew tifla għandha bżonn titgħallem mill-​ġenituri u timita l-​eżempju tajjeb tagħhom, aħna għandna bżonn nitgħallmu minn dawk li għandhom relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova u nimitawhom. Dan se jgħallimna kif insiru moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali. Mill-​banda l-​oħra, dawk li ħsiebhom biss fil-​laħam huma eżempju taʼ twissija għalina. (1 Korintin 3:1-4) Il-​Bibbja fiha kemm eżempji tajbin kif ukoll ħżiena. Ejja neżaminaw l-​eżempji tajbin taʼ Ġakobb, Marija, u Ġesù u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom.

X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġakobb? (Ara paragrafu 10)

10. Ġakobb kif wera li kien persuna spiritwali?

10 Bħal ħafna minna, Ġakobb ma kellux ħajja faċli. Ħuh stess, Għesaw, ried joqtlu. Il-​kunjatu tiegħu kompla jipprova jingannah. Imma l-​fidi taʼ Ġakobb fil-​wegħda li Ġeħova għamel lil Abraham baqgħet b’saħħitha. Ġakobb kien jaf li familtu kienet parti mit-​twettiq taʼ din il-​wegħda mill-​isbaħ, u għalhekk ħa ħsiebha sew. (Ġenesi 28:10-15) Ġakobb ma ħalliex l-​attitudni tal-​laħam taʼ dawk madwaru tnessih il-​wegħdi taʼ Ġeħova. Pereżempju, meta Ġakobb ħaseb li kien fil-​periklu minħabba ħuh, hu talab bil-​ħrara lil Ġeħova biex isalvah u qal: “Int, int għedt, ‘Bla dubju jien nittrattak tajjeb u nagħmel lil nislek bħar-​ramel tal-​baħar.’” (Ġenesi 32:6-12) Ġakobb kellu fidi b’saħħitha fil-​wegħdi taʼ Ġeħova u wera dan bil-​mod kif għex.

X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Marija? (Ara paragrafu 11)

11. Kif nafu li Marija kienet moħħha ffokat fuq affarijiet spiritwali?

11 Issa aħseb dwar Marija. Ġeħova għażilha biex tkun omm Ġesù għax kienet moħħha ffokat fuq affarijiet spiritwali. Aqra dak li qalet Marija meta żaret lill-​qraba tagħha Żakkarija u Eliżabetta. (Aqra Luqa 1:46-55.) Nistgħu naraw li Marija kienet tħobbha l-​Kelma t’Alla u kienet tafha sew l-​Iskrittura Ebrajka. (Ġenesi 30:13; 1 Samwel 2:1-​10; Malakija 3:12) U anke wara li Marija u Ġużeppi żżewġu, huma stennew sakemm twieled Ġesù biex ikollhom relazzjonijiet sesswali. Għalihom, l-​inkarigu li tahom Alla kien iktar importanti mix-​xewqat tagħhom. (Mattew 1:25) Ukoll, Marija nnotat b’attenzjoni dak kollu li ġara hekk kif Ġesù kien qed jikber u tat widen għat-​tagħlim tiegħu. Hi “baqgħet iżżomm dan il-​kliem kollu f’qalbha.” (Luqa 2:51) Jidher ċar li kienet interessata ħafna fil-​wegħdi t’Alla dwar il-​Messija. Nistgħu aħna nimitaw lil Marija billi dejjem nipprovaw nagħmlu dak li Alla jrid minna?

12. (a) Ġesù kif imitah lil Missieru? (b) Aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġesù? (Ara l-​ewwel stampa.)

12 Mill-​bnedmin kollha li qatt għexu, Ġesù hu l-​aqwa eżempju taʼ persuna b’moħħha ffokat fuq affarijiet spiritwali. Matul il-​ħajja u l-​ministeru tiegħu fuq l-​art, hu ta prova li ried jimita lil Missieru. Ġesù ħaseb, ħass, u aġixxa bħal Ġeħova. Hu għamel ir-​rieda t’Alla u rrispetta l-​livelli tiegħu. (Ġwanni 8:29; 14:9; 15:10) Pereżempju, qabbel il-​mod kif Isaija ddeskriva l-​mogħdrija taʼ Ġeħova mal-​mod kif Marku ddeskriva s-​sentimenti taʼ Ġesù. (Aqra Isaija 63:9; Marku 6:34.) Nimitaw aħna lil Ġesù billi nkunu dejjem lesti nuru mogħdrija maʼ dawk li għandhom bżonn l-​għajnuna? Niffokaw aħna fuq li nippritkaw u ngħallmu l-​aħbar tajba, bħal Ġesù? (Luqa 4:43) Dawk li għandhom moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali juru mogħdrija u jipprovaw jgħinu lil oħrajn.

13, 14. (a) X’nistgħu nitgħallmu minn dawk li għandhom moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali llum? (b) Agħti eżempju.

13 Illum, hemm ħafna aħwa b’moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali li jistinkaw biex jimitaw lil Kristu. Inti forsi tinnota li huma żelużi fil-​ministeru, ospitabbli, u juru mogħdrija. Għalkemm mhumiex perfetti, huma jipprovaw kemm jistgħu biex jiżviluppaw kwalitajiet tajbin u biex jagħmlu dak li Ġeħova jrid minnhom. Rachel, oħt fil-​Brażil, tgħid: “Kont inħobb inżomm mal-​moda. B’hekk, ma kontx nilbes daqshekk modest. Imma li nitgħallem il-​verità mmotivani biex nagħmel l-​isforz meħtieġ ħalli nkun persuna spiritwali. Li nagħmel dawn il-​bidliet ma kienx faċli, imma sirt iktar ferħana u sibt skop veru f’ħajti.”

14 Reylene, oħt fil-​Filippini, kellha problema differenti. Għalkemm kienet fil-​verità, hi ffokat fuq li jkollha edukazzjoni għolja u xogħol tajjeb. Maż-​żmien, il-​miri spiritwali tagħha saru inqas importanti għaliha. Hi tgħid, “Bdejt nirrealizza li kien hemm xi ħaġa nieqsa f’ħajti, xi ħaġa ħafna iktar importanti mix-​xogħol tiegħi.” Reylene bidlet il-​mod taʼ kif kienet taħsibha u għamlet is-​servizz tagħha lil Ġeħova l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjitha. Issa hi tafda fil-​wegħda taʼ Ġeħova f’​Mattew 6:33, 34 u tgħid, “Jien ċerta li Ġeħova se jieħu ħsiebi!” Int abbli taf b’aħwa fil-​kongregazzjoni tiegħek li għandhom l-​istess attitudni. Meta naraw kif dawn jimitaw lil Kristu, aħna nkunu rridu nimxu wara l-​eżempju leali tagħhom.—1 Korintin 11:1; 2 Tessalonikin 3:7.

ĦA JKOLLKOM “IL-​MOĦĦ TAʼ KRISTU”

15, 16. (a) X’għandna bżonn nagħmlu biex inkunu bħal Kristu? (b) Kif nistgħu nħallu “l-​moħħ taʼ Kristu” jeffettwana?

15 Kif nistgħu nimitaw lil Kristu? L-​1 Korintin 2:16 jispjega li jeħtieġ ikollna “l-​moħħ taʼ Kristu.” Rumani 15:5 jfakkarna biex niżviluppaw “l-​istess attitudni mentali li kellu Kristu Ġesù.” Sabiex inkunu bħal Kristu għandna bżonn nitgħallmu kif kien jaħseb, iħossu, u jaġixxi. Iktar minn kull ħaġa oħra, hu kien jinteressah mir-​relazzjoni tiegħu m’Alla. Allura, li nkunu bħal Ġesù jressaqna eqreb lejn Ġeħova. Għalhekk huwa importanti ħafna li nitgħallmu naħsbu kif kien jaħseb Ġesù.

16 Kif nistgħu nitgħallmu naħsbu kif kien jaħseb Ġesù? Id-​dixxipli tiegħu rawh iwettaq il-​mirakli, semgħuh jgħallem folol kbar, raw kif ittratta lil kull tip taʼ nies, u nnotaw kif kien iggwidat mill-​ħsieb taʼ Ġeħova. Huma qalu: “Aħna xhieda taʼ kulma għamel.” (Atti 10:39) Illum, ma nistgħux naraw lil Ġesù. Imma għandna r-​rakkonti tal-​Evanġelji, li jgħinuna nsiru nafuh sew. Meta naqraw u nimmeditaw fuq il-​kotba taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni, nitgħallmu iktar dwar kif jaħseb Ġesù. Dan jgħinna ‘nimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu’ ħalli jkun jistaʼ jkollna “l-​istess dispożizzjoni mentali” li kellu hu.—1 Pietru 2:21; 4:1.

17. Li naħsbu kif kien jaħseb Kristu kif jistaʼ jgħinna?

17 Kif se nibbenefikaw jekk naħsbu kif kien jaħseb Kristu? L-​istess bħalma l-​ikel bnin isaħħaħ lil ġisimna, li nimlew lil moħħna bil-​ħsieb taʼ Kristu jsaħħaħna spiritwalment. Bil-​mod il-​mod, insiru nafu dak li kieku jagħmel Kristu f’kull sitwazzjoni. Imbagħad inkunu kapaċi nieħdu deċiżjonijiet għaqlin li jogħġbu lil Alla u li jagħtuna kuxjenza nadifa. Ma taħsibx int li dawn huma raġunijiet tajbin biex ‘nilbsu l-​Mulej Ġesù Kristu’?—Rumani 13:14.

18. X’tgħallimt dwar li tkun moħħok iffokat fuq affarijiet spiritwali?

18 Dan l-​artiklu għenna nifhmu xi jfisser li nkunu moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali. Tgħallimna mill-​eżempji tajbin taʼ wħud li kienu ggwidati bl-​ispirtu qaddis. Tgħallimna wkoll illi li jkollna “l-​moħħ taʼ Kristu” jgħinna naħsbu kif jaħseb Ġeħova u jkollna relazzjoni mill-​qrib miegħu. Imma hemm iktar x’nistgħu nitgħallmu. Pereżempju: Kif nistgħu nkunu nafu jekk aħniex b’saħħitna spiritwalment? X’nistgħu nagħmlu biex insiru iktar b’saħħitna spiritwalment? U l-​ispiritwalità kif teffettwalna ħajjitna? Ejja naraw fl-​artiklu li jmiss.