Mur fil-kontenut

IŻ-ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU

Hija l-omosesswalità ħażina?

Hija l-omosesswalità ħażina?

 “Waqt li kont qed nikber, waħda mill-​iktar affarijiet diffiċli li kelli nħabbat wiċċi magħha kienet il-​ġibda li kelli lejn dawk tal-​istess sess. Kont naħseb li kienet sempliċiment fażi f’ħajti, imma dawn ix-​xewqat għadhom jeffettwawni s’issa.”​—David taʼ 23 sena.

 David huwa Kristjan li jixtieq jogħġob lil Alla. Jistaʼ hu jagħmel dan waqt li għadu miġbud lejn dawk tal-​istess sess? Alla kif iħossu dwar l-​omosesswalità?

 Il-​Bibbja x’tgħid?

 L-​opinjonijiet tan-​nies dwar l-​omosesswalità jistgħu jvarjaw minn kultura għal oħra jew minn perijodu taʼ żmien għal ieħor. Imma l-​Kristjani mhumiex influwenzati mill-​opinjoni popolari jew “mitfugħin ’l hemm u ’l hawn qisu mill-​mewġ u mtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.” (Efesin 4:14) Minflok, huma jibbażaw il-​ħarsa tagħhom lejn l-​omosesswalità (u kwalunkwe mġiba oħra) fuq il-​livelli li hemm miktubin fil-​Bibbja.

 Dak li tgħid il-​Bibbja rigward atti omosesswali huwa ċar. Il-​Kelma t’Alla tgħid:

  •  “Timteddx maʼ raġel l-​istess bħalma timtedd maʼ mara.”—Levitiku 18:22.

  •  “Alla, fi qbil max-​xewqat taʼ qlubhom, . . . telaqhom għal aptiti sesswali t’għajb, għax in-​nisa tagħhom bidlu l-​użu naturali taʼ ġisimhom stess f’wieħed kontra n-​natura.”—Rumani 1:24, 26.

  •  “Titqarrqux. La ż-​żienja, la l-​idolatri, la l-​adulteri, la l-​irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, la l-​irġiel li jimteddu maʼ l-​irġiel, la l-​ħallelin, la r-​rgħiba, la s-​sakranazzi, la ż-​żeblieħa, lanqas l-​imbroljuni ma jirtu s-​saltna t’Alla.”—1 Korintin 6:9, 10.

 Fir-​realtà, il-​livelli t’Alla japplikaw għan-​nies kollha, kemm jekk għandhom xewqat omosesswali (ikunu miġbudin lejn tal-​istess sess), u kemm jekk għandhom xewqat eterosesswali (ikunu miġbudin lejn dawk tas-​sess oppost). Il-​fatt hu li kulħadd għandu jagħmel sforz biex jikkontrolla lilu nnifsu meta jiġuh xewqat li jagħmel affarijiet li ma jogħġbux lil Alla.​—Kolossin 3:5.

 Ifisser dan li . . . ?

 Ifisser dan li l-​Bibbja tinkuraġġixxi l-​mibegħda lejn il-​gays?

 Le. Infatti, il-​Bibbja ma tinkuraġġixxi mibegħda lejn ħadd​—gay jew straight. Anzi, tgħidilna biex ‘infittxu li nkunu fil-​paċi man-​nies kollha,’ ikun xi jkun l-​istil taʼ ħajja tagħhom. (Ebrej 12:14) Għalhekk, hu ħażin li jkollna sehem f’bullying, atti taʼ diskriminazzjoni, jew tip ieħor taʼ trattament ħażin fuq nies omosesswali.

 Ifisser dan li l-​Kristjani għandhom jopponu liġijiet li jippermettu li tnejn tal-​istess sess jiżżewġu?

 Il-​Bibbja turi li l-​livell t’Alla għaż-​żwieġ għandu jkun bejn raġel wieħed u mara waħda. (Mattew 19:4-​6) Madankollu, diskussjonijiet dwar liġijiet umani fuq żwieġ bejn tnejn tal-​istess sess huma kwistjonijiet politiċi, u mhumiex kwistjonijiet taʼ x’wieħed jaħseb li hu tajjeb jew ħażin. Il-​Bibbja tgħid lill-​Kristjani biex jibqgħu newtrali fil-​politika. (Ġwanni 18:36) Għalhekk, huma la jappoġġjaw u lanqas jopponu liġijiet tal-​pajjiż li jinvolvu żwieġ bejn tnejn tal-​istess sess jew stil taʼ ħajja omosesswali.

 Imma xi ngħidu jekk . . . ?

 Imma xi ngħidu jekk xi ħadd bħalissa qed jgħix ħajja omosesswali? Jistaʼ hu jew hi tinbidel?

 Iva. Infatti, kien hemm uħud fl-​ewwel seklu li nbidlu! Wara li l-​Bibbja ssemmi li dawk li jipprattikaw l-​omosesswalità mhux se jirtu s-​Saltna t’Alla, hi tgħid: “Hekk kienu xi wħud minnkom.”—1 Korintin 6:11.

 Ifisser dan li dawk li m’għadhomx jgħixu ħajja omosesswali, qatt iktar ma ħassew xi ġibda lejn l-​istil taʼ ħajja li kellhom qabel? Le. Il-​Bibbja tgħid: “Ilbsu l-​personalità l-​ġdida, li permezz taʼ l-​għarfien eżatt qed tiġġedded.” (Kolossin 3:10) Il-​bidla hija proċess kontinwu.

 Imma xi ngħidu jekk xi ħadd li jrid jogħġob lil Alla, xorta għadu jkollu ġibdiet omosesswali?

 Bħal kull ġibda oħra, persuna tistaʼ tagħżel li ma tqanqalx jew taġixxi fuq dak li qed tħoss. Kif? Il-​Bibbja tgħid: “Ibqgħu mexjin bl-​ispirtu u ma twettqu assolutament l-​ebda xewqa tal-​laħam.”—Galatin 5:16.

 Innota li l-​vers ma jgħidx li l-​persuna mhi se jkollha l-​ebda xewqa tal-​laħam. Minflok, jekk hi jew hu jkollu rutina spiritwali tajba taʼ studju tal-​Bibbja u jitlob b’mod regulari, hu se jkollu s-​saħħa li jirreżisti dawk ix-​xewqat.

 David, li ssemma fil-​bidu, sab li dan huwa minnu​—speċjalment wara li fetaħ qalbu mal-​ġenituri Kristjani tiegħu dwar il-​ġlieda li għandu. Hu jgħid: “Neħħejt tagħbija kbira minn fuq spallejja, u probabbilment kont ingawdi ħafna iżjed iż-​żgħożija tiegħi li kieku tkellimt magħhom qabel.”

 Fl-​aħħar mill-​aħħar, aħna nkunu iktar ferħanin meta nimxu fi qbil mal-​livelli taʼ Ġeħova. Aħna konvinti li huma “retti, u jferrħu l-​qalb,” u li “min iħarishom jiġi premjat bil-​kbir.”—Salm 19:8, 11.