Ġenesi 12:1-20

12  U Ġeħova qal lil Abram: “Itlaq minn artek u minn qrabatek u minn dar missierek u mur fl-​art li se nurik;+  u nagħmel ġens kbir minnek u nbierkek u nagħmel ismek kbir; u int kun barka għal oħrajn.+  U nbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek,+ u permezz tiegħek żgur li se jitbierku l-​familji kollha taʼ l-​art.”+  Għalhekk, Abram telaq bħalma kien qallu Ġeħova, u Lot mar miegħu. U Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta telaq minn Ħaran.+  U Abram ħa lil martu Saraj+ u lil Lot bin ħuh+ u l-​ġid kollu li kienu ġemgħu+ u l-​qaddejja* li kienu kisbu f’Ħaran, u telqu biex imorru fl-​art taʼ Kangħan.+ Sa fl-​aħħar waslu fl-​art taʼ Kangħan.  U Abram qasam il-​pajjiż kollu u wasal sal-​post imsejjaħ Sikem,+ ħdejn is-​siġar il-​kbar taʼ More;+ u dak iż-​żmien kien hemm il-​Kangħanin fil-​pajjiż.  Ġeħova issa deher lil Abram u qallu: “Lil nislek+ se nagħtiha din l-​art.”+ U hemmhekk bena artal lil Ġeħova, li kien deherlu.  Iktar tard telaq minn hemmhekk biex imur fir-​reġjun muntanjuż lejn il-​lvant taʼ Betel+ u waqqaf it-​tinda tiegħu bejn Betel fil-​punent u Għaj+ fil-​lvant. Imbagħad hemmhekk bena artal lil Ġeħova+ u beda jsejjaħ* isem Ġeħova.+  U Abram żarma l-​kamp u telaq minn dak il-​post, u kkampja f’post wara l-​ieħor fi triqtu lejn in-​Negeb.*+ 10  U waqaʼ l-​ġuħ fil-​pajjiż u Abram niżel l-​Eġittu biex joqgħod hemmhekk bħala barrani,+ għaliex kien hemm ġuħ kbir fil-​pajjiż.+ 11  U malli qorob biex jidħol l-​Eġittu, hu qal lil martu Saraj: “Jekk jogħġbok, issa jien naf tajjeb li int mara sabiħa fl-​għajn.+ 12  U żgur li meta jarawk l-​Eġizzjani se jgħidu, ‘Din martu.’ U lili żgur li joqtluni, imma lilek iħalluk ħajja. 13  Jekk jogħġbok għid li int oħti,+ sabiex ma jiġrili xejn minħabba fik, u ruħi żgur tibqaʼ ħajja minħabba fik.”+ 14  U ġara li malli Abram daħal l-​Eġittu, l-​Eġizzjani raw li l-​mara kienet sabiħa ferm. 15  U l-​prinċpijiet tal-​Fargħun rawha wkoll u bdew ifaħħruha quddiem il-​Fargħun, u minħabba f’hekk il-​mara ħaduha fid-​dar tal-​Fargħun. 16  U hu ttratta lil Abram tajjeb minħabba fiha, u dan kiseb nagħaġ, baqar, ħmir, qaddejja rġiel u nisa, u iġmla.+ 17  Imbagħad Ġeħova laqat lill-​Fargħun u lin-​nies taʼ daru b’kastigi kbar+ minħabba Saraj, mart Abram.+ 18  Minħabba f’hekk, il-​Fargħun sejjaħ lil Abram u qallu: “X’għamiltli? Għala m’għedtlix li kienet martek?+ 19  Għala għedtli, ‘Hi oħti,’+ u jien għal naqra ma kontx se niħodha b’marti? U issa hawn hi martek. Ħudha u mur!” 20  U l-​Fargħun ta ordnijiet lil xi rġiel dwar Abram, u dawn akkumpanjaw lilu u lil martu u kulma kellu.+

Noti taʼ taħt

Letteralment, “erwieħ.”
Jew, “jiddikjara (ixandar) l-​isem.” Ara Eżo 34:5.
Jew, “in-​nofsinhar,” jiġifieri, il-​parti tan-​nofsinhar taʼ l-​Art Imwiegħda.