Ġenesi 27:1-46
27 Issa ġara li, meta Iżakk xjaħ u għajnejh tant kienu ċċajprulu li ma baqax jara,+ sejjaħ lil ibnu l-kbir Għesaw u qallu:+ “Ibni!” u dan wieġbu: “Hawn jien!”
2 U hu ssokta jgħidlu: “Ara! Issa jien xjaħt+ u ma nafx meta se mmut.+
3 Għalhekk, issa, jekk jogħġbok, ħu l-għodda tiegħek, il-barżakka u l-qaws tiegħek, u oħroġ fir-rabaʼ u aqbadli l-kaċċa.+
4 Imbagħad agħmilli platt ikel tajjeb kif inħobbu jien u ġibhuli ħa nieklu, sabiex ruħi tbierkek qabel ma mmut.”+
5 Madankollu, Rebekka kienet qed tismaʼ waqt li Iżakk kien qed ikellem lil ibnu Għesaw. U Għesaw ħareġ fir-rabaʼ biex jaqbad il-kaċċa u jġibhielu.+
6 U Rebekka qalet lil binha Ġakobb:+ “Ara! Għadni kif smajt lil missierek ikellem lil ħuk Għesaw, u qallu,
7 ‘Ġibli l-kaċċa u agħmilli platt ikel tajjeb ħa nieklu, biex inbierkek quddiem Ġeħova qabel ma mmut.’+
8 U issa, ibni, ismaʼ minn kliemi f’dak li se nikkmandak.+
9 Jekk jogħġbok, mur ħdejn il-merħla u ġibli minn hemmhekk żewġ gidjien tajbin sabiex insajjarhom u lil missierek nagħmillu platt ikel tajjeb kif iħobbu hu.
10 Imbagħad ħudu lil missierek ħalli jieklu, sabiex ibierkek qabel ma jmut.”
11 U Ġakobb qal lil ommu Rebekka: “Imma ħija Għesaw hu raġel sufi u jien m’iniex.+
12 X’jiġri jekk missieri jmissni?+ Imbagħad żgur li f’għajnejh inkun nidher li qed nidħaq bih,+ u żgur li nġib fuqi saħta minflok barka.”+
13 U ommu wiġbitu: “Fuqi tkun is-saħta li tistaʼ tiġi fuqek, ibni.+ Biss ismaʼ minn kliemi u mur, u ġibhomli.”+
14 Għalhekk, mar u ġabhom u tahom lil ommu, u ommu għamlet platt ikel tajjeb kif kien iħobbu missieru.
15 Imbagħad Rebekka ħadet l-aħjar ħwejjeġ taʼ binha l-kbir Għesaw,+ li kienu għandha d-dar,+ u libbsithom lil binha ż-żgħir Ġakobb.+
16 U l-ġlud tal-gidjien poġġiethom fuq idejh u fuq il-parti t’għonqu li ma kienx fiha suf.+
17 Imbagħad lil binha Ġakobb+ tatu f’idu l-platt ikel tajjeb u l-ħobż li kienet għamlet.
18 U hu daħal ħdejn missieru u qallu: “Missier!” u dan wieġbu: “Hawn jien! Min int, ibni?”
19 U Ġakobb issokta jgħid lil missieru: “Jien Għesaw, l-ewwel imwieled tiegħek.+ Għamilt eżatt dak li għedtli. Qum naqra, jekk jogħġbok. Oqgħod bil-qiegħda u kul ftit mill-kaċċa tiegħi, sabiex ruħek tberikni.”+
20 Għal dan, Iżakk qal lil ibnu: “Kif sibtha daqshekk malajr, ibni?” U dan qallu: “Għaliex Ġeħova Alla tiegħek ġegħelha tiġi quddiemi.”
21 U Iżakk qal lil Ġakobb: “Ersaq qrib, jekk jogħġbok, ħalli mmissek, ibni, ħa nkun naf jekk intix tassew Għesaw jew le.”+
22 Għalhekk, Ġakobb resaq qrib missieru Iżakk, u dan messu u qal: “Il-leħen hu leħen Ġakobb, imma l-idejn huma idejn Għesaw.”+
23 U m’għarfux, għax idejh kienu kollha suf bħal idejn ħuh Għesaw. Għaldaqstant, hu bierku.+
24 Imbagħad qallu: “Int tassew ibni Għesaw?” u wieġbu: “Jien hu.”+
25 U hu qallu: “Ġibhuli ħdejja ħa niekol ftit mill-kaċċa taʼ ibni, sabiex ruħi tbierkek.”+ U ġabhulu qrib u beda jieklu, u ġablu l-inbid u beda jixrob.
26 U missieru Iżakk qallu: “Ersaq qrib, jekk jogħġbok, u busni, ibni.”+
27 Għalhekk, resaq qrib u biesu, u Iżakk setaʼ jxommlu r-riħa taʼ ħwejġu,+ u bierku u qallu:
“Ara! Ir-riħa taʼ ibni hi bħar-riħa tar-rabaʼ li Ġeħova bierek.
28 U jalla l-Alla l-veru jagħtik in-nida tas-smewwiet+ u l-ħamrija fertili taʼ l-art+ u abbundanza taʼ qmuħ u nbid ġdid.+
29 Ħa jaqduk il-popli u ħa jmilu quddiemek il-ġnus.+ Sir sid fuq ħutek, u ħa jmilu quddiemek ulied ommok.+ Misħut ikun kulmin jisħtek, u mbierek ikun kulmin ibierkek.”+
30 Issa ġara, malli Iżakk kien temm ibierek lil Ġakobb, iva, tabilħaqq ġara li, meta Ġakobb bilkemm kien laħaq ħareġ minn quddiem wiċċ missieru Iżakk, ħuh Għesaw ġie lura mill-kaċċa.+
31 U hu wkoll għamel platt ikel tajjeb. U ġabu lil missieru u qal lil missieru: “Ħa jqum missieri u jiekol ftit mill-kaċċa taʼ ibnu, sabiex ruħek tberikni.”+
32 Għal dan, missieru Iżakk qallu: “Min int?” u dan wieġbu: “Jien ibnek, l-ewwel imwieled tiegħek, Għesaw.”+
33 U Iżakk beda jirtogħod, u r-rogħda li qabditu kienet verament kbira, u b’hekk qal: “Min kien, mela, dak li mar jaqbad il-kaċċa u ġabhieli, u jien kilt minn kollox qabel ma ġejt int u jien beriktu? U mbierek se jkun!”+
34 Malli semaʼ kliem missieru, Għesaw beda jgħajjat għajat kbir kollu mrar, u qal lil missieru:+ “Berikni, lili wkoll, missier!”+
35 Imma dan issokta jgħidlu: “Ħuk ġie għandi bil-qerq biex jieħu l-barka li kienet tmiss lilek.”+
36 U dan wieġbu: “Mhux għalhekk jismu Ġakobb,* ladarba ħadli posti bil-qerq dawn id-darbtejn?+ Diġà ħadli d-dritt bħala l-ewwel imwieled,+ u, ara, issa ħadli l-barka!”+ Imbagħad żied: “Ma rfajtlix barka lili?”
37 Imma biex iwieġeb lil Għesaw, Iżakk kompla: “Ara! Jien ħtartu sid fuqek,+ u lil ħutu kollha tajthomlu bħala qaddejja,+ u qmuħ u nbid ġdid jien tajtu biex ngħinu,+ u x’hemm li nistaʼ nagħmel għalik, ibni?”
38 Imbagħad Għesaw qal lil missieru: “Barka waħda biss għandek, missier? Berikni, lili wkoll, missier!”+ U malli qal hekk Għesaw għolla leħnu u nfaqaʼ jibki.+
39 Għalhekk, bi tweġiba missieru Iżakk qallu:
“Ara! ’Il bogħod mill-ħamrija fertili taʼ l-art se tkun għamartek, u ’l bogħod min-nida tas-smewwiet minn fuq.+
40 U b’sejfek tgħix,+ u lil ħuk taqdi.+ Imma żgur li se jiġri li, meta ssir bla sabar, int tabilħaqq se tkisser il-madmad tiegħu minn fuq għonqok.”+
41 Madankollu, Għesaw kellu mibegħda kbira għal Ġakobb minħabba l-barka li missieru kien bierku biha,+ u Għesaw baqaʼ jgħid f’qalbu:+ “Il-jiem tal-vistu għal missieri qed joqorbu.+ U wara, jien se noqtol lil ħija Ġakobb.”+
42 Meta Rebekka semgħet bil-kliem li kien qal binha l-kbir Għesaw, minnufih bagħtet issejjaħ lil binha ż-żgħir Ġakobb u qaltlu: “Ara! Ħuk Għesaw qed jikkonsla bl-idea li joqtlok.+
43 Issa, mela, ibni, ismaʼ minn kliemi u qum+ u aħrab għal għand ħija Laban f’Ħaran.+
44 U għammar miegħu għal xi żmien sakemm tibred il-korla taʼ ħuk,+
45 sakemm titbiegħed minnek ir-rabja taʼ ħuk u jinsa dak li għamiltlu.+ U jien żgur li nibgħat għalik u nġibek minn hemmhekk. Għala għandi nitlifkom it-tnejn f’jum wieħed?”
46 Imbagħad Rebekka baqgħet tgħid lil Iżakk: “Stmerrejt lil din ħajti minħabba l-bniet taʼ Ħet.+ Jekk Ġakobb xi darba jieħu mara mill-bniet taʼ Ħet bħal dawn, mill-bniet taʼ din l-art, x’tiswieli l-ħajja?”+
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Jaqbad l-Għarqub; Jieħu Post Ħaddieħor.”