Ġenesi 29:1-35

29  Imbagħad Ġakobb beda miexi u vvjaġġa lejn art in-​nies taʼ l-​Orjent.+  Issa hu ħares, u, ara, kien hemm bir fl-​għalqa, u, ara, tliet merħliet nagħaġ kienu mimdudin hemmhekk maġenbu, għax minn dak il-​bir kienu mdorrijin jisqu lill-​imrieħel;+ u kien hemm ġebla kbira fuq il-​bokka tal-​bir.+  Meta l-​imrieħel kollha kienu jinġabru hemmhekk, ir-​rgħajja kienu jgerbu l-​ġebla minn fuq il-​bokka tal-​bir, u kienu jisqu lill-​imrieħel, u wara kienu jerġgħu jqiegħdu l-​ġebla f’postha fuq il-​bokka tal-​bir.  Għalhekk, Ġakobb qalilhom: “Ħuti, minfejn intom?” u huma wiġbuh: “Minn Ħaran.”+  Imbagħad qalilhom: “Tafuh lil Laban,+ li nannuh hu Naħor?”+ u huma wiġbuh: “Nafuh.”  Għal dan, qalilhom: “Kif inhu, tajjeb?”+ Qalulu: “Tajjeb. U, ara, bintu Rakele+ ġejja bin-​nagħaġ!”+  U hu ssokta jgħid: “Ara! Il-​jum għadu fl-​aqwa tiegħu. M’huwiex il-​ħin biex jinġabru l-​imrieħel. Isqu lin-​nagħaġ, imbagħad morru irgħuhom.”+  Għal dan, qalulu: “Ma nistgħux qabel ma jinġabru l-​imrieħel kollha u fil-​fatt igerbu l-​ġebla minn fuq il-​bokka tal-​bir. Imbagħad nisqu lin-​nagħaġ.”  Waqt li kien għadu qed jitkellem magħhom, waslet Rakele+ bin-​nagħaġ taʼ missierha, għax hi kienet ragħajja.+ 10  U ġara li, meta Ġakobb ra lil Rakele, bint Laban, ħu ommu, u n-​nagħaġ taʼ Laban, Ġakobb minnufih resaq u gerbeb il-​ġebla minn fuq il-​bokka tal-​bir u seqa lin-​nagħaġ taʼ Laban.+ 11  Imbagħad Ġakobb bies+ lil Rakele u għolla leħnu u nfaqaʼ jibki.+ 12  U Ġakobb beda jgħid lil Rakele li hu kien qarib+ missierha u li kien bin Rebekka. U hi telqet tiġri tgħid lil missierha.+ 13  Issa ġara li, malli Laban semaʼ l-​aħbar dwar Ġakobb, bin oħtu, telaq jiġri biex jiltaqaʼ miegħu.+ Imbagħad ħaddnu miegħu u biesu u ħadu d-​dar tiegħu.+ U Ġakobb beda jirrakkonta dawn l-​affarijiet kollha lil Laban. 14  Imbagħad Laban qallu: “Tabilħaqq, int għadmi u laħmi.”+ Għalhekk, qagħad miegħu xahar sħiħ. 15  Imbagħad Laban qal lil Ġakobb: “Int il-​qarib tiegħi,+ u se taqdini b’xejn?+ Għidli, X’għandu jkun ħlasek?”+ 16  Issa Laban kellu żewġt ibniet. Il-​kbira kien jisimha Lea+ u ż-​żgħira kien jisimha Rakele. 17  Imma għajnejn Lea kienu mitfijin, filwaqt li Rakele+ kienet saret sabiħa f’suritha u kellha wiċċha ħelu.+ 18  U Ġakobb kien iħobb lil Rakele. Għalhekk, qal: “Jien lest li naqdik sebaʼ snin għal bintek iż-​żgħira Rakele.”+ 19  U Laban qallu: “Aħjar nagħtiha lilek milli nagħtiha lil xi raġel ieħor.+ Ibqaʼ għammar miegħi.” 20  U Ġakobb qeda sebaʼ snin għal Rakele,+ imma għalih dawn kienu qishom ftit jiem daqskemm kien iħobbha.+ 21  Imbagħad Ġakobb qal lil Laban: “Agħtini lil marti, għaliex għalaqli ż-​żmien, sabiex inkun nistaʼ jkolli x’naqsam magħha.”+ 22  U Laban ġabar lin-​nies kollha tal-​post u għamel festa.+ 23  Imma ġara li tard fil-​għaxija hu ħa lil bintu Lea u ġabhielu biex ikollu x’jaqsam magħha. 24  U barra minn hekk, Laban taha lil Żilfa,+ il-​qaddejja tiegħu, biex tkun il-​qaddejja taʼ bintu Lea. 25  U ġara li fil-​għodu ra li kienet Lea! Għalhekk, qal lil Laban: “X’inhu dan li għamiltli? Jien mhux għal Rakele qdejtek? Allura għala dħaqt bija?”+ 26  U Laban qallu: “M’hijiex id-​drawwa li nagħmlu hekk fostna, li nagħtu ż-​żgħira qabel il-​kbira. 27  Iċċelebra+ din il-​ġimgħa kollha maʼ din il-​mara. Wara tingħatalek ukoll din il-​mara l-​oħra għas-​servizz li int tistaʼ tagħtini għal sebaʼ snin oħra.”+ 28  B’hekk, Ġakobb għamel hekk u ċċelebra l-​ġimgħa kollha maʼ din il-​mara, u wara Laban tah lil bintu Rakele b’martu. 29  Barra minn hekk, Laban ta l-​qaddejja tiegħu Bilħa+ lil bintu Rakele bħala l-​qaddejja tagħha. 30  Imbagħad Ġakobb kellu x’jaqsam ukoll maʼ Rakele u anki wera iktar imħabba lejn Rakele milli lejn Lea,+ u baqaʼ jaqdih għal sebaʼ snin oħra.+ 31  Meta Ġeħova ra li Lea ma kinitx maħbuba,* fetħilha ġufha,+ imma Rakele ma setax ikollha tfal.+ 32  U Lea ħarġet tqila u wildet iben u semmietu Ruben,*+ għax qalet: “Huwa għaliex Ġeħova ħares lejn il-​miżerja tiegħi,+ u issa żewġi jibda jħobbni.” 33  U hi reġgħet ħarġet tqila u wildet iben, u qalet: “Huwa għaliex Ġeħova semagħni,+ peress li ma kontx maħbuba,* u b’hekk tani lil dan ukoll.” Għalhekk, semmietu Simegħon.*+ 34  U reġgħet ħarġet tqila u wildet iben u mbagħad qalet: “Issa din id-​darba żewġi jinġibed lejja, għaliex ulidtlu tliet subien.” Għalhekk, semmietu Levi.*+ 35  U għal darb’oħra ħarġet tqila u wildet iben u mbagħad qalet: “Din id-​darba se nfaħħar lil Ġeħova.” Għalhekk, semmietu Ġuda.*+ Imbagħad waqfet tiled.

Noti taʼ taħt

Letteralment, “kienet mibgħuda.”
Ifisser “Ara, Iben!”
Letteralment, “kont mibgħuda.”
Ifisser “Jismaʼ,” jiġifieri, billi jaċċetta.
Ifisser “Żamm ma’; Magħqud ma’.”
Ifisser “Imfaħħar; Oġġett taʼ Tifħir.”