Luqa 16:1-31

16  Imbagħad qal ukoll lid-​dixxipli: “Wieħed raġel kien għani u kellu prokuratur,+ u lil dan xlewh lil sidu li kien qed iberbaqlu ġidu.+  Għalhekk, sejjaħlu u qallu, ‘X’qed nismaʼ dwarek? Agħtini rendikont+ tal-​prokura tiegħek, għax ma tistax tibqaʼ tmexxi f’dari.’  Imbagħad il-​prokuratur qal f’qalbu, ‘Issa x’nagħmel la sidi+ jneħħili l-​prokura? Ma niflaħx nagħżaq u nistħi nittallab.  Naf x’għandi nagħmel sabiex, meta titneħħieli l-​prokura, in-​nies jilqgħuni fi djarhom.’+  U sejjaħ lil kulmin kellu d-​dejn maʼ sidu, u lill-​ewwel wieħed qallu, ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’  Qal, ‘Mitt ġarra kbira żejt taż-​żebbuġa.’ Qallu, ‘Ħu l-​kitba tal-​ftehim tiegħek u oqgħod bil-​qiegħda u ikteb malajr ħamsin.’  Imbagħad qal lil ieħor, ‘Issa int, kemm għandek tagħtih?’ Qal, ‘Mitt xkora kbira qamħ.’ Qallu, ‘Ħu l-​kitba tal-​ftehim tiegħek u ikteb tmenin.’  U s-​sid faħħar lill-​prokuratur għax għalkemm ma kienx raġel sewwa mexa bl-​għaqal* taʼ moħħu;+ għax ulied din is-​sistema jimxu bl-​għaqal taʼ moħħhom mal-​ġenerazzjoni tagħhom iktar minn ulied id-​dawl.+  “Ukoll, ngħidilkom, Agħmlu għalikom ħbieb+ permezz taʼ l-​għana mhux ġust,+ sabiex meta jispiċċa, jilqgħukom fl-​għamajjar taʼ dejjem.+ 10  Min juri fedeltà fl-​inqas ħaġa juri fedeltà wkoll fil-​ħafna, u min ma jagħmilx is-​sewwa fl-​inqas ħaġa ma jagħmilx is-​sewwa wkoll fil-​ħafna.+ 11  Għalhekk, jekk ma wrejtux fedeltà fl-​għana mhux ġust, min se jafdakom b’dak li hu veru?+ 12  U jekk ma wrejtux fedeltà f’dak li hu taʼ ħaddieħor,+ min se jagħtikom dak li hu tagħkom? 13  Ebda qaddej fid-​dar ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-​ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-​ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-​flus.”+ 14  Issa l-​Fariżej, li kienu jħobbu l-​flus, kienu qed jisimgħu dan kollu, u bdew jitkerrhulu.+ 15  Għaldaqstant qalilhom: “Intom tiddikjaraw lilkom infuskom ġusti quddiem il-​bnedmin,+ imma Alla jaf x’hemm fi qlubkom;+ għax dak li hu meqjus importanti fost il-​bnedmin hu moqżież f’għajnejn Alla.+ 16  “Il-​Liġi u l-​Profeti kienu sa Ġwanni.+ Minn dak iż-​żmien ’l hawn is-​saltna t’Alla qed tixxandar bħala aħbar tajba, u kull xorta taʼ nies qed tirsisti għaliha.+ 17  Tabilħaqq, hu eħfef li jgħaddu+ s-​sema u l-​art milli ma titwettaqx+ tikka+ minn ittra tal-​Liġi. 18  “Kulmin jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ mara divorzjata minn żewġha jagħmel adulterju.+ 19  “Wieħed raġel+ għani kien jiddandan bil-​porpra u bl-​għażel u jgawdi bl-​abbundanza+ minn jum għal jum. 20  U wieħed tallab jismu Lazzru kien jitqiegħed ħdejn il-​bieb tiegħu. Kien mimli ġrieħi 21  u kien jixtieq li jimla żaqqu b’dak li jaqaʼ minn fuq il-​mejda taʼ l-​għani. Iva, saħansitra l-​klieb kienu jiġu jilagħqulu l-​ġrieħi. 22  Issa, maż-​żmien, it-​tallab miet+ u ttieħed mill-​anġli fi ħdan+ Abraham.+ “Ukoll, l-​għani miet+ u ndifen. 23  U fil-​Qabar* refaʼ għajnejh ’il fuq, waqt li kien għaddej minn tbatija kbira,+ u ra lil Abraham ’il bogħod u lil Lazzru miegħu, fi ħdanu. 24  Għalhekk, għajjat u qal, ‘Missieri Abraham,+ ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-​ilma u jberridli lsieni,+ għax qed inbati f’dan in-​nar iħeġġeġ.’+ 25  Imma Abraham qallu, ‘Ibni, ftakar li int irċivejt bis-​sħiħ it-​tajjeb f’ħajtek, imma Lazzru rċieva l-​ħsara. Iżda, issa hu qed jitfarraġ hawnhekk imma int qed tbati.+ 26  Barra minn hekk, tqiegħed dagħbien kbir+ bejnna u bejnkom,+ biex dawk li jkunu jridu jmorru minn hawnhekk għal għandkom ma jkunux jistgħu u lanqas jaqsmu minn hemmhekk għal għandna.’+ 27  Imbagħad qallu, ‘F’dak il-​każ nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, 28  għax għandi ħames aħwa, biex jagħtihom xiehda bir-​reqqa ħalli ma jidħlux huma wkoll f’dan il-​post taʼ tbatija.’ 29  Imma Abraham qallu, ‘Għandhom lil Mosè+ u l-​Profeti;+ ħa jisimgħu lilhom.’+ 30  Imbagħad qallu, ‘Le, missieri Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-​imwiet jindmu.’ 31  Imma qallu, ‘Jekk ma jisimgħux minn Mosè+ u l-​Profeti, lanqas jekk iqum xi ħadd mill-​imwiet ma jipperswadihom.’”

Noti taʼ taħt

Jew, “bl-​għerf prattiku.”
Bil-Grieg, “Ħades.” Ara Appendiċi 4.