Luqa 2:1-52
2 Issa f’dawk il-jiem ħareġ digriet+ mingħand Ċesari Awgustu biex tiġi reġistrata l-art abitata kollha;
2 (din l-ewwel reġistrazzjoni saret meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja;)
3 u n-nies kollha vvjaġġaw, kulħadd lejn beltu, biex jiġu reġistrati.+
4 Naturalment, Ġużeppi wkoll telaʼ mill-Galilija, mill-belt taʼ Nazaret, għal-Lhudija, lejn il-belt taʼ David, li jisimha Betlehem,+ peress li kien membru tad-dar u l-familja taʼ David,+
5 biex jiġi reġistrat maʼ Marija+ li ngħatatlu fiż-żwieġ, kif kien imwiegħed,+ u li fil-preżent kienet tqila.+
6 Waqt li kienu hemmhekk, għalqilha ż-żmien.
7 U wildet lil binha, l-ewwel imwieled,+ u fisqietu u medditu f’maxtura,+ għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
8 Kien hemm ukoll f’dak l-istess pajjiż xi rgħajja, li kienu jgħixu barra, għassa bil-lejl maʼ l-imrieħel tagħhom.
9 U f’daqqa waħda l-anġlu+ taʼ Ġeħova ġie ħdejhom, u iddiet madwarhom il-glorja+ taʼ Ġeħova, u beżgħu ħafna.
10 Imma l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax, ara! Qed inxandrilkom aħbar tajba taʼ ferħ kbir li se jkollhom in-nies kollha,+
11 għax illum, fil-belt taʼ David,+ twildilkom Salvatur+ li hu Kristu l-Mulej.+
12 U dan hu sinjal għalikom: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.”
13 U f’daqqa waħda maʼ l-anġlu dehret kotra mill-armata tas-sema,+ ifaħħru lil Alla+ u jgħidu:
14 “Glorja lil Alla fl-ogħla postijiet tas-smewwiet,+ u paċi+ fuq l-art fost il-bnedmin taʼ rieda tajba.”+
15 Għalhekk, meta l-anġli telqu minn ħdejhom u marru fis-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejja mmorru dritt Betlehem u naraw dak li ġara u li għarrfilna Ġeħova.”+
16 U marru bl-għaġla u sabu lil Marija kif ukoll lil Ġużeppi, u t-tarbija mimduda fil-maxtura.
17 Meta raw it-tarbija, bdew jgħidu dak li ntqalilhom dwar dan it-tifel.
18 U dawk kollha li semgħu stagħġbu bl-affarijiet li qalulhom ir-rgħajja,
19 imma Marija baqgħet tgħożż dan il-kliem kollu u tasal għal konklużjonijiet f’qalbha.+
20 Imbagħad ir-rgħajja marru lura, jigglorifikaw u jfaħħru lil Alla għal dak kollu li semgħu u raw bħalma kien intqalilhom.
21 Issa, meta għaddew it-tmint ijiem+ biex jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni,+ semmewh Ġesù,+ l-isem imsemmi mill-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.+
22 Ukoll, meta għaddewlhom il-jiem tal-purifikazzjoni+ skond il-liġi taʼ Mosè, tellgħuh Ġerusalemm biex jippreżentawh lil Ġeħova,
23 bħalma hu miktub fil-liġi taʼ Ġeħova: “Kull tifel li jiftaħ il-ġuf ikun imqaddes lil Ġeħova,”+
24 u biex joffru sagrifiċċju skond dak li jingħad fil-liġi taʼ Ġeħova: “Par gamiem jew żewġ bċieċen.”+
25 U, ara! Kien hemm f’Ġerusalemm raġel li kien jismu Simegħon, u dan kien raġel sewwa li jibżaʼ minn Alla, jistenna l-konsolazzjoni taʼ Israel,+ u l-ispirtu qaddis kien fuqu.
26 Iktar minn hekk, kien ġie rivelat lilu b’mod divin mill-ispirtu qaddis li ma kellux jara l-mewt qabel ma jara lill-Kristu+ taʼ Ġeħova.
27 Bil-qawwa taʼ l-ispirtu+ issa daħal fit-tempju; u kif il-ġenituri daħlu biċ-ċkejken Ġesù biex jagħmlulu skond id-drawwa tal-liġi,+
28 ħadu f’dirgħajh u bierek lil Alla u qal:
29 “Issa, Mulej Sovran, qed tħalli lill-ilsir tiegħek imur ħieles fil-paċi+ skond dak li għedt;
30 għax għajnejja raw il-mezz tiegħek taʼ salvazzjoni+
31 li int ipprovdejt quddiem il-popli kollha,+
32 dawl+ biex ineħħi l-velu+ lill-ġnus+ u glorja tal-poplu tiegħek Israel.”
33 U missieru u ommu baqgħu skantati b’dak li kien qed jintqal dwaru.
34 Ukoll, Simegħon berikhom, imma qal lil Marija ommu: “Ara! Hu jitqiegħed għall-waqgħa+ u l-qawma mill-ġdid taʼ ħafna f’Israel+ u bħala sinjal biex jitkellmu kontrih+
35 (iva, xabla twila se tinfidlek ruħek),+ sabiex jinkixef l-irraġunar taʼ ħafna qlub.”+
36 Issa kien hemm Anna, profetessa, bint Fanwel, mit-tribù t’Aser (din il-mara kienet imdaħħla sew fiż-żmien, u kienet għexet maʼ żewġha sebaʼ snin minn meta kienet verġni,
37 u issa kienet armla+ t’erbgħa u tmenin sena), u din qatt ma kienet tonqos mit-tempju biex tagħti servizz sagru lejl u nhar+ bis-sawm u bit-talb.
38 U dak il-ħin stess resqet qrib u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem dwar it-tifel maʼ dawk kollha li kienu qed jistennew il-ħelsien taʼ Ġerusalemm.+
39 Imbagħad meta wettqu dak kollu li titlob il-liġi+ taʼ Ġeħova, marru lura l-Galilija lejn belthom Nazaret.+
40 U t-tifel kompla jikber u jissaħħaħ+ u jimtela bl-għerf, u l-approvazzjoni t’Alla+ baqgħet fuqu.
41 Issa l-ġenituri tiegħu kienu mdorrijin li minn sena għal sena jmorru Ġerusalemm+ għall-festa tal-Qbiż.
42 U meta kellu tnax-il sena, telgħu skond id-drawwa+ tal-festa
43 u baqgħu hemmhekk il-ġranet kollha. Imma meta kienu sejrin lura, it-tfajjel Ġesù baqaʼ warajhom Ġerusalemm u l-ġenituri tiegħu ma indunawx.
44 Billi immaġinaw li kien mal-ġemgħa li kienet qed tivvjaġġa magħhom, imxew distanza taʼ jum+ u mbagħad bdew ifittxuh fost il-qraba u l-ħbieb.
45 Imma, peress li ma sabuhx, marru lura Ġerusalemm ifittxuh bir-reqqa.
46 Wara tlett ijiem sabuh fit-tempju+ bil-qiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.
47 Imma dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.+
48 Issa, meta rawh, baqgħu skantati u ommu qaltlu: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jien konna qed infittxuk qisna rjus maqtugħa.”
49 Imma qalilhom: “Għalfejn fittixtuni? Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?”+
50 Madankollu, ma fehmux dak li qalilhom.+
51 Imbagħad niżel magħhom u ġie Nazaret, u baqaʼ sottomess lejhom.+ U ommu baqgħet iżżomm dan il-kliem kollu f’qalbha.+
52 U Ġesù baqaʼ javanza fl-għerf+ u fl-iżvilupp fiżiku u approvat minn Alla u mill-bnedmin.+