L-Ittra taʼ Ġakbu 1:1-27

  • Introduzzjoni tal-ittra (1)

  • Meta nissaportu nkunu ferħanin (2-15)

    • Il-fidi tgħaddi minn prova (3)

    • Ibqgħu itolbu bil-fidi (5-8)

    • Ix-xewqa twassal għad-dnub u l-mewt (14, 15)

  • Kull ħaġa tajba ġejja mis-sema (16-18)

  • Ismaʼ u obdi l-kelma (19-25)

    • Raġel iħares f’mera (23, 24)

  • Qima li hi nadifa u mhux imniġġsa (26, 27)

1  Jien Ġakbu, ilsir t’Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, qed nibgħat din l-ittra lit-12-il tribù li huma mxerrdin maʼ kullimkien: Inselli għalikom!  Ħuti, meta tgħaddu minn diversi provi, ikkunsidraw dan bħala xi ħaġa taʼ ferħ  għax tafu li meta l-fidi tagħkom tgħaddi minn prova, intom titgħallmu tissaportu.  Jekk tkomplu tissaportu, imbagħad se tkunu ttrennjati għalkollox, u se tkunu bla difett fl-aspetti kollha u ma jkun jonqoskom xejn.  Jekk xi ħadd minnkom għandu bżonn l-għerf, hu għandu jkompli jitlob lil Alla u se jingħatalu, għax Alla jagħti b’mod ġeneruż lil kulħadd u mhux se jirrabja maʼ* min jitolbu.  Però għandu jkompli jitlob bil-fidi mingħajr ma jiddubita, għax min jiddubita hu bħal mewġa tal-baħar li titmexxa mir-riħ ’l hemm u ’l hawn.  Infatti, xi ħadd bħal dan m’għandu jistenna li jirċievi xejn mingħand Ġeħova,*  għax hu bniedem indeċiż u mhux stabbli f’kulma jagħmel.  Imma l-ħu fqir għandu jifraħ* għax Alla se jonorah, 10  u l-ħu sinjur għandu jifraħ għax tgħallem ikun umli. Għax min hu sinjur se jmut bħal fjura. 11  Għax bħalma x-xemx titfaʼ sħana taħraq u b’hekk tnixxef pjanta, jaqgħu l-fjuri tagħha, u ma tibqax tidher sabiħa, hekk ukoll se jispiċċa s-sinjur li jirsisti biex ikollu l-ġid. 12  Ferħan min ikompli jissaporti waqt li jkun għaddej minn prova, għax meta jgħaddi mit-test, hu se jirċievi l-ħajja bħala rigal,* li Ġeħova* wiegħed lil dawk li jibqgħu jħobbuh. 13  Meta xi ħadd ikun għaddej minn sitwazzjoni diffiċli, m’għandux jgħid: “Alla qed jgħaddini minn prova.” Dan għax ħadd ma jistaʼ jħajjar lil Alla jagħmel affarijiet ħżiena, u Alla ma jħajjar lil ħadd biex jagħmel dak li hu ħażin. 14  Imma kull wieħed jgħaddi minn prova meta jiġi ttantat mix-xewqat tiegħu stess. 15  Imbagħad meta x-xewqa ssir kbira ħafna, iġġiegħel lil persuna tagħmel id-dnub,* u dan iwassal għall-mewt. 16  Għeżież aħwa, titqarrqux. 17  Kull ħaġa tajba u kull rigal perfett ġejjin mis-sema, mingħand il-Missier li għamel ix-xemx, il-qamar, u l-istilel. Hu ma jinbidilx bħalma jagħmel dell li jiċċaqlaq. 18  Hu tana l-ħajja meta aħna emminna li l-kelma tiegħu hi l-verità għax dan kien dak li jrid hu. B’hekk aħna stajna nsiru l-ewwel uħud li ġejna magħżulin minn dak li ħalaq. 19  Għeżież aħwa, kunu afu dan: Kull wieħed għandu jkun ħafif biex jismaʼ, imma tqil biex jitkellem u tqil biex jirrabja, 20  għax il-persuna li tirrabja ma tkunx qed taġixxi fi qbil mal-ġustizzja t’Alla. 21  Għalhekk, neħħu kull ħmieġ u kull traċċa taʼ ħażen,* u kunu umli u ħallu lil Alla jqiegħed* il-kelma tiegħu f’qalbkom. Il-kelma tiegħu tistaʼ ssalvakom.* 22  Iżda tkunux uħud li tisimgħu biss, imma għixu fi qbil mal-kelma, għax inkella tkunu qed tqarrqu bikom infuskom b’raġunar falz. 23  Għax jekk xi ħadd jismaʼ l-kelma imma ma jagħmilhiex, dan ikun bħal xi ħadd li jħares lejn wiċċu f’mera 24  u wara jitlaq ’l hemm, u mill-ewwel jinsa x’tip taʼ persuna hu. 25  Mill-banda l-oħra, min jeżamina sew il-liġi perfetta li twassal għal-libertà u jobdiha, mhuwiex xi ħadd li jismaʼ u jinsa, imma wieħed li jobdi l-kelma t’Alla u jkun ferħan li qed jagħmel dan. 26  Jekk xi ħadd jaħseb li qed iqim lil Alla imma ma jikkontrollax* ilsienu, hu jkun qed iqarraq bih innifsu,* u l-qima tiegħu tkun għalxejn. 27  Il-qima* li hi nadifa u mhux imniġġsa mill-ħarsa tal-Alla u l-Missier tagħna hi din: li tgħin lill-orfni u r-romol meta jkunu qed ibatu, u li żżomm ’il bogħod mill-affarijiet mhux nodfa tad-dinja.

Noti taʼ taħt

Jew “mhux se jċanfar lil.”
Letteralment “jiftaħar.”
Letteralment “il-kuruna tal-ħajja.”
Jew “meta x-xewqa ssir fertili, twelled id-dnub.”
Jew forsi “u l-ħafna ħażen.”
Letteralment “iħawwel.”
Jew “issalva lil ruħkom.“
Jew “jaħseb li hu reliġjuż imma ma jrażżanx.”
Letteralment “b’qalbu stess.”
Jew “Ir-reliġjon.”