L-Ittra taʼ Ġakbu 2:1-26

  • Li turi l-preferenzi hu dnub (1-13)

    • L-imħabba hi l-aqwa liġi (8)

  • Jekk ma nagħmlux affarijiet tajbin, il-fidi tkun bħallikieku mejta (14-26)

    • Id-demonji jemmnu u jitriegħdu bil-biżaʼ (19)

    • Abraham jissejjaħ il-ħabib taʼ Ġeħova (23)

2  Ħuti, kif jistaʼ jkun li wara li kellkom il-fidi fil-Mulej glorjuż tagħna Ġesù Kristu qed turu l-preferenzi?  Ejja ngħidu li tnejn min-nies jiġu għal-laqgħa tagħkom. Wieħed liebes ċrieket tad-deheb u ħwejjeġ li jqumu l-flus, u ieħor hu fqir u l-ħwejjeġ tiegħu huma maħmuġin.  Se tonoraw lil dak li għandu ħwejjeġ li jqumu l-flus u tgħidulu: “Poġġi hawnhekk f’post tajjeb,” u lill-fqir tgħidulu: “Ibqaʼ bilwieqfa” jew, “Poġġi ħdejn il-banketta għal saqajja”?  Jekk iva, mela qed tqisu lil xi ħadd aħjar minn ieħor u sirtu mħallfin li tieħdu deċiżjonijiet mill-agħar.  Isimgħuni għeżież aħwa. Mhux Alla kien li għażel in-nies li d-dinja tqishom fqar biex ikunu sinjuri fil-fidi? Mhux Alla kien li għażel lil dawn il-foqra biex ikunu werrieta tas-Saltna, li wegħedha lin-nies li jħobbuh?  Imma intom ma rrispettajtux lill-foqra. Mhux is-sinjuri li ħaqrukom u kaxkrukom lejn il-qrati?  Mhux huma jidgħu* bl-isem sabiħ li bih tissejħu?  L-Iskrittura tgħid: “Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.” Allura qed tagħmlu tajjeb jekk qed tobdu l-aqwa liġi.*  Imma jekk tkomplu turu preferenzi, tkunu qed tagħmlu dnub, u l-liġi tagħmilha ovvja li intom ħatja.* 10  Għax jekk hemm xi ħadd li jobdi l-Liġi kollha imma jiżbalja f’waħda minnhom, ikun kisirhom kollha. 11  Għax dak li qal: “Tagħmilx adulterju,” qal ukoll: “Toqtolx.”* Issa jekk int ma tagħmilx adulterju imma toqtol, tkun qed tikser il-liġi. 12  Ibqgħu tkellmu u aġixxu bħal dawk li se jiġu ġġudikati mil-liġi li teħles in-nies. 13  Għax min ma jurix ħniena se jiġi ġġudikat mingħajr ħniena. Li turi ħniena hu ħafna aħjar milli tiġġudika. 14  Ħuti, x’jiswa jekk xi ħadd jgħid li għandu l-fidi imma ma jurihiex b’dak li jagħmel? Din il-fidi ma tistax issalvah. 15  Ejja ngħidu li ħu jew oħt m’għandhiex biżżejjed x’tilbes* u biżżejjed x’tiekol. 16  X’jiswa li xi ħadd minnkom jgħid: “Mur fil-paċi, u jalla jkollok x’tilbes u l-ikel taʼ kuljum,” imma ma jagħtihiex dak li hemm bżonn biex tgħix? 17  Anki l-fidi, jekk ma tintweriex b’li tagħmel, hi bħallikieku mejta. 18  Minkejja dan, xi ħadd jistaʼ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jien nagħmel affarijiet tajbin. Urini l-fidi tiegħek mingħajr ma tagħmel affarijiet tajbin, u jien nurik il-fidi tiegħi b’dak li nagħmel.” 19  Int temmen li hemm Alla wieħed, hux vera? U sewwa tagħmel. Anki d-demonji jemmnu dan u jitriegħdu bil-biżaʼ. 20  Ja bniedem vojt, m’intix tinduna li l-fidi li ma tintweriex b’dak li tagħmel hi għalxejn? 21  Missierna Abraham kien iddikjarat ġust wara li offra lil ibnu Iżakk fuq l-artal. 22  Il-fidi tiegħu ntweriet b’dak li għamel, u b’dak li għamel wera b’mod ċar li hu veru kellu l-fidi.* 23  Allura ġara bħalma tgħid l-Iskrittura: “Abraham fada f’Ġeħova,* u ġie kkunsidrat ġust,” u beda jissejjaħ il-ħabib taʼ Ġeħova.* 24  Mela persuna tiġi ddikjarata ġusta b’dak li tagħmel, u mhux bil-fidi biss. 25  Anki Raħab il-prostituta ġiet iddikjarata ġusta b’dak li għamlet wara li kienet laqgħet għandha l-ispiji u qaltilhom biex joħorġu minn xi mkien ieħor. 26  Fil-fatt, bħalma l-ġisem mingħajr il-ħajja* hu mejjet, l-istess jiġri bil-fidi tagħna jekk ma nagħmlux affarijiet tajbin, tkun bħallikieku mejta.

Noti taʼ taħt

Letteralment “il-liġi taʼ re.”
Jew “u l-liġi twiddibkom talli qed tiksruha.”
Hawnhekk “toqtolx” jirreferi għal qtil apposta u kontra l-liġi.
Letteralment “għarwiena.”
Letteralment “il-fidi tiegħu saret perfetta.”
Jew “in-nifs.” Letteralment “l-ispirtu.”