L-Ittra taʼ Ġakbu 3:1-18
3 Ħuti, ħafna minnkom m’għandhomx isiru għalliema, għax bħala għalliema aħna għandna responsabbiltà akbar quddiem Alla.*
2 Fil-fatt, kollha kemm aħna nitfixklu* ħafna drabi. Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid, ikun perfett u kapaċi jikkontrolla* ġismu kollu.
3 Jekk nagħmlu lġiem* f’ħalq iż-żiemel biex jobdina, aħna nkunu nistgħu nikkontrollaw lil ġismu kollu.
4 Anki l-vapuri, għalkemm huma kbar ħafna u jitmexxew minn riħ qawwi, huma jiġu ggwidati minn tmun żgħir ħafna u jmorru fejn ikun irid dak li jkun mat-tmun.
5 Bl-istess mod l-ilsien. Hu parti żgħira mill-ġisem, imma bih tistaʼ tiftaħar ħafna. Anki fjamma żgħira tistaʼ tqabbad foresta kbira!
6 L-ilsien hu bħal nar. Dan hu mimli ħażen u jniġġes il-ġisem kollu. Dan jistaʼ jeqred il-ħajja taʼ xi ħadd u jġib il-qerda bħal Geħenna.*
7 Kull tip t’annimal salvaġġ, għasfur, rettili,* u ħliqa tal-baħar jistgħu jiġu mmansati u ġew immansati min-nies.
8 Imma ebda persuna ma tistaʼ tikkontrolla* l-ilsien. Dan hu bla kontroll, iweġġaʼ, u mimli velenu li joqtol.
9 Bih infaħħru lil Ġeħova,* il-Missier tagħna, u bih nisħtu lin-nies li nħolqu “fis-sura t’Alla.”
10 Mill-istess ħalq joħorġu l-barka u s-saħta.
Ħuti, mhux sew li jsiru dawn l-affarijiet.
11 L-ilma ħelu* u l-ilma morr ma joħorġux mill-istess għajn, hux hekk?
12 Ħuti, tina ma tistax tagħmel iż-żebbuġ, jew dielja ma tistax tagħmel it-tin, hux hekk? Għajn tal-ilma li joħroġ minnha ilma mielaħ ma jistax joħroġ ilma ħelu.
13 Jekk xi ħadd minnkom hu għaref u kapaċi jifhem, hu għandu juri bil-kondotta tajba tiegħu li dak li jagħmel qed jagħmlu bil-ħlewwa li ġejja mill-għerf.
14 Imma jekk għandkom għira kbira f’qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied,* m’għandkomx tiftaħru bl-għerf tagħkom. Jekk tagħmlu hekk, tkunu qed tigdbu.
15 Dan mhux l-għerf li ġej minn Alla, imma li ġej mid-dinja, minn dawk li jissodisfaw il-ġisem midneb, u mid-demonji.
16 Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied,* ikun hemm ukoll nuqqas t’ordni u kull ħaġa ħażina.
17 Imma min għandu l-għerf t’Alla, l-ewwel nett jgħix ħajja nadifa, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi, iħenn ħafna, jagħmel dak li hu tajjeb, ma jurix preferenzi, u mhux ipokrita.
18 Barra minn hekk, min imur tajjeb man-nies jgħin biex ikun hemm il-paċi, u b’hekk jagħmel dak li hu sew.
Noti taʼ taħt
^ Jew “se nirċievu ġudizzju iktar iebes.”
^ Jew “niżbaljaw.”
^ Jew “iliġġem.”
^ Din kienet biċċa ħadida mqabbda b’ħabel u tintuża biex tikkontrolla żiemel.
^ Jew “annimal li jitkaxkar.”
^ Jew “timmansa.”
^ Jew “ġieri.”
^ Jew forsi “u għandkom ambizzjoni egoista.”
^ Jew forsi “ambizzjoni egoista.”