L-Ittra taʼ Ġakbu 4:1-17
4 Minn fejn ġejjin il-ġlied u l-argumenti li hemm bejnietkom? Dawn ġejjin minn xewqat egoisti li qed jiġġieldu biex jikkontrollawkom.
2 Hu għalhekk li tixtiequ xi ħaġa, imma ma tirċievu xejn. Intom tibqgħu tobogħdu* lil xulxin u tixxennqu għall-affarijiet taʼ ħaddieħor, imma tibqgħu b’xejn. Iva, intom tibqgħu tiġġieldu u bħallikieku qegħdin fi gwerra bejnietkom. Ukoll, jekk m’għandkom xejn, sinjal li għax ma titolbux.
3 U meta titolbu, ma tirċivux, għax titolbu bi skop ħażin biex tissodisfaw ix-xewqat egoisti tagħkom.
4 Ja wħud mhux leali,* ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja tagħmilkom għedewwa m’Alla? Għalhekk, kull min irid ikun ħabib mad-dinja qed jagħmel lilu nnifsu għadu t’Alla.
5 Mhux taʼ b’xejn li l-Iskrittura tgħid: “Minħabba li għandna t-tendenza li ngħiru, aħna l-ħin kollu nixxennqu għal affarijiet differenti.”
6 Imma l-qalb tajba kbira t’Alla tgħinna negħlbu dawn ix-xewqat. Għalhekk l-Iskrittura tgħid: “Alla jiħodha kontra l-kburin, imma juri qalb tajba kbira mal-umli.”
7 Għalhekk, issottomettu ruħkom lejn Alla; imma iqfulu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom.
8 Ersqu qrib t’Alla, u hu jersaq qrib tagħkom. Naddfu lilkom infuskom mill-affarijiet mill-agħar li għamiltu, ja midinbin,* u żommu l-ħsibijiet tagħkom nodfa, ja indeċiżi.
9 Kunu miżerabbli, imdejqin, u ibku. Ħa jinbidel id-daħq tagħkom fi dwejjaq, u l-ferħ tagħkom f’niket.
10 Umiljaw ruħkom quddiem Ġeħova,* u hu jonorakom.
11 Ħuti, tibqgħux titkellmu kontra xulxin. Min jitkellem kontra ħuh jew jiġġudika lil ħuh ikun qed jitkellem kontra l-liġi u jiġġudika l-liġi. Issa jekk tiġġudika l-liġi, m’intix qed tagħmel dak li trid il-liġi, imma qed tagħmilha taʼ mħallef.
12 Alla biss hu Dak li Jagħmel il-Liġi u Mħallef, hu l-wieħed li jistaʼ jsalva u jeqred. Imma int min int biex tiġġudika lil ħaddieħor?
13 Xi wħud minnkom jgħidu: “Illum jew għada se mmorru f’din il-belt, inqattgħu sena hemmhekk, ninnegozjaw, u naqilgħu l-flus.”
14 Imma intom ma tafux x’se jiġri minnkom għada, għax intom bħal ċpar li jidher għal ftit u mbagħad jisparixxi.
15 Minflok, għandkom tgħidu: “Jekk Ġeħova* jrid, se nibqgħu ngħixu u nagħmlu hekk u hekk.”
16 Imma intom kburin u tiftaħru wisq. Dan il-ftaħir hu ħażin ħafna.
17 Għalhekk, jekk xi ħadd jaf jagħmel dak li hu sew u ma jagħmlux, ikun qed jagħmel dnub.