Ġenesi 15:1-21

  • Il-patt t’Alla m’Abram (1-21)

    • Imbassra l-400 sena taʼ moħqrija (13)

    • Tiġi rripetuta l-wegħda t’Alla lil Abram (18-21)

15  Wara dan, Ġeħova kellem lil Abram f’dehra u qallu: “Tibżax, Abram. Jien tarka għalik. Il-premju tiegħek ikun kbir ħafna.”  Abram wieġeb: “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* x’se tagħtini ladarba jien għad m’għandix tfal u dak li se jiret lil dari hu Eligħeżer, raġel minn Damasku?”  Abram żied: “Int ma tajtni ebda dixxendent, u b’hekk qaddej* minn dari se jiritni.”  Imma Ġeħova wieġbu: “Dan ir-raġel mhux se jirtek, imma ibnek* stess għad jirtek.”  Hu ħarġu barra u qallu: “Jekk jogħġbok, ħares ’il fuq lejn is-sema u għodd l-istilel, jekk kapaċi tagħmel dan.” Imbagħad qallu: “Hekk għad ikunu d-dixxendenti tiegħek.”*  Abram fada* f’Ġeħova, u Hu kkunsidrah ġust.*  Imbagħad żied: “Jien Ġeħova, li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin biex nagħtik din l-art ħalli tkun tiegħek.”  Għal dan staqsieh: “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, kif se nkun naf li din se tkun tiegħi?”  Hu wieġbu: “Ħu baqra* taʼ tliet snin, mogħża taʼ tliet snin, muntun taʼ tliet snin, gamiema, u beċċun.” 10  Għalhekk, hu ħa dawn kollha u qasamhom fi tnejn u poġġa kull parti faċċata tal-oħra,* imma l-għasafar ma qasamhomx. 11  Imbagħad l-għasafar tal-priża bdew jinżlu fuq l-iġsma tal-annimali mejtin, imma Abram qagħad ikeċċihom. 12  Meta x-xemx kienet waslet biex tinżel, ngħas kbir waqaʼ fuq Abram u waqgħet fuqu dalma kbira u tal-biżaʼ. 13  Imbagħad Alla qal lil Abram: “Kun af fiż-żgur li d-dixxendenti tiegħek* se jkunu barranin f’art li mhix tagħhom u li n-nies t’hemm jagħmluhom ilsiera u jaħqruhom għal 400 sena. 14  Imma jien se niġġudika lill-poplu li se jaqdu. Wara, id-dixxendenti tiegħek* joħorġu minn hemm b’ġid kbir. 15  Inkwantu għalik, int se tindifen bħal missirijietek wara li tkun għext ħajja twila u sodisfaċenti. 16  Imma fir-rabaʼ ġenerazzjoni, jerġgħu lura hawnhekk, għaliex għadu ma wasalx iż-żmien biex l-Amurrin jiġu kkastigati għall-iżbalji tagħhom.” 17  Meta x-xemx niżlet u dalam sew, deher forn idaħħan, u torċa taqbad għaddiet bejn il-biċċiet tal-laħam. 18  Dakinhar Ġeħova għamel patt m’Abram u qallu: “Din l-art se nagħtiha lid-dixxendenti tiegħek,* mix-xmara tal-Eġittu sax-xmara l-kbira, ix-Xmara Ewfrat: 19  l-art tal-Kenin, tal-Keneżin, tal-Kadmunin, 20  tal-Ħittin, tal-Pereżin, tar-Refajin, 21  tal-Amurrin, tal-Kangħanin, tal-Girgasin, u tal-Ġebusin.”

Noti taʼ taħt

Jew “Mulej Sovran Ġeħova.”
Letteralment “iben.”
Letteralment “wieħed li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek.”
Jew “dawk li se jiġu minnek.”
Jew “emmen.”
Jew “għaddlu dan bħala ġustizzja.”
Jew “għoġla.”
Jew “poġġa kull parti minnhom biex taqbel mal-oħra.”
Jew “dawk li se jiġu minnek.”
Jew “dawk li se jiġu minnek.”
Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”