Ġenesi 23:1-20
-
Il-mewt taʼ Sara u l-post tad-dfin tagħha (1-20)
23 Sara kellha 127 sena meta mietet.
2 Hi mietet f’Kirjat-arba, jiġifieri Ħebron, fl-art taʼ Kangħan. Abraham kien imdejjaq ħafna u beda jibkiha.
3 Imbagħad, telaq minn ħdejn martu li kienet mietet u lit-tfal taʼ Ħet qalilhom:
4 “Jien barrani u immigrant fostkom. Agħtuni post għad-dfin fostkom sabiex inkun nistaʼ nidfen lill-mara tiegħi hemmhekk.”
5 It-tfal taʼ Ħet imbagħad wieġbu lil Abraham:
6 “Sidna, fostna int kap taʼ tribù magħżul minn Alla.* Int tistaʼ tidfen lil martek fl-aqwa post għad-dfin li għandna. Ħadd minna mhu se jċaħħdek mill-post għad-dfin li għandu u jżommok milli tidfen lil martek.”
7 U Abraham qam u miel quddiem in-nies tal-post, quddiem it-tfal taʼ Ħet,
8 u qalilhom: “Jekk taqblu li nidfen lil marti, allura isimgħuni u ħeġġu lil Għefron bin Soħar
9 biex ibegħli l-għar taʼ Makfela, li hu tiegħu u li jinsab f’tarf l-għalqa tiegħu. Ħa jbigħuli quddiemkom b’kemm jiswa fidda biex ikolli post għad-dfin.”
10 U Għefron il-Ħitti kien bilqiegħda qalb it-tfal taʼ Ħet. Għalhekk, hu wieġeb lil Abraham quddiem it-tfal taʼ Ħet u quddiem dawk kollha li daħlu minn bieb il-belt tiegħu, u qallu:
11 “Le sidi! Jien nagħtik kemm l-għalqa u kemm l-għar li hemm fiha. Quddiem it-tfal tal-poplu tiegħi nagħtihomlok. Idfen lil martek.”
12 U Abraham miel quddiem in-nies tal-post
13 u kellem lil Għefron quddiemhom, u qallu: “Jien se nagħtik l-ammont sħiħ taʼ fidda għall-għalqa. Ħudu mingħandi, biex inkun nistaʼ nidfen lil marti hemmhekk.”
14 Imbagħad Għefron wieġeb lil Abraham:
15 “Sidi, din l-art tiswa 400 xekel* fidda, imma dawn x’inhuma bejni u bejnek? Għalhekk, idfen lil martek.”
16 Abraham semaʼ minn Għefron, u wiżinlu l-ammont taʼ fidda li kien tkellem dwaru quddiem it-tfal taʼ Ħet, 400 xekel* fidda, skont il-valur aċċettat min-negozjanti.
17 B’hekk, l-għalqa t’Għefron f’Makfela, li kienet quddiem Mamre, jiġifieri l-għalqa u l-għar li kien fiha u s-siġar kollha li kienu fil-limiti tal-għalqa, saru
18 l-propjetà li xtara Abraham quddiem it-tfal taʼ Ħet u quddiem dawk kollha li kienu deħlin minn bieb il-belt tiegħu.
19 Wara dan, Abraham difen lil martu Sara fl-għar tal-għalqa taʼ Makfela quddiem Mamre, jiġifieri Ħebron, fl-art taʼ Kangħan.
20 B’hekk, l-għalqa u l-għar li kien hemm fiha għaddew mingħand it-tfal taʼ Ħet għal għand Abraham bħala post għad-dfin.
Noti taʼ taħt
^ Jew forsi “kap kbir taʼ tribù.”