Ġenesi 26:1-35
26 Issa kien hemm il-ġuħ fil-pajjiż, minbarra l-ġuħ li kien hemm l-ewwel darba fi żmien Abraham, u b’hekk Iżakk mar għand Abimelek, re tal-Filistin, f’Gerar.
2 Imbagħad deherlu Ġeħova u qallu: “Tinżilx l-Eġittu. Għix fl-art li ngħidlek jien.
3 Għix bħala barrani f’din l-art, u jien inkompli nkun miegħek u nbierkek, għax dawn l-artijiet kollha se nagħtihom lilek u lid-dixxendenti tiegħek,* u se nagħmel dak li ħlift lil missierek Abraham:
4 ‘Se nżid lid-dixxendenti tiegħek* daqs l-istilel tas-sema u se nagħtihom dawn l-artijiet kollha. U permezz tagħhom, il-popli kollha tal-art se jitbierku,’
5 minħabba l-fatt li Abraham semaʼ minn kliemi u baqaʼ jobdi l-ħtiġijiet tiegħi, il-kmandi tiegħi, u l-liġijiet kollha tiegħi.”
6 Għalhekk, Iżakk baqaʼ jgħix f’Gerar.
7 Meta n-nies tal-post kienu jistaqsuh dwar martu, hu kien jgħidilhom: “Hi oħti.” Kien jibżaʼ jgħidilhom li Rebekka hi martu, għax ħaseb li setgħu joqtluh minħabba li kienet sabiħa.
8 Wara li għadda xi żmien, Abimelek, re tal-Filistin, kien qed jittawwal mit-tieqa u ra lil Iżakk iżiegħel* b’martu Rebekka.
9 Abimelek minnufih għajjat lil Iżakk u qallu: “Din mhi ħadd ħlief martek! Allura għala għedt, ‘Hi oħti’?” U Iżakk wieġbu: “Għedt hekk għax bżajt li mmut minħabba fiha.”
10 Imma Abimelek kompla: “Għala għamiltilna hekk? Xi ħadd mill-poplu setaʼ faċilment jimtedd maʼ martek, u aħna konna nkunu ħatjin minħabba fik!”
11 Imbagħad Abimelek ikkmanda lin-nies kollha u qalilhom: “Kull min imiss lil dan ir-raġel u lil martu żgur li jinqatel!”
12 U Iżakk beda jiżraʼ ż-żerriegħa f’dik l-art, u f’dik is-sena ġabar 100 darba iżjed minn dak li żeraʼ, għax Ġeħova kien qed ibierku.
13 Ir-raġel sar sinjur, u baqaʼ jirnexxi sakemm sar sinjur kbir.
14 Hu kiseb imrieħel tan-nagħaġ, imrieħel tal-baqar, u ħafna qaddejja, u l-Filistin bdew jgħiru għalih.
15 Allura l-Filistin ħadu l-ħamrija u għalqu l-bjar kollha li l-qaddejja taʼ missieru kienu ħaffru fi żmien Abraham.
16 Abimelek imbagħad qal lil Iżakk: “Itlaq mill-inħawi tagħna, għax sirt ħafna iktar b’saħħtek minna.”
17 Għalhekk, Iżakk telaq minn hemmhekk u kkampja fil-wied taʼ Gerar u beda jgħix hemm.
18 U Iżakk reġaʼ ħaffer il-bjar tal-ilma li kienu tħaffru fi żmien missieru Abraham imma li l-Filistin kienu għalqu wara l-mewt t’Abraham, u hu semmiehom bl-ismijiet li kien tahom missieru.
19 Meta l-qaddejja taʼ Iżakk bdew iħaffru fil-wied, sabu bir tal-ilma ġieri.
20 U r-ragħajja taʼ Gerar bdew jargumentaw mar-ragħajja taʼ Iżakk u jgħidulhom: “Dan l-ilma tagħna!” Għalhekk, Iżakk semma l-bir Esek,* għaliex kienu ġġieldu miegħu.
21 U bdew iħaffru bir ieħor, u argumentaw fuqu wkoll. Għalhekk, semmieh Sitna.*
22 Iktar tard, telaq minn hemmhekk u ħaffer bir ieħor, imma m’argumentawx fuqu. B’hekk, semmieh Reħobot* u qal: “Għaliex issa Ġeħova tana wisaʼ biżżejjed biex inkunu nistgħu niżdiedu fuq l-art.”
23 U minn hemmhekk telaʼ lejn Bir-xeba.
24 Dak il-lejl, Ġeħova deherlu u qallu: “Jien l-Alla taʼ missierek Abraham. Tibżax, għax jien miegħek, u se nbierkek u nżid lid-dixxendenti tiegħek* minħabba l-qaddej tiegħi Abraham.”
25 Allura hu bena artal hemmhekk u qiem lil Ġeħova u uża ismu. U Iżakk rama t-tinda tiegħu hemm, u l-qaddejja tiegħu ħaffru bir hemmhekk.
26 Iktar tard, Abimelek ġie għandu minn Gerar m’Aħużżat, li kien jagħtih il-pariri, u maʼ Fikol, il-kap tal-armata tiegħu.
27 U Iżakk qalilhom: “Għala ġejtu għandi, ladarba kontu tobogħduni u keċċejtuni mill-inħawi tagħkom?”
28 Huma wieġbu: “Aħna rajna li Ġeħova żgur qiegħed miegħek. Għalhekk iddeċidejna niġu għandek u ngħidulek, ‘Jekk jogħġbok, ejja nagħmlu ħalfa bejnietna u patt miegħek
29 għax int ġejt imbierek minn Ġeħova. La tagħmlilna ebda ħsara bħalma aħna m’għamilnilekx ħsara, imma għamilnielek ġid biss billi bgħatniek fil-paċi.’”
30 Imbagħad għamlilhom festa u kielu u xorbu.
31 L-għada qamu kmieni u ħalfu lil xulxin. Imbagħad Iżakk bagħathom u telqu mingħandu fil-paċi.
32 Dakinhar, il-qaddejja taʼ Iżakk ġew ikellmuh dwar il-bir li kienu ħaffru, u qalulu: “Sibna l-ilma!”
33 Allura semmieh Xibah. Hu għalhekk li l-belt jisimha Bir-xeba sa dan il-jum.
34 Meta Għesaw kellu 40 sena, iżżewweġ lil Ġuditta bint Begħeri l-Ħitti kif ukoll lil Basemat bint Elon il-Ħitti.
35 Huma mlew il-ħajja taʼ Iżakk u Rebekka b’inkwiet kbir.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “jgħannaq lil.”
^ Ifisser “Ġlied.”
^ Ifisser “Akkuża.”
^ Ifisser “Postijiet Wesgħin.”
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnek.”
^ Jew “bl-imrar.”