Ġenesi 33:1-20
33 U Ġakobb ħares u ra lil Għesaw ġej, u miegħu kellu 400 raġel. Allura qassam lit-tfal bejn Lea, Rakele, u ż-żewġ qaddejja nisa.
2 Hu poġġa lill-qaddejja nisa u lit-tfal tagħhom quddiem, lil Lea u t-tfal tagħha warajhom, u lil Rakele u Ġużeppi fuq wara nett.
3 Imbagħad hu għadda qabilhom u miel lejn l-art sebaʼ darbiet hekk kif resaq viċin ħuh.
4 Imma Għesaw mar jiġri jiltaqaʼ miegħu u għannqu u biesu, u nfaqgħu jibku.
5 Meta ħares u ra lin-nisa u t-tfal, hu qal: “Min huma dawn li qegħdin miegħek?” u hu wieġbu: “It-tfal li Alla għoġbu jagħti lill-qaddej tiegħek.”
6 U l-qaddejja nisa resqu ’l quddiem mat-tfal tagħhom u mielu,
7 u anki Lea resqet ’il quddiem mat-tfal tagħha u mielu. Imbagħad resqu ’l quddiem Ġużeppi u Rakele u mielu.
8 Għesaw qal: “Għala bgħatt lin-nies u l-annimali li ltqajt magħhom?” Hu wieġbu: “Sabiex insib il-ħniena f’għajnejn sidi.”
9 Imbagħad Għesaw qallu: “Jien għandi ħafna u ħafna ġid, ħija. Żomm dak li hu tiegħek.”
10 Madankollu, Ġakobb qallu: “Le, jekk jogħġbok. Jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, ħu r-rigal tiegħi għax jien ġibtu biex inkun nistaʼ nara wiċċek. U jien rajt wiċċek u qisni rajt wiċċ Alla għax int ilqajtni tajjeb.
11 Jekk jogħġbok, ħu r-rigal li ġibtlek u li bih irrid inbierkek, għax Alla kien ħanin miegħi u jien għandi kulma għandi bżonn.” U baqaʼ jinsisti miegħu, u għalhekk ħadu.
12 Iktar tard Għesaw qal: “Ejja nitilqu minn hawn, u ħallini nimxi quddiemek.”
13 U Ġakobb qallu: “Sidi, int taf li t-tfal huma delikati u li jien irrid nieħu ħsieb in-nagħaġ u l-baqar li qed ireddgħu. Jekk ngħaġġluhom iżżejjed għal jum wieħed, il-merħla kollha tmut.
14 Jekk jogħġbok sidi, għaddi qabli ħalli jien inkompli l-vjaġġ iktar bil-mod skont il-pass tal-bhejjem u tat-tfal sakemm nasal għandek fis-Segħir.”
15 Imbagħad Għesaw qallu: “Jekk jogħġbok, ħa nħalli ftit min-nies tiegħi miegħek.” Wieġbu: “M’hemmx għalfejn, sidi. Li nsib il-ħniena f’għajnejk kulma għandi bżonn.”
16 Għalhekk, dakinhar Għesaw mar lura fi triqtu lejn is-Segħir.
17 U Ġakobb ivvjaġġa lejn Sukkot, u bena dar għalih u għamel postijiet taʼ kenn għall-merħla tiegħu. Kien għalhekk li dak il-post semmieh Sukkot.*
18 Wara dan il-vjaġġ kollu, li beda mill-Fiddien-aram, Ġakobb wasal qawwi u sħiħ fil-belt taʼ Sikem, fl-art taʼ Kangħan, u hu rama l-kampijiet tiegħu qrib il-belt.
19 Imbagħad kiseb biċċa mill-għalqa fejn rama t-tinda tiegħu mingħand it-tfal taʼ Ħamor, missier Sikem, għal 100 biċċa tal-fidda.
20 Hemmhekk bena artal u semmieh Alla hu l-Alla t’Iżrael.
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Għerejjex; Postijiet taʼ Kenn.”