Ġenesi 37:1-36

  • Il-ħolm taʼ Ġużeppi (1-11)

  • Ġużeppi u ħutu l-għajjurin (12-24)

  • Ġużeppi mibjugħ bħala lsir (25-36)

37  Ġakobb baqaʼ jgħix fl-art taʼ Kangħan, fejn missieru għex bħala barrani.  Din hi l-istorja taʼ Ġakobb. Meta Ġużeppi kien żagħżugħ taʼ 17-il sena, hu kien qed jirgħa l-merħla mat-tfal taʼ Bilħa u t-tfal taʼ Żilfa, in-nisa taʼ missieru. U Ġużeppi wassal rapport ħażin dwarhom lil missierhom.  U Iżrael kien iħobb lil Ġużeppi iktar mit-tfal l-oħra kollha tiegħu għaliex kien twilidlu fi xjuħitu. Lilu għamillu libsa speċjali.*  Meta ħutu raw li missierhom kien iħobbu iktar minnhom, bdew jobogħduh, u qatt ma kienu jkellmuh bil-ħlewwa.  Iktar tard, Ġużeppi kellu ħolma u qalha lil ħutu, u dawn iktar kellhom għal xiex jobogħduh.  Hu qalilhom: “Jekk jogħġobkom, isimgħu din il-ħolma li kelli.  Konna qed norbtu l-qatet f’nofs l-għalqa u l-qatta tiegħi qamet u baqgħet wieqfa u l-qatet tagħkom daru mal-qatta tiegħi u mielu quddiemha.”  Ħutu qalulu: “Qed tgħid li se ssir re fuqna u tiddominana?” B’hekk, kellhom raġuni oħra biex jobogħduh minħabba l-ħolma tiegħu u dak li qal.  U reġaʼ kellu ħolma oħra, u rrakkontaha lil ħutu: “Kelli ħolma oħra. Din id-darba, ix-xemx, il-qamar, u 11-il stilla kienu qed imilu quddiemi.” 10  Imbagħad irrakkontaha lil missieru waqt li kien hemm ħutu wkoll, u missieru kkoreġieh u qallu: “Xi tfisser din il-ħolma? Qed tgħid li jien, ommok, u ħutek se niġu mmilu sal-art quddiemek?” 11  U ħutu bdew jgħiru għalih, imma missieru żamm dan il-kliem f’moħħu. 12  Ħutu issa marru jirgħaw il-merħla taʼ missierhom qrib Sikem. 13  Wara, Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ħutek qed jirgħaw l-imrieħel qrib Sikem, hux hekk? Jekk jogħġbok, mur ħdejhom.” U hu wieġbu: “Iva.” 14  Għalhekk qallu: “Jekk jogħġbok, mur u ara kif inhuma ħutek u kif inhi l-merħla, u ejja għidli.” Allura telaq mill-wied* taʼ Ħebron u mar lejn Sikem. 15  Iktar tard, wieħed raġel sabu jdur u jagħqad f’għalqa. Ir-raġel staqsieh: “X’qed tfittex?” 16  U hu wieġbu: “Qed infittex lil ħuti. Jekk jogħġbok, għidli fejn qed jirgħaw l-imrieħel.” 17  Ir-raġel qallu: “Telqu minn hawnhekk, għax smajthom jgħidu li ħa jmorru Dotan.” Għalhekk, Ġużeppi mar wara ħutu u sabhom Dotan. 18  Huma rawh mill-bogħod, u qabel ma wasal ħdejhom bdew jiftiehmu biex joqtluh. 19  Għalhekk, bdew jgħidu lil xulxin: “Ara! Ġej dak li jħobb joħlom. 20  Issa ejja noqtluh u nitfgħuh f’wieħed mill-bjar, u ngħidu li kielu annimal feroċi. U mbagħad naraw x’se jsir mill-ħolm tiegħu!” 21  Meta Ruben semaʼ dan, ipprova jeħilsu minn taħt idejhom. Għalhekk qalilhom: “Ħa ma noqtluhx.” 22  Imbagħad qalilhom: “Ixxerrdux demm. Itfgħuh f’dan il-bir fid-deżert, imma tweġġgħuhx.”* L-iskop tiegħu kien li jeħilsu minn taħt idejhom sabiex jieħdu lura għand missieru. 23  Allura, malli Ġużeppi wasal ħdejn ħutu, dawn neżżgħulu l-libsa speċjali li kien liebes, 24  qabduh, u tefgħuh fil-bir. Dak iż-żmien, il-bir ma kienx fih ilma. 25  Imbagħad qagħdu bilqiegħda jieklu. Meta ħarsu ’l fuq, kien hemm grupp taʼ Ismagħelin ġej minn Gilegħad. L-iġmla tagħhom kienu qed iġorru gomma aromatika, balzmu, u qxur tas-siġar li fihom ir-raża, u kienu fi triqithom lejn l-Eġittu. 26  U Ġuda qal lil ħutu: “X’se ndaħħlu jekk noqtlu lil ħuna u naħbu demmu? 27  Ejja nbigħuh lill-Ismagħelin u ma nweġġgħuhx. Wara kollox, hu ħuna u demmna stess.” Għalhekk, semgħu minn ħuhom. 28  U meta l-Ismagħelin, li kienu negozjanti Midjanin, kienu għaddejjin minn hemm, ħut Ġużeppi tellgħuh mill-bir u bigħuh lill-Ismagħelin għal 20 biċċa tal-fidda. Dawn ħadu lil Ġużeppi l-Eġittu. 29  Iktar tard, meta Ruben mar lura lejn il-bir u ra li Ġużeppi ma kienx hemm, ċarrat ħwejġu. 30  Meta reġaʼ lura ħdejn ħutu qalilhom: “Ħuna ż-żgħir m’għadux hemm! X’se naqbad nagħmel?” 31  Għalhekk, qabdu l-libsa taʼ Ġużeppi, qatlu bodbod, u ċappsu l-libsa sew bid-demm. 32  Imbagħad bagħtu l-libsa speċjali għand missierhom u qalulu: “Sibna din. Jekk jogħġbok, ara jekk hijiex il-libsa taʼ ibnek.” 33  Imbagħad hu raha u qalilhom: “Din il-libsa taʼ ibni! Bilfors li kielu annimal feroċi! Ġużeppi żgur li hu mqattaʼ biċċiet!” 34  Minħabba f’hekk, Ġakobb ċarrat ħwejġu u libes drapp tal-ixkora madwar ġenbejh u baqaʼ mdejjaq għal ħafna jiem minħabba ibnu. 35  U s-subien u l-bniet kollha tiegħu baqgħu jipprovaw ifarrġuh, imma ma riedx jaf, u qal: “Se ninżel fil-Qabar* imdejjaq minħabba ibni!” U Ġakobb baqaʼ jibkih. 36  Sadanittant, il-Midjanin bigħuh fl-Eġittu lil Potifar, uffiċjal tal-palazz tal-Fargħun u l-kap tal-gwardji.

Noti taʼ taħt

Jew “libsa twila u sabiħa.”
Jew “mill-pjanura l-baxxa.”
Jew “tmiddux idejkom fuqu.”
Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.