Ġenesi 39:1-23

  • Ġużeppi fid-dar taʼ Potifar (1-6)

  • Ġużeppi ma jċedix għall-mara taʼ Potifar (7-20)

  • Ġużeppi fil-ħabs (21-23)

39  Lil Ġużeppi ħaduh l-Eġittu, u Eġizzjan jismu Potifar, uffiċjal tal-palazz tal-Fargħun u kap tal-gwardji, xtrah mingħand l-Ismagħelin li kienu niżżluh hemmhekk.  Imma Ġeħova kien maʼ Ġużeppi. Minħabba f’hekk, hu kien jirnexxi f’kulma kien jagħmel u ngħata responsabbiltà f’dar sidu l-Eġizzjan.  U sidu ra li Ġeħova kien miegħu u li Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi f’kulma kien jagħmel.  Ġużeppi sab il-ħniena f’għajnejn sidu u sar il-qaddej persunali tiegħu. Allura Potifar ħalla daru u kulma kellu f’idejh biex jieħu ħsiebhom.  U minn dakinhar, Ġeħova baqaʼ jbierek id-dar tal-Eġizzjan minħabba Ġużeppi, u l-barka taʼ Ġeħova kienet fuq kulma kellu fid-dar u fl-għelieqi.  Għalhekk, hu ħalla kollox f’idejn Ġużeppi u ma kien iħabbel rasu fuq xejn ħlief fuq l-ikel li kien jiekol. Iktar minn hekk, Ġużeppi sar ġuvni gustuż u mibni.  Issa wara dan, il-mara taʼ sidu beda jogħġobha Ġużeppi u kienet tgħidlu: “Imtedd miegħi.”  Imma hu rrifjuta u qal lill-mara taʼ sidu: “Sidi ħalla kollox f’idejja u qatt ma jitlobni kont taʼ xejn.  Ħadd mhu akbar minni f’din id-dar, u hu ma ċaħħadni assolutament minn xejn ħlief minnek, għax int martu. Allura kif nistaʼ jien nagħmel xi ħaġa daqshekk ħażina u nidneb* kontra Alla?” 10  U lil Ġużeppi kienet tgħidlu hekk jum wara l-ieħor, imma hu qatt ma qabel li jimtedd magħha jew li jibqaʼ waħdu magħha. 11  Imma jum minnhom daħal id-dar biex jagħmel ix-xogħol u ma kien hemm ħadd mill-qaddejja fid-dar. 12  Imbagħad qabditu minn ħwejġu, u qaltlu: “Imtedd miegħi!” Imma hu ħalla ħwejġu f’idha u ħarab ’il barra. 13  Malli rat li hu kien ħalla ħwejġu f’idha u ħarab ’il barra, 14  hi bdiet tgħajjat lill-qaddejja taʼ darha u tgħidilhom: “Ġabilna lil dan il-Lhudi* biex iwaqqagħna għaċ-ċajt. Ġie ħdejja biex jimtedd miegħi, imma jien bdejt ngħajjat kemm niflaħ. 15  Imbagħad malli għollejt leħni u bdejt inwerżaq, hu telaq ħwejġu ħdejja u ħarab ’il barra.” 16  Hi żammet ħwejġu ħdejha sakemm Potifar mar lura d-dar. 17  Imbagħad qaltlu l-istess kliem: “Il-qaddej Lhudi* li ġibtilna ġie għandi biex iwaqqagħni għaċ-ċajt. 18  Imma malli għollejt leħni u bdejt inwerżaq, hu telaq ħwejġu ħdejja u ħarab ’il barra.” 19  Malli sidu semaʼ dak li martu qalet dwar il-qaddej tiegħu, hu rrabja ħafna. 20  Għalhekk, qabdu u tefgħu l-ħabs, il-post fejn kienu jinżammu arrestati l-priġunieri tar-re, u baqaʼ hemmhekk fil-ħabs. 21  Imma Ġeħova baqaʼ jkun maʼ Ġużeppi u baqaʼ jurih imħabba u lealtà* u ra li jsib il-ħniena f’għajnejn il-kap tal-ħabs. 22  Għalhekk, il-kap tal-ħabs inkariga lil Ġużeppi fuq il-priġunieri kollha, u Ġużeppi kien il-wieħed li jgħidilhom x’għandhom jagħmlu. 23  Il-kap tal-ħabs ma kien jieħu ħsieb assolutament xejn li kien fdat f’idejn Ġużeppi, għax Ġeħova kien maʼ Ġużeppi u Ġeħova kien jgħinu jirnexxi f’kulma jagħmel.

Noti taʼ taħt

Letteralment “l-Ebrew.”
Letteralment “Ebrew.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.