Ġenesi 46:1-34
46 Għalhekk, Iżrael ħa kulma kellu* u telaq. Meta wasal Bir-xeba, hu offra sagrifiċċji lill-Alla taʼ missieru Iżakk.
2 U Alla kellem lil Iżrael f’viżjoni billejl u qallu: “Ġakobb, Ġakobb!” u dan wieġbu: “Hawn jien!”
3 Hu qallu: “Jien l-Alla l-veru, l-Alla taʼ missierek. Tibżax tinżel l-Eġittu, għax hemmhekk se nagħmlek poplu kbir.
4 Jien ninżel miegħek l-Eġittu u jien ukoll intellgħek lura minn hemmhekk, u meta tmut Ġużeppi jagħlaqlek għajnejk.”
5 Wara dan, Ġakobb telaq minn Bir-xeba, u t-tfal t’Iżrael rikkbu lil missierhom Ġakobb u lit-tfal u lin-nisa tagħhom fuq il-karrijiet li kien bagħatlu l-Fargħun.
6 Ħadu magħhom l-imrieħel u l-ġid li kienu kisbu fl-art taʼ Kangħan. U Ġakobb u l-familja kollha tiegħu waslu l-Eġittu.
7 Hu ħa miegħu lit-tfal u n-neputijiet tiegħu, jiġifieri d-dixxendenti kollha tiegħu.
8 Dawn huma l-ismijiet tat-tfal t’Iżrael, jiġifieri t-tfal taʼ Ġakobb, li ġew l-Eġittu: l-ewwel imwieled taʼ Ġakobb kien Ruben.
9 It-tfal taʼ Ruben kienu Ħanok, Pallu, Ħesron, u Karmi.
10 It-tfal taʼ Simegħon kienu Ġemwel, Ġamin, Oħad, Ġakin, Soħar, u Sagħul bin mara Kangħanija.
11 It-tfal taʼ Levi kienu Gerson, Keħat, u Merari.
12 It-tfal taʼ Ġuda kienu Għer, Onan, Selaħ, Pereż, u Żeraħ. Imma Għer u Onan mietu fl-art taʼ Kangħan.
It-tfal taʼ Pereż kienu Ħesron u Ħamul.
13 It-tfal taʼ Issakar kienu Tola, Puwa, Ġasub, u Simron.
14 It-tfal taʼ Żebulun kienu Sered, Elon, u Ġaħlel.
15 Dawn huma t-tfal taʼ Lea, li welldithom lil Ġakobb fil-Fiddien-aram. Hemmhekk kellha wkoll lil Dina. B’kollox dawk li ġew minn Lea kienu 33 ruħ.
16 It-tfal taʼ Gad kienu Sifjon, Ħaggi, Suni, Esbon, Għeri, Arodi, u Areli.
17 It-tfal t’Aser kienu Imnaħ, Iswa, Iswi, Berija, u oħthom kienet Seraħ.
It-tfal taʼ Berija kienu Ħeber u Malkijel.
18 Dawn huma dawk li ġew minn Żilfa, li Laban ta lil bintu Lea. B’kollox id-dixxendenti taʼ Żilfa u Ġakobb kienu 16-il ruħ.
19 It-tfal taʼ Rakele mart Ġakobb kienu Ġużeppi u Benjamin.
20 Fl-art tal-Eġittu, Ġużeppi kellu lil Manasse u Efrajm minn Asenat, bint Potifera l-qassis taʼ On.*
21 It-tfal taʼ Benjamin kienu Bela, Beker, Asbel, Gera, Nagħman, Eħi, Ros, Muffim, Ħuffim, u Ard.
22 B’kollox id-dixxendenti taʼ Rakele u Ġakobb kienu 14-il ruħ.
23 It-tifel* taʼ Dan kien Ħusim.
24 It-tfal taʼ Naftali kienu Ġaħsel, Guni, Ġeżer, u Sillem.
25 Dawn huma dawk li ġew minn Bilħa, li Laban ta lil bintu Rakele. B’kollox id-dixxendenti taʼ Bilħa u Ġakobb kienu sebgħa.*
26 Il-familja kollha taʼ Ġakobb li marru l-Eġittu miegħu, minbarra n-nisa tat-tfal tiegħu, kienu 66 ruħ.
27 U fl-Eġittu Ġużeppi kellu żewġt itfal.* B’kollox, dawk taʼ dar Ġakobb li ġew l-Eġittu kienu 70 ruħ.
28 Ġakobb bagħat lil Ġuda qablu biex jgħid lil Ġużeppi li hu kien fi triqtu lejn Gosen. Meta waslu fl-art taʼ Gosen,
29 Ġużeppi lesta l-karru tiegħu u mar jiltaqaʼ maʼ missieru Iżrael f’Gosen. Meta rah, hu mill-ewwel għannqu u beka fuq li beka.
30 Imbagħad Iżrael qal lil Ġużeppi: “Issa nistaʼ mmut la rajtek u naf li għadek ħaj.”
31 Imbagħad Ġużeppi qal lil ħutu u lin-nies taʼ dar missieru: “Ħa nitlaʼ nagħti l-aħbar lill-Fargħun u ngħidlu, ‘Ħuti u n-nies taʼ dar missieri li kienu fl-art taʼ Kangħan ġew hawnhekk għandi.
32 Dawn in-nies huma ragħajja u jrabbu l-imrieħel. Huma ġabu magħhom l-imrieħel tan-nagħaġ u tal-baqar, u kulma għandhom.’
33 Meta l-Fargħun jgħajtilkom u jistaqsikom, ‘X’inhu xogħolkom?’
34 għandkom tgħidu, ‘Sidi, ilna nrabbu l-imrieħel mindu konna żgħar, kemm aħna u kemm missirijietna,’ sabiex tkunu tistgħu tgħixu fl-art taʼ Gosen, għax l-Eġizzjani jobogħdu lil kull min jirgħa n-nagħaġ.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “lil niesu kollha.”
^ Jiġifieri Ħiljopolis.
^ Letteralment “It-tfal.”
^ Jew “sebat erwieħ.”
^ Jew “erwieħ.”