Ġeremija 3:1-25
3 Hemm qawl li jgħid: “Jekk raġel ikeċċi lil martu u din titlaq u ssir taʼ raġel ieħor, għandu hu jerġaʼ lura għandha?”+
Din l-art mhux għalkollox tniġġset?+
“U int ipprostitwejt ruħek maʼ ħafna ħbieb;+ u issa terġaʼ lura għandi?”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
2 “Erfaʼ għajnejk lejn il-passaġġi u ara.+ Fejn ma ġejtx stuprata?+ Maġenb it-toroq qgħadt bil-qiegħda tistenniehom, bħal Għarbi fix-xagħri;+ u tkompli tniġġes il-pajjiż bl-atti tiegħek taʼ prostituzzjoni u bil-ħażen tiegħek.+
3 Għalhekk mhix qed tagħmel ħafna xita,+ u lanqas fir-rebbiegħa m’għamlet xita.+ U ġbinek sar il-ġbin taʼ mara miżżewġa li tipprostitwixxi ruħha. Ma ridtx tħossok umiljata.+
4 Issa bdejt tgħajjatli, ‘Missier,+ int il-ħabib tiegħi li kont nafda fih f’żgħożiti!+
5 Għandu wieħed jibqaʼ jżomm f’qalbu għal żmien indefinit, jew jibqaʼ għassa taʼ dnubietna għal dejjem?’+ Ara! Int tkellimt, u bdejt tagħmel affarijiet ħżiena u bqajt tagħmilhom.”+
6 U fi żmien is-Sultan Ġosija,+ Ġeħova qalli: “‘Rajt x’għamlet Israel bl-infedeltà tagħha?+ Qed tmur fuq kull muntanja għolja+ u taħt kull siġra tħaddar,+ sabiex tipprostitwixxi ruħha hemmhekk.+
7 U wara li għamlet dawn l-affarijiet kollha jien bqajt ngħid li għandha terġaʼ lura għandi, imma hi ma ġietx lura;+ u Ġuda baqgħet tħares lejn oħtha t-traditura.+
8 Meta rajt dan, peress li Israel ma wrietx fedeltà u għamlet adulterju, jien keċċejtha+ u tajtha ċ-ċertifikat biex niddivorzjaha għalkollox,+ u madankollu oħtha Ġuda t-traditura ma beżgħetx, imma hi stess bdiet tipprostitwixxi ruħha wkoll.+
9 U hi pprostitwiet ruħha għax ma kinitx serja, u kompliet tniġġes il-pajjiż+ u tagħmel adulterju mal-ġebel u mas-siġar;+
10 u minkejja dan kollu oħtha Ġuda t-traditura ma reġgħetx lura għandi b’qalbha kollha,+ imma biss b’mod falz,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”
11 U Ġeħova kompla jgħidli: “Israel minkejja l-infedeltà tagħha wriet li kienet iktar ġusta minn Ġuda li aġixxiet bi tradiment.+
12 Mur, u xandar dan il-kliem lejn it-tramuntana+ u għid:
“‘“Erġaʼ lura, O Israel ir-ribelluża,” hija l-kelma taʼ Ġeħova.’+ ‘“Ma nħarisx iktar b’wiċċ irrabjat lejkom,+ għax jien leali,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.’ ‘“M’iniex se nibqaʼ nżomm f’qalbi għal dejjem.+
13 Biss agħraf l-iżball tiegħek, għax int kontra Ġeħova Alla tiegħek dnibt.+ U komplejt tiġri ’l hemm u ’l hawn lejn l-istranġieri+ taħt kull siġra tħaddar,+ imma minn leħni intom ma smajtux,” hija l-kelma taʼ Ġeħova.’”
14 “Erġgħu lura, O wlied ribelli,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova. “Għax jien sirt sidkom bħal raġel miżżewweġ;+ u se niħodkom, wieħed minn ġo belt u tnejn minn ġo familja, u nġibkom Sijon.+
15 U nagħtikom rgħajja li jogħġbu lil qalbi,+ u huma jitimgħukom l-għarfien u d-dehen.+
16 U jiġri li f’dak iż-żmien toktru u tagħmlu l-frott fil-pajjiż,” hija l-kelma taʼ Ġeħova.+ “Qatt iktar ma jgħidu, ‘L-arka tal-patt taʼ Ġeħova!’+ u ma tiġihomx f’moħħhom, u la jiftakruha+ u lanqas iħossu n-nuqqas tagħha, u ma jagħmluhiex iżjed.
17 Dak iż-żmien se jsejħu lil Ġerusalemm it-tron taʼ Ġeħova;+ u l-ġnus kollha jinġabru fiha+ biex ifaħħru isem Ġeħova f’Ġerusalemm,+ u qatt iktar ma jimxu wara l-ebusija taʼ qalbhom il-ħażina.”+
18 “F’dawk il-jiem se jimxu maġenb xulxin, id-dar taʼ Ġuda maġenb id-dar taʼ Israel,+ u flimkien+ joħorġu mill-pajjiż tat-tramuntana għal ġol-pajjiż li tajt lil missirijietkom bħala wirt.+
19 U jien għedt, ‘O kemm ħadt pjaċir inqiegħdek fost l-ulied u nagħtik l-art sabiħa,+ il-wirt li jpaxxi lil kotra taʼ ġnus!’ U jien għedt ukoll, ‘Intom se ssejħuli “Missier!”+ u ma ddurux lura milli timxu warajja.’
20 ‘Tassew, bħal mara miżżewġa li ttradiet u telqet lis-sieħeb tagħha,+ hekk ukoll intom, O dar Israel, aġixxejtu bi tradiment miegħi,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.”
21 Fil-passaġġi nstemaʼ ħoss, il-biki, u t-talb bil-ħrara taʼ wlied Israel. Għax huma għawġu triqithom;+ insew lil Ġeħova Alla tagħhom.+
22 “Erġgħu lura, ulied ribelli.+ Jien infejjaqkom mill-qagħda ribelluża li tinsabu fiha.”+
“Hawn aħna! Ġejna għandek, għax int, O Ġeħova, Alla tagħna.+
23 Tassew, l-għoljiet kif ukoll il-konfużjoni fuq il-muntanji+ huma gidba.+ Tassew, is-salvazzjoni taʼ Israel+ hi f’Ġeħova Alla tagħna.
24 Imma l-ħaġa taʼ mistħija+ kielet ix-xogħol iebes taʼ missirijietna sa minn żgħożitna, in-nagħaġ tagħhom u l-baqar tagħhom, uliedhom subien u bniet.
25 Aħna nimteddu fil-mistħija tagħna,+ u l-umiljazzjoni tagħna tkompli tiksina;+ għax kontra Ġeħova Alla tagħna dnibna,+ aħna u missirijietna minn żgħożitna sa llum il-ġurnata,+ u m’obdejniex leħen Ġeħova Alla tagħna.”+