Ġeremija 46:1-28
46 Din kienet il-kelma taʼ Ġeħova lill-profeta Ġeremija dwar il-ġnus:+
2 Għall-Eġittu,+ għall-qawwa militari tal-Fargħun Neko, is-sultan taʼ l-Eġittu,+ li kien ħdejn ix-xmara Ewfrat f’Karkemis,+ u li ġie megħlub minn Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja, fir-rabaʼ sena taʼ Ġeħojakim+ bin Ġosija, is-sultan taʼ Ġuda:
3 “O rġiel, ħejju t-tarka ż-żgħira u l-kbira, u ersqu għall-battalja.+
4 Xiddu ż-żwiemel, u irkbu, O rikkieba, u ħudu postkom lebsin l-elmu. Illostraw il-lanez. Ilbsu l-kurazzi.+
5 “‘Għala qed narahom imwerwrin? Qed iduru lura, u l-irġiel setgħanin tagħhom tkissru; ħarbu, u ma jħarsux lura.+ Hemm biżaʼ kullimkien,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
6 ‘Min hu ħafif, ħa ma jipprovax jiżgiċċa, u s-setgħan ħa ma jipprovax jaħrab.+ Tfixklu u waqgħu+ lejn it-tramuntana,+ ħdejn xatt ix-xmara Ewfrat.’
7 “Min hu dan li tielaʼ bħax-Xmara Nil, bħax-xmajjar li l-ilmijiet tagħhom jintefgħu ’l hemm u ’l hawn?+
8 L-Eġittu jitlaʼ bħax-Xmara Nil,+ u l-ilmijiet jintefgħu ’l hemm u ’l hawn bħal xmajjar.+ U jgħid, ‘Nitlaʼ u niksi l-art. U neqred il-belt u dawk li jgħammru fiha.’+
9 Itilgħu, O żwiemel; suqu bħal imġienen, O karrijiet! U ħa joħorġu l-irġiel setgħanin, Kus+ u Put,+ li jżommu t-tarka, u l-Ludin,+ li jużaw u jħejju l-qaws.
10 “U dak il-jum hu tal-Mulej Sovran, Ġeħova taʼ l-armati; hu jum il-vendetta biex jitħallas mill-avversarji tiegħu.+ U s-sejf jiblaʼ u jixbaʼ u jimtela b’demmhom, għax il-Mulej Sovran,+ Ġeħova taʼ l-armati, se jagħmel sagrifiċċju+ fl-art tat-tramuntana ħdejn ix-xmara Ewfrat.+
11 “Itlaʼ sa Gilegħad u ġib ftit balzmu,+ O verġni, bint l-Eġittu.+ Għalxejn użajt iktar affarijiet biex ifejquk għax ma tistax tfiq.+
12 Il-ġnus semgħu bid-diżunur tiegħek+ u l-għajta tiegħek imliet l-art.+ Għax tfixklu, raġel setgħan f’raġel setgħan,+ u waqgħu t-tnejn flimkien.”
13 Il-kelma li Ġeħova qal lill-profeta Ġeremija dwar kif Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja, kien ġej biex jaħbat għall-art taʼ l-Eġittu:+
14 “Għidu dan fl-Eġittu, u xandruh f’Migdol,+ u xandruh f’Nof+ u f’Taħfanħes.+ Għidu, ‘Ħu postok, ħejji ruħek,+ għax madwarek kollu se jinbelaʼ bis-sejf.+
15 Għala nġarrew is-setgħanin tiegħek?+ Ma baqgħux weqfin, għax Ġeħova imbottahom.+
16 Bil-gzuz qed jitfixklu u jaqgħu. U qed jgħidu wieħed lil ieħor: “Qum, ejja nerġgħu lura għand niesna u f’art qrabatna għax is-sejf hu aħrax.”’
17 Hemmhekk huma ħabbru, ‘Il-Fargħun, is-sultan taʼ l-Eġittu, ħoss biss għandu.+ Ħalla żmien il-festi jgħaddi.’+
18 “‘Daqskemm jien ħaj,’ hija l-kelma tas-Sultan, li jismu Ġeħova taʼ l-armati,+ ‘hu se jidħol bħalma hi t-Tabor+ fost il-muntanji u bħall-Karmel+ ħdejn il-baħar.
19 O abitanta, bint+ l-Eġittu, lesti sorra għall-eżilju.+ Għax Nof+ se ssir oġġett taʼ stagħġib u tingħata n-nar, u ħadd ma jgħammar fiha.+
20 L-art taʼ l-Eġittu hi bħal għoġla sabiħa ħafna. Mit-tramuntana tiġi nemusa kontriha.+
21 Iżjed minn hekk, is-suldati mikrijin li hemm f’nofsha huma bħal għoġiela msemmnin.+ Imma huma wkoll ċedew;+ ħarbu flimkien. Ma baqgħux weqfin.+ Għax ġie fuqhom jum id-diżastru tagħhom, iż-żmien li jintalab kont minnhom.’+
22 “‘Leħinha bħal taʼ serp li jitħarrek;+ għax l-għedewwa jiġu b’enerġija kbira, u jidħlu fiha bil-mannara, bħal dawk li jiġbru l-ħatab.
23 Iqaċċtulha l-foresta,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘għax ma setgħux jgħaddu minnha. Huma żdiedu iktar mill-ġurati,+ u saru bla għadd.
24 Bint+ l-Eġittu għad tistħi. Se tingħata f’idejn il-poplu tat-tramuntana.’+
25 “Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, qal, ‘Ara, se nitlob kont minn Amon+ tal-belt taʼ No+ u mill-Fargħun u mill-Eġittu u mill-allat tiegħu+ u mis-slaten tiegħu,+ iva, mill-Fargħun u minn dawk kollha li jafdaw fih.’+
26 “‘U nagħtihom f’idejn dawk li qed jipprovaw jiħdulhom ħajjithom u f’idejn Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja,+ u f’idejn il-qaddejja tiegħu; u mbagħad jerġaʼ jkun hemm min jgħammar fl-Eġittu bħal fi żmien il-qedem,’+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.
27 “‘U int tibżax, O Ġakobb, qaddej tiegħi, u titwerwirx, O Israel.+ Għax, ara, jien insalvak minn art fil-bogħod u lil uliedek mill-art fejn huma mjassrin.+ U Ġakobb jerġaʼ lura u jgħix bla tfixkil u fil-kwiet, u ma jkunx hemm min ibeżżgħu.+
28 U int tibżax, O Ġakobb, qaddej tiegħi,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘għax jien miegħek.+ Għax se nġib qerda sħiħa fost il-ġnus kollha fejn xerridtek,+ imma lilek m’iniex se neqirdek għalkollox.+ Madankollu, se jkolli nikkastigak kemm jistħoqqlok,+ għax żgur mhux se nħallik bla kastig.’”+