Ġeremija 52:1-34

52  Sedekija+ kellu wieħed u għoxrin sena meta beda jsaltan,+ u dam isaltan ħdax-il sena f’Ġerusalemm.+ U ommu kien jisimha Ħamutal+ bint Ġeremija minn Libna.+  U kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova,+ skond kulma kien għamel Ġeħojakim.+  Dan il-ħażen qanqal ir-rabja taʼ Ġeħova għal Ġerusalemm u Ġuda, sakemm keċċiehom minn quddiem wiċċu.+ U Sedekija rribella kontra s-sultan taʼ Babilonja.+  Fl-aħħar ġara li fid-disaʼ sena tiegħu bħala sultan,+ fl-għaxar xahar, fl-għaxar jum tax-xahar, ġie Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja, hu u l-qawwa militari kollha tiegħu, kontra Ġerusalemm,+ u waqqfu l-kampijiet tagħhom biex jiġġieldu kontriha u bnewlha ħajt taʼ l-assedju dawramejt.+  U l-belt baqgħet assedjata sas-sena ħdax tas-Sultan Sedekija.+  Fir-rabaʼ xahar, fid-disaʼ jum tax-xahar,+ il-ġuħ ukoll ħrax fil-belt u ma kienx hemm ħobż għan-nies tal-pajjiż.+  Fl-aħħar, il-belt ġiet minfuda;+ u l-gwerriera kollha ħarbu jiġru+ u telqu mill-belt bil-lejl mill-bieb taʼ bejn iż-żewġ ħitan li hemm ħdejn il-ġnien tas-sultan,+ waqt li l-Kaldin kienu madwar il-belt kollha; u baqgħu sejrin mit-triq taʼ l-Għaraba.+  U waħda mill-qawwiet militari tal-Kaldin marret għal wara s-sultan,+ u laħqu lil Sedekija+ fil-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko; u l-qawwa militari kollha li kellu miegħu xterdet.+  Imbagħad qabdu lis-sultan u ħaduh għand is-sultan taʼ Babilonja+ f’Ribla+ fl-art taʼ Ħamat,+ sabiex jaqtagħlu s-sentenza.+ 10  U s-sultan taʼ Babilonja qatel lil ulied Sedekija quddiem għajnejh,+ u qatel ukoll lill-prinċpijiet kollha taʼ Ġuda f’Ribla.+ 11  U lil Sedekija għamieh,+ u mbagħad is-sultan taʼ Babilonja rabtu bi rbit tar-ram aħmar u ħadu f’Babilonja+ u żammu arrestat sa dakinhar li miet. 12  U fil-ħames xahar, fl-għaxar jum tax-xahar, jiġifieri, fis-sena dsatax tas-Sultan Nebukadressar,+ is-sultan taʼ Babilonja, Nebużaradan,+ il-kap tal-gwardji persunali tas-sultan, li kien jaqdi lis-sultan taʼ Babilonja, ġie f’Ġerusalemm. 13  U ħaraq id-dar taʼ Ġeħova+ u d-dar tas-sultan u d-djar kollha f’Ġerusalemm;+ u kull dar importanti ħaraqha bin-nar.+ 14  U l-qawwiet militari kollha tal-Kaldin li kienu mal-kap tal-gwardji ġarrfu s-swar kollha taʼ Ġerusalemm dawramejt.+ 15  U lil xi wħud mill-foqra tal-poplu u lill-bqija tan-nies li kien għad fadal fil-belt+ u lil dawk li kienu marru jagħtu ruħhom f’idejn is-sultan taʼ Babilonja u lill-bqija tal-ħaddiema tas-sengħa, Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħadhom fl-eżilju.+ 16  U lil xi wħud mill-foqra tal-pajjiż Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħalliehom jibqgħu biex jieħdu ħsieb id-dwieli u jagħmlu xogħol obbligatorju.+ 17  U l-Kaldin kissru biċċiet il-kolonni tar-ram aħmar+ tad-dar taʼ Ġeħova u l-karrijiet+ u l-baħar* tar-ram aħmar+ li kien fid-dar taʼ Ġeħova u ġarrew ir-ram kollu tagħhom lejn Babilonja.+ 18  U ħadu r-reċipjenti għall-irmied u l-pali+ u l-imqassijiet li jitfu l-ftila+ u l-iskutelli+ u l-kwies u l-għodod kollha tar-ram aħmar li kienu jużaw biex jaqdu bihom.+ 19  U l-kap tal-gwardji+ ħa l-bwieqi+ u r-reċipjenti għall-ġamar u l-iskutelli+ u r-reċipjenti għall-irmied u l-gandlieri+ u l-kwies u l-iskutelli l-oħrajn li kienu tad-deheb pur,+ u dawk tal-fidda pura.+ 20  U ż-żewġ kolonni,+ il-baħar+ u t-tnax-il barri tar-ram aħmar+ li kienu taħt il-baħar, u l-karrijiet, li s-Sultan Salamun kien għamel għad-dar taʼ Ġeħova:+ ir-ram aħmar taʼ dawn l-affarijiet kollha ma ntiżinx.+ 21  Inkwantu għall-kolonni, kull kolonna kienet twila tmintax-il kubitu,+ u d-dawra tagħha kienet tnax-il kubitu;*+ u l-ħxuna tagħha kienet t’erbaʼ swabaʼ, u kienet vojta minn ġewwa. 22  U l-kaptell taʼ fuqha kien tar-ram aħmar,+ u l-għoli tal-kaptell kien ħames kubiti;+ u l-parti maħduma xibka u r-rummien mad-dawra kollha tal-kaptell+ kienu kollha tar-ram aħmar; u t-tieni kolonna kellha l-istess affarijiet, anki r-rummien.+ 23  U kien hemm sitta u disgħin rummiena mal-ġnub, u b’kollox kien hemm mitt rummiena fuq il-parti maħduma xibka dawramejt.+ 24  Iktar minn hekk, il-kap tal-gwardji ħa lil Seraja,+ il-qassis ewlieni, u lil Sofonija,+ it-tieni qassis, u lit-tliet għassiesa tal-bibien.+ 25  U mill-belt ħa wkoll uffiċjal tal-palazz li kien fuq il-gwerriera, u lil sebat irġiel minn dawk li kienu jistgħu jersqu quddiem is-sultan,+ li nstabu fil-belt, u lis-segretarju tal-kap taʼ l-armata, dak li jiġbor lin-nies tal-pajjiż għall-militar, u lil sittin raġel min-nies tal-pajjiż, li nstabu f’nofs il-belt.+ 26  U lil dawn Nebużaradan,+ il-kap tal-gwardji, qabadhom u ħadhom għand is-sultan taʼ Babilonja f’Ribla.+ 27  U s-sultan taʼ Babilonja darabhom+ u tahom il-mewt f’Ribla+ fl-art taʼ Ħamat.+ B’hekk, Ġuda telaq minn artu u mar fl-eżilju.+ 28  Dawn huma n-nies li Nebukadressar ħa fl-eżilju: fis-sebaʼ sena, tlett elef u tlieta u għoxrin Lhudi.+ 29  Fis-sena tmintax taʼ Nebukadressar,+ minn Ġerusalemm ittieħdu tmien mija u tnejn u tletin ruħ. 30  Fis-sena tlieta u għoxrin taʼ Nebukadressar, Nebużaradan, il-kap tal-gwardji, ħa lil-Lhud fl-eżilju, sebaʼ mija u ħamsa u erbgħin ruħ.+ B’kollox kien hemm erbat elef u sitt mitt ruħ. 31  U ġara fis-sena sebgħa u tletin taʼ l-eżilju taʼ Ġeħojakin,+ is-sultan taʼ Ġuda, fit-tnax-il xahar, fil-ħamsa u għoxrin tax-xahar, li Evil-merodak, is-sultan taʼ Babilonja, fis-sena li sar sultan, refaʼ ras+ Ġeħojakin, is-sultan taʼ Ġuda, u ħarġu mill-ħabs. 32  U beda jkellmu b’qalb tajba u għolla t-tron tiegħu ’l fuq mit-tronijiet tas-slaten l-oħrajn li kienu miegħu f’Babilonja.+ 33  U biddel il-ħwejjeġ tiegħu tal-ħabs,+ u baqaʼ jiekol il-ħobż+ quddiemu tul ħajtu kollha.+ 34  U s-sultan taʼ Babilonja baqaʼ jagħtih porzjon taʼ ikel, dak li kien imissu kuljum, sa dakinhar li miet,+ tul ħajtu kollha.

Noti taʼ taħt

Ara l-1Sl 7:23, in-nota taʼ taħt.
Letteralment, “u ħajta taʼ tnax-il kubitu kienet iddur magħha.”