Ġożwè 16:1-10
16 U l-fruntiera tal-art li telgħet bix-xorti* għal dawk li jiġu minn Ġużeppi kienet mill-Ġordan f’Ġeriko sal-ilmijiet li qegħdin fil-Lvant taʼ Ġeriko, u tgħaddi mid-deżert li qiegħed quddiem Ġeriko għar-reġjun muntanjuż taʼ Betel.
2 Kienet toħroġ minn Betel taʼ Luż u tibqaʼ għaddejja għall-fruntiera tal-Arkin f’Għatarot,
3 imbagħad tinżel lejn il-Punent lejn il-fruntiera tal-Ġafletin sal-fruntiera taʼ Bet-ħoron t’Isfel u Geżer, u tispiċċa mal-baħar.
4 Għalhekk dawk li jiġu minn Ġużeppi, Manasse u Efrajm, ħadu l-art tagħhom.
5 Il-fruntiera taʼ dawk li jiġu minn Efrajm skont il-familji tagħhom kienet hekk: Il-fruntiera taʼ wirthom lejn il-Lvant kienet minn Għatarot-addar, sa Bet-ħoron taʼ Fuq,
6 u l-fruntiera kienet toħroġ lejn il-baħar. Mikmetat kienet fit-Tramuntana, u l-fruntiera kienet iddur lejn il-Lvant għal Tagħnat-silo, u tgħaddi lejn il-Lvant għal Ġanogħa.
7 Imbagħad tinżel minn Ġanogħa s’Għatarot u Nagħra, tasal sa Ġeriko, u toħroġ lejn il-Ġordan.
8 Minn Taffugħa l-fruntiera kienet tkompli lejn il-Punent lejn il-Wied taʼ Kanah, u tispiċċa mal-baħar. Dan hu l-wirt tat-tribù t’Efrajm skont il-familji tiegħu.
9 Dawk li jiġu minn Efrajm kellhom ukoll bliet oħrajn fost il-wirt taʼ Manasse, il-bliet kollha u l-irħula tagħhom.
10 Imma huma ma keċċewx lill-Kangħanin li kienu qed jgħixu f’Geżer, u l-Kangħanin għadhom jgħixu fost it-tribù t’Efrajm sal-lum u jagħmlu xogħol taʼ bilfors.
Noti taʼ taħt
^ Jew “ingħatat.”