Ġożwè 18:1-28
18 Imbagħad il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin kienet miġbura f’Silo, u huma ramaw it-tinda tal-laqgħa hemmhekk peress li kienu ħadu l-art f’idejhom.
2 Imma fost l-Iżraelin kien għad baqaʼ sebaʼ tribujiet li wirthom kien għadu ma tqassamx.
3 Għalhekk, Ġożwè qal lill-Iżraelin: “Kemm se ddumu titnikkru biex tidħlu u tieħdu f’idejkom l-art li takom Ġeħova l-Alla taʼ missirijietkom?
4 Agħtuni tlett irġiel minn kull tribù ħalli nibgħathom. Huma għandhom imorru fl-art, jimxu fiha, u jniżżlu d-dettalji dwarha skont il-wirt tagħhom. Imbagħad jiġu għandi.
5 Huma jridu jqassmuha bejniethom f’sebaʼ partijiet. Ġuda jibqaʼ fit-territorju tiegħu lejn in-Nofsinhar, u d-dar taʼ Ġużeppi tibqaʼ fit-territorju tagħha lejn it-Tramuntana.
6 U intom tridu tniżżlu d-dettalji dwar l-art, taqsmuha f’sebaʼ partijiet, u ġġibuhom hawnhekk għandi. Imbagħad jien nitfaʼ x-xorti għalikom hawnhekk quddiem Ġeħova l-Alla tagħna.
7 Imma l-Leviti m’għandhomx sehem fostkom, għax il-wirt tagħhom hu li jaqdu bħala qassisin għal Ġeħova. U Gad, Ruben, u nofs it-tribù taʼ Manasse diġà ħadu wirthom fin-naħa tal-Lvant tal-Ġordan, li tahom Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova.”
8 L-irġiel li kienu se jniżżlu d-dettalji dwar l-art lestew biex jitilqu, u Ġożwè kkmandahom: “Morru imxu fl-art, niżżlu d-dettalji dwarha, u erġgħu lura għandi. U jien intellaʼ x-xorti għalikom hawnhekk quddiem Ġeħova f’Silo.”
9 Għalhekk, l-irġiel telqu u vvjaġġaw fl-art u niżżlu fi ktieb id-dettalji dwarha skont il-bliet u qasmuha f’sebaʼ partijiet. Imbagħad marru għand Ġożwè fil-kampijiet f’Silo.
10 Imbagħad Ġożwè tellaʼ x-xorti għalihom f’Silo quddiem Ġeħova. Hemmhekk Ġożwè qassam l-art lill-Iżraelin skont is-sehem tagħhom.
11 U telgħet ix-xorti għat-tribù taʼ Benjamin skont il-familji tiegħu, u t-territorju tax-xorti tagħhom kien bejn in-nies taʼ Ġuda u n-nies taʼ Ġużeppi.
12 Il-fruntiera tat-Tramuntana tat-territorju tagħhom kienet tibda mill-Ġordan, titlaʼ lejn it-telgħa taʼ Ġeriko fit-Tramuntana, titlaʼ fuq il-muntanja lejn il-Punent, u toħroġ lejn id-deżert taʼ Bet-awen.
13 U l-fruntiera kompliet minn hemm għal Luż, mat-telgħa tan-Nofsinhar taʼ Luż, jiġifieri Betel; il-fruntiera kienet tinżel lejn Għatarot-addar fuq il-muntanja li qiegħda fin-Nofsinhar taʼ Bet-ħoron t’Isfel.
14 U l-fruntiera kienet lejn il-Punent u ddur lejn in-Nofsinhar mill-muntanja li hi faċċata taʼ Bet-ħoron lejn in-Nofsinhar. Din kienet tispiċċa f’Kirjat-bagħal, jiġifieri Kirjat-ġegħarim, belt taʼ Ġuda. Din hi n-naħa tal-Punent.
15 In-naħa tan-Nofsinhar kienet minn tarf Kirjat-ġegħarim, u l-fruntiera kienet toħroġ lejn il-Punent; toħroġ lejn l-għajn tal-ilmijiet taʼ Neftogħa.
16 U kienet tinżel lejn tarf il-muntanja li tħares lejn Wied Bin Ħinnom, li qiegħed fil-Wied* taʼ Refajm lejn it-Tramuntana, u tinżel lejn Wied Ħinnom, lejn it-telgħa tal-Ġebusin fin-Nofsinhar, u tinżel lejn Għajn-rogel.
17 U kienet tibqaʼ sejra lejn it-Tramuntana u toħroġ lejn Għajn-xemex u mbagħad lejn Gelilot, li qiegħed faċċata tat-telgħa t’Adummim, u kienet tinżel lejn il-ġebla taʼ Boħan bin Ruben.
18 U kienet tkompli sejra lejn it-telgħa tat-Tramuntana faċċata tal-Għaraba u tinżel lejn l-Għaraba.
19 U l-fruntiera kienet tibqaʼ sejra lejn it-telgħa tat-Tramuntana taʼ Bet-ħogla, u kienet tispiċċa mal-bajja tat-Tramuntana tal-Baħar il-Mielaħ* fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Ġordan. Din kienet il-fruntiera tan-Nofsinhar.
20 U x-Xmara Ġordan serviet bħala l-fruntiera fin-naħa tal-Lvant. Dan kien il-wirt taʼ dawk li jiġu minn Benjamin skont il-familji u l-fruntieri tagħhom.
21 U l-bliet tat-tribù taʼ Benjamin skont il-familji tiegħu kienu: Ġeriko, Bet-ħogla, Għemek-kesis,
22 Bet-għaraba, Semarajm, Betel,
23 Għawwim, Para, Għofra,
24 Kefar-għammoni, Għofni, u Geba. B’kollox, 12-il belt u l-irħula tagħhom.
25 Kien hemm ukoll Gibegħon, Rama, Birot,
26 Mispe, Kefira, Mosah,
27 Rekem, Irfel, Tarala,
28 Żelah, Ħa-elef, il-belt tal-Ġebusin, jiġifieri Ġerusalemm, Gibegħa, u Kirjat. B’kollox, 14-il belt u l-irħula tagħhom.
Dan kien il-wirt taʼ dawk li jiġu minn Benjamin skont il-familji tagħhom.