Ġożwè 4:1-24

  • Ġebel iservi bħala tifkira (1-24)

4  Malli l-poplu kollu kien qasam il-Ġordan, Ġeħova qal lil Ġożwè:  “Agħżel 12-il raġel mill-poplu, wieħed minn kull tribù,  u agħtihom dan il-kmand, ‘Ħudu 12-il ġebla minn nofs il-Ġordan, mill-post fejn kienu waqfu l-qassisin, u ġorruhom magħkom u qegħduhom fil-post fejn se tqattgħu l-lejl.’”  Għalhekk, Ġożwè għajjat it-12-il raġel li kien inkariga mill-Iżraelin, wieħed minn kull tribù,  u qalilhom: “Għaddu qabel l-Arka taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom lejn nofs il-Ġordan, u kull wieħed minnkom għandu jerfaʼ ġebla fuq spalltu, skont in-numru tat-tribujiet tal-Iżraelin,  biex ikun bħala sinjal f’nofskom. Jekk it-tfal tagħkom iktar tard jistaqsu, ‘Għala hawn dan il-ġebel?’  intom tridu tgħidulhom, ‘Għax l-ilmijiet tal-Ġordan twaqqfu minn quddiem l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. Meta l-Arka qasmet il-Ġordan, l-ilmijiet tal-Ġordan twaqqfu. Dan il-ġebel iservi bħala tifkira dejjiema għall-poplu t’Iżrael.’”  Għalhekk, l-Iżraelin għamlu bħalma kien ikkmanda Ġożwè. Huma ħadu 12-il ġebla minn nofs il-Ġordan skont in-numru tat-tribujiet tal-Iżraelin, bħalma Ġeħova kien qal lil Ġożwè. Huma ħaduhom fil-post fejn kienu se jqattgħu l-lejl u qegħduhom hemmhekk.  Ġożwè qiegħed ukoll 12-il ġebla f’nofs il-Ġordan fil-post fejn kienu waqfu saqajn il-qassisin li kienu qed iġorru l-arka tal-patt, u l-ġebel għadu hemm sal-lum. 10  Il-qassisin li kienu qed iġorru l-Arka baqgħu weqfin f’nofs il-Ġordan sakemm tlesta kulma Ġeħova kien ikkmanda lill-poplu biex jagħmel permezz taʼ Ġożwè, fi qbil maʼ kulma Mosè kien ikkmanda lil Ġożwè. Sadanittant, il-poplu ħaffef biex jaqsam il-Ġordan. 11  Malli l-poplu kollu kien qasam għan-naħa l-oħra, l-Arka taʼ Ġeħova u l-qassisin qasmu quddiem għajnejn il-poplu. 12  Ir-Rubenin, il-Gadin, u nofs it-tribù taʼ Manasse għaddew lesti għall-battalja quddiem l-Iżraelin l-oħra, bħalma kien qalilhom Mosè. 13  Madwar 40,000 suldat armat għall-gwerra qasmu għan-naħa l-oħra quddiem Ġeħova lejn il-pjanuri tad-deżert taʼ Ġeriko. 14  Dakinhar Ġeħova wera biċ-ċar quddiem l-Iżraelin kollha li kien qed jgħin lil Ġożwè, u huma rrispettawh ħafna* tul ħajtu kollha, bħalma kienu rrispettaw ħafna lil Mosè. 15  Imbagħad Ġeħova qal lil Ġożwè: 16  “Ikkmanda lill-qassisin li qed iġorru l-arka tat-Testimonjanza* biex joħorġu mill-Ġordan.” 17  Għalhekk, Ġożwè kkmanda lill-qassisin: “Oħorġu mill-Ġordan.” 18  Meta l-qassisin li kienu qed iġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova ħarġu minn nofs il-Ġordan u saqajhom messu l-art niexfa, l-ilmijiet tal-Ġordan reġgħu bdew ġejjin lura f’posthom u bdew ifuru mix-xtut tagħha bħal qabel. 19  In-nies ħarġu mill-Ġordan fl-għaxra tal-ewwel xahar u kkampjaw f’Gilgal mal-fruntiera tal-Lvant taʼ Ġeriko. 20  U Ġożwè qiegħed f’Gilgal it-12-il ġebla li kienu ħadu mill-Ġordan. 21  Imbagħad qal lill-Iżraelin: “Fil-futur, meta t-tfal tagħkom jistaqsukom, ‘Xi jfisser dan il-ġebel?’ 22  intom għandkom tispjegawlhom, ‘L-Iżraelin qasmu l-Ġordan fuq art niexfa 23  meta Ġeħova l-Alla tagħkom nixxef l-ilmijiet tal-Ġordan minn quddiemhom sakemm kienu qasmu, bħalma Ġeħova l-Alla tagħkom kien għamel lill-Baħar l-Aħmar meta nixxfu minn quddiemhom sakemm qasmu. 24  Hu għamel dan biex il-popli kollha tal-art ikunu jafu kemm hi b’saħħitha id Ġeħova u biex intom dejjem tqimu lil* Ġeħova l-Alla tagħkom.’”

Noti taʼ taħt

Letteralment “beżgħu minnu.”
Jiġifieri l-arka tal-patt. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tibżgħu minn.”