Ġożwè 9:1-27

  • Il-Gibegħonin iħaddmu moħħhom biex ikollhom il-paċi (1-15)

  • Il-Gibegħonin jinqabdu jqarrqu (16-21)

  • Il-Gibegħonin ikollhom jiġbru l-injam u jtellgħu l-ilma (22-27)

9  U dak li ġara saru jafu bih ir-rejiet kollha li kienu fuq in-naħa tal-Punent tal-Ġordan, dawk fir-reġjun muntanjuż, fis-Sefela, tul il-kosta kollha tal-Baħar il-Kbir,* u quddiem il-Libanu. Dawn kienu r-rejiet tal-Ħittin, tal-Amurrin, tal-Kangħanin, tal-Pereżin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin.  B’hekk, inġemgħu flimkien b’fehma waħda biex jiggwerraw kontra Ġożwè u Iżrael.  Dawk li joqogħdu f’Gibegħon ukoll saru jafu b’dak li Ġożwè kien għamel lil Ġeriko u Għaj.  Għalhekk, ħaddmu moħħhom u poġġew provvisti fi xkejjer qodma fuq il-ħmir tagħhom, flimkien maʼ fliexken tal-ġild tal-inbid qodma li kienu nfaqgħu u ssewwew.  Huma libsu sandlijiet qodma u mraqqgħin, u ħwejjeġ qodma. Il-ħobż kollu tal-provvisti tagħhom kien niexef u mfarrak.  Imbagħad marru għand Ġożwè fil-kampijiet f’Gilgal u qalu lilu u lill-irġiel t’Iżrael: “Aħna ġejna minn pajjiż ’il bogħod. Allura agħmlu patt magħna jekk jogħġobkom.”  Imma l-irġiel t’Iżrael qalu lill-Ħiwwin: “Għandu mnejn tgħixu viċin tagħna. Allura, kif nistgħu nagħmlu patt magħkom?”  Huma wieġbu lil Ġożwè: “Aħna l-qaddejja* tiegħek.” Imbagħad Ġożwè qalilhom: “Min intom, u minn fejn ġejjin?”  Għal dan qalulu: “Aħna l-qaddejja tiegħek u ġejjin minn pajjiż ’il bogħod ħafna minħabba isem Ġeħova l-Alla tiegħek, għax smajna bil-fama tiegħu u b’kulma għamel fl-Eġittu 10  u b’kulma għamel liż-żewġ rejiet tal-Amurrin li kienu fuq in-naħa l-oħra* tal-Ġordan, lir-Re taʼ Ħesbon u lir-Re Għog tal-Basan li kien jgħix f’Għastarot. 11  Għalhekk, l-anzjani* tagħna u dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna qalulna, ‘Ħudu l-provvisti magħkom għall-vjaġġ u morru ltaqgħu magħhom. Għidulhom: “Aħna nkunu l-qaddejja tagħkom. Allura agħmlu patt magħna jekk jogħġobkom.”’ 12  Dan il-ħobż li ħadna għall-provvisti tagħna kien għadu sħun meta tlaqna minn djarna biex niġu għandkom. Kif tistgħu taraw, issa nixef u tfarrak. 13  U dawn il-fliexken tal-ġild tal-inbid kienu ġodda meta mlejniehom, imma issa nfaqgħu. U l-ħwejjeġ u s-sandlijiet tagħna qdiemu tant kemm kien twil il-vjaġġ.” 14  Għalhekk, l-irġiel t’Iżrael ħadu ftit mill-provvisti tagħhom biex jeżaminawhom, imma ma staqsewx lil Ġeħova x’għandhom jagħmlu. 15  Allura Ġożwè għamel paċi u patt magħhom biex iħallihom ħajjin, u l-kapijiet tal-ġemgħa ħalfulhom li se jagħmlu dan. 16  Wara tlett ijiem li kienu għamlu patt magħhom, huma semgħu li kienu joqogħdu viċin tagħhom. 17  Imbagħad l-Iżraelin telqu u waslu fil-bliet tagħhom fit-tielet jum. Dawn il-bliet kienu Gibegħon, Kefira, Birot, u Kirjat-ġegħarim. 18  Imma l-Iżraelin m’attakkawhomx, għax il-kapijiet tal-ġemgħa kienu ħalfulhom b’Ġeħova l-Alla t’Iżrael. Allura, il-ġemgħa kollha bdiet tgerger kontra l-kapijiet. 19  Għal dan, il-kapijiet kollha qalu lill-ġemgħa: “Peress li ħlifnielhom b’Ġeħova l-Alla t’Iżrael ma nistgħux nagħmlulhom ħsara. 20  Hekk se nagħmlu: Se nħalluhom ħajjin, biex Alla ma jirrabjax magħna minħabba dak li ħlifnielhom.” 21  U l-kapijiet żiedu: “Ħa jibqgħu ħajjin, imma se jkollhom jiġbru l-injam u jtellgħu l-ilma għall-ġemgħa kollha.” Hekk wegħduhom il-kapijiet. 22  Imbagħad Ġożwè għajtilhom u qalilhom: “Għala qarraqtu bina billi għedtu, ‘Aħna ġejna minn post ’il bogħod ħafna,’ meta fil-fatt tgħixu f’nofsna? 23  Mil-lum intom misħutin, u se tkunu lsiera għal dejjem u se tiġbru l-injam u ttellgħu l-ilma għad-dar tal-Alla tiegħi.” 24  Huma wieġbu lil Ġożwè: “Dan kien għax lilna, il-qaddejja tiegħek, intqalilna b’mod ċar li Ġeħova l-Alla tiegħek kien ikkmanda lil Mosè l-qaddej tiegħu biex jagħtikom l-art kollha u jeqred għalkollox lil dawk kollha li jgħixu fiha. Allura bżajna li se toqtluna, u għalhekk għamilna dan. 25  Issa aħna f’idejk. Agħmlilna kulma taħseb li hu tajjeb u ġust.” 26  U hekk għamlilhom. Ħelishom minn idejn l-Iżraelin u ma qatluhomx. 27  Imma dakinhar, Ġożwè qabbadhom jiġbru l-injam u jtellgħu l-ilma għall-ġemgħa u għall-artal taʼ Ġeħova, fil-post li jagħżel Hu. Huma għadhom jagħmlu dan sal-lum.

Noti taʼ taħt

Jiġifieri l-Mediterran.
Jew “l-ilsiera.”
Jiġifieri n-naħa tal-Lvant.