Ġob 34:1-37
34 Għalhekk Eliħu kompla jgħid:
2 “Isimgħu kliemi intom l-għorrief;Isimgħuni intom li tafu ħafna.
3 Għax il-widna tiżen il-kliem,Bħalma l-ħalq itiegħem l-ikel.
4 Ejja nagħżlu aħna x’inhu sewwa;Ejja niddeċiedu bejnietna x’inhu tajjeb.
5 Għax Ġob qal, ‘Jien għandi raġun,Imma Alla ma mexiex b’mod ġust miegħi.
6 Se nigdeb jien dwar il-ġudizzju li ħaqqni?
Il-ferita tiegħi ma tfiqx, avolja ma dnibtx.’
7 Min hu bħal Ġob,Li jaċċetta t-tgħajjir bħallikieku qed jixrob l-ilma?
8 Daqt jibda jagħmilha maʼ dawk li jagħmlu l-ħażenU jqattaʼ l-ħin maʼ nies mill-agħar.
9 Għax hu qal, ‘Bniedem ma jiggwadanja xejnMilli jipprova jogħġob lil Alla.’
10 Għalhekk, isimgħuni intom li kapaċi tifhmu:
Ma jistax ikun li l-Alla l-veru jaġixxi bil-ħażen,U li Dak li Jistaʼ Kollox jagħmel il-ħażin!
11 Għax hu jippremja l-bniedem skont dak li jagħmelU jagħtih dak li ħaqqu.
12 Alla żgur li ma jaġixxix bil-ħażen;Dak li Jistaʼ Kollox dejjem jagħmel dak li hu tajjeb.
13 Min tah kontroll fuq l-art,U min inkarigah fuq id-dinja kollha?
14 Jekk jiħodha kontra l-bnedminU jneħħilhom l-ispirtu u n-nifs tagħhom,
15 In-nies kollha jmutu flimkienU jerġgħu jsiru trab.
16 Mela jekk kapaċi tifhem,Oqgħod attent għal dak li se ngħidlek;Ismaʼ sew dak li se ngħid.
17 Jistaʼ jkun li xi ħadd li jobgħod il-ġustizzja jkun mexxej?
Se tikkundanna int lil xi ħadd ġust li għandu l-qawwa?
18 Se tgħid lil re, ‘Int m’int tajjeb għal xejn’?
Se tgħid lill-mexxejja, ‘Intom ħżiena’?
19 Hemm Wieħed li ma jurix preferenzi mal-uffiċjali għoljinU ma jqisx lis-sinjuri aħjar mill-foqra,*Għax kollha hu għamilhom.
20 Huma għandhom mnejn imutu f’daqqa, f’nofs taʼ lejl;Huma jirtogħdu ħafna u jmutu.
Anki l-mexxejja jitneħħew imma mhux mill-bniedem.
21 Għax Alla joqgħod attent għal dak li bniedem jagħmelU jara kull pass li jagħmel.
22 M’hemmx dlam jew swidijaFejn dawk li jagħmlu l-ħażin jistgħu jistaħbew.
23 Alla ma jagħtix ħin speċifiku lil xi bniedemBiex jieħdu quddiemu u jiġġudikah.
24 Hu jeqred lill-mexxejja mingħajr ma jkollu għalfejn jinvestigaU jpoġġi oħrajn minflokhom.
25 Għax hu jaf x’qed jagħmlu;Hu jegħlibhom matul il-lejl, u huma jinqerdu.
26 Hu jattakkahom minħabba l-ħażen tagħhomQuddiem kulħadd,
27 Għax huma ma baqgħux jimxu warajhU ma tawx kas dak li għamel.
28 Huma ġiegħlu lill-foqra jgħajtulu għall-għajnuna,Biex b’hekk hu jismaʼ l-għajta taʼ dawk li ma jistgħu jagħmlu xejn.
29 Imma min jistaʼ jikkundannah jekk ma jagħmel xejn biex jgħinhom?
Min jistaʼ jarah meta jaħbi wiċċu?
Kemm jekk jaħbih minn poplu jew bniedem, ir-riżultat ikun l-istess.
30 B’hekk xi ħadd ħażin* ma jkunx jistaʼ jmexxiJew jaqbad in-nies f’nassa.
31 Int qed tgħid lil Alla,‘Jien qed inbati avolja m’għamilt xejn ħażin;
32 Urini dak li ma nistax nara jien;Jekk għamilt xi ħaġa ħażina, mhux se nerġaʼ nagħmilha.ʼ
33 Għandu hu jippremjak skont ir-raġunar tiegħek għax ma taqbilx miegħu?
Int trid tiddeċiedi jekk taqbilx jew le.
Għalhekk għidli dak li taf.
34 Nies li għandhom l-għerf u kapaċi jifhmuSe jisimgħuni u jgħiduli:
35 ‘Ġob jitkellem mingħajr ma jaf il-fatti kollha.
Hu jitkellem mingħajr ma jifhem.ʼ
36 Ħa jiġi ttestjat* għalkollox bid-diffikultajiet tiegħu,Għax it-tweġibiet tiegħu huma bħal taʼ nies ħżiena!
37 Apparti li jidneb, hu ribelluż;Hu jċapċap quddiemna b’diżrispettU jkompli jitkellem kontra l-Alla l-veru!”
Noti taʼ taħt
^ Jew “lin-nobbli aħjar mill-batuti.”
^ Jew “apostat.”
^ Jew forsi “Missier, ħalli lil Ġob jiġi ttestjat.”